MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Araw kif tassew nistgħu nitilqu mill-Unjoni Ewropea
Dan huwa video tal-Parlament Ewropew
minn Karmenu Mifsud Bonnici
Aħna ilna
ngħidu u nuru kif id-dittaturi kolonjalisti ta’ l-Unjoni Ewropea jridu li
jagħlqu t-Tarznari Maltin.
Dan għaliex l-Unjoni Ewropea u forsi anki Stati Membri oħra ma jridux lit-Tarznari Maltin jikkompetu mat-tarznari tagħhom.
Urejna kif bir-regoli u bl-impożizzjoni
ta’ l-ordnijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li jinsabu fit-Trattat tas-Sħubija
ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, it-Tarznari jridu jagħlqu wara s-sena d-dieħla.
Biex dan ikompli jikkonferma dak li ilna dejjem ngħidu, issa rajna fil-media li l-Gvern qiegħed f’negozjati sigrieti biex it-Tarznari jinbiegħu lil xi ditta Ingliża.
Dan juri kif il-Gvern fuq l-ordnijiet ta’ l-Unjoni Ewropea jrid ibiegħ dak kollu li huwa tagħna lill-privat u l-aktar lil ditti u organizzazzjonijiet barranin ħalli ma jibqa’ xejn tal-poplu Malti.
Għalhekk ħsibna li nġibulkom fuq il-paġna tat-Tarznari silta minn dak li kiteb iċ-Chairman tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali dwar it-Tarznari fil-paġna tas-CNI ta’ l-10 ta’ Mejju 2007.
It-Tarzna
u l-Unjoni Ewropea
L-Unjoni
Ewropea tippretendi li wara l-31 ta’ Diċembru 2008 nagħlqu t-Tarzna
jekk din ma tkunx f’qagħda li tkompli mingħajr sussidju.
L-Unjoni tirraġuna li la t-Tarzna hija kumpanija kummerċjali, m’għandhiex tingħata għajnuna mill-istat għax dan ikun qed jagħtiha vantaġġ fuq it-tarzni kompetituri tagħha fil-pajjiżi ta’ l-UE.
Dan ir-raġunar huwa żbaljat u m’għandniex noqogħdu għalih.
M’għandniex naċċettaw li l-istat ma jagħtix għajnuna
lill-kumpaniji kummerċjali biex dawn ikomplu jħaddmu n-nies li
m’hemmx xogħol alternattiv għalihom.
Ma naċċettawhx, mhux biss għax huwa prinċipju ħażin, iżda wkoll għax fil-pajjiżi ta’ l-UE hemm ħafna impriżi li jingħataw għajnuna mill-istat, kemm finanzjarjament, kif ukoll b’ordnijiet ta’ xogħlijiet governattivi li f’pajjiżna ma jeżistux.
Insemmu l-każ ta’ l-Airbus u l-każ tal-bini tal-bċejjeċ navali, l-ewwel bħala eżempju ta’ għajnuna finanzjarja diretta, u t-tieni, bħala eżempju ta’ għajnuna indiretta.
L-UE
tagħti sussidji
L-UE ma
tistax tgħid li l-għoti ta’ sussidji hija ħaġa ħażina
meta l-UE stess tagħti kull sena ’l fuq minn 40 fil-mija tal-fondi tagħha
f’sussidji għall-biedja.
L-UE mponiet fuq il-Gvern Malti li jwettaq il-Politika Agrikola Komuni tagħha li tfisser li l-Gvern jagħti parti mis-sussidju lill-biedja mit-taxxi miġbura mill-poplu.
L-UE tat il-kunsens tagħha wkoll ħalli l-Gvern jissussidja lil-“low cost airlines” li jiġu f’pajjiżna.
Għalhekk l-għoti tas-sussidji mhux xi prinċipju assolut ta’ l-UE.
Hemm aspett ieħor tal-kwistjoni li għandu jiġi kkunsidrat.
Ħafna mid-dipartimenti u taqsimiet tal-Gvern ma jibbilanċjawx id-dħul u l-ħruġ tagħhom, u dawn ikomplu jaħdmu dejjem bil-fondi li l-Gvern joħroġ għalihom.
Nieħdu b’eżempju d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li miegħu hemm eluf ta’ ħaddiema.
U l-istess nistgħu ngħidu għal ħafna mill-awtoritajiet imwaqqfin biex jagħmlu xogħol li qabel kien isir direttament mill-impjegati tal-Gvern.
I
Issa t-Tarzna
hija tal-Gvern ukoll, għalkemm titmexxa minn kumpanija kummerċjali li
l-Gvern huwa x-‘shareholder’ tagħha.
Jekk twarrab il-kumpanija min-nofs, jibqa’ l-Gvern responsabbli direttament mit-tmexxija tat-Tarzna u mill-ħaddiema tat-tarzna li għandhom jitqiesu l-istess bħall-ħaddiema l-oħrajn tal-Gvern.
Il-ħaddiema tat-Tarzna għandhom dritt li jitqiesu ħaddiema
mal-Gvern.
Tant, li dawk li
ma tħallewx jaħdmu fit-Tarzna, għalkemm tqegħdu taħt
kumpanija oħra tal-Gvern, xorta waħda qegħdin jaħdmu xogħol
tal-Gvern jew f’dipartimenti tal-Gvern u jitħallsu mill-Gvern.
Jekk it-Tarzna ma tibqax kumpanija kummerċjali għax titmexxa
direttament mill-Gvern, dan ikun responsabbli għall-ispejjeż u
l-infieq kollha tagħha, bħal ma huwa responsabbli mill-ispejjeż u
l-infieq kollha tad-dipartimenti u taqsimiet tal-Gvern.
F’dak il-każ, la l-Gvern ma jkunx qed jagħti għajnuna lill-kumpanija kummerċjali, l-UE ma tkun tista’ tgħidlu xejn aktar dwar it-Tarzna, bħal ma tindaħallux x’jonfoq fuq id-dipartimenti u t-taqsimiet tiegħu.
M’għandhiex tagħlaq
Ma noħolmux
li l-Gvern jagħlaq it-tarzna għax il-pajjiż jiffranka l-flus
tas-sussidju.
Bl-għeluq tat-tarzna u “1,400” ruħ bla xogħol, l-ispiża għall-istat tkun akbar f’għajnuniet għall-qgħad u għajnuna soċjali oħra, kif ukoll telf tad-dħul mit-taxxa fuq il-pagi u l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà nazzjonali.
Dan minbarra l-aktar kunsiderazzjoni importanti, l-isfreġju soċjali li miżura bħal din tikkaġuna.
Għandna minn issa nagħmluha ċara lill-UE li jekk wara l-31 ta’
Diċembru 2008 se nkunu ffaċċjati bl-ordni li nagħlqu
t-Tarzna, m’aħniex se naċċettawha.
Jekk l-għażla tkun bejn nagħlqu t-Tarzna biex inkunu nistgħu nibqgħu fl-Unjoni Ewropea, l-għażla tagħna hija waħda u bla tlaqliq:
It-Tarzna tibqa’ u aħna ma nibqgħux imseħbin fl-UE
Il-poplu għandu jifhem li t-telf ta’ kull sena tal-Gvern mhux l-ammont
ta’ sussidju mogħti lit-tarzna, iżda għaxar darbiet aktar minn
hekk.
Jekk it-Tarzna għandha tagħlaq għax titlef ftit miljuni, kemm għandu jitlaq il-Gvern li kull sena jitlef ħafna aktar miljuni minnha!
Ngħidu wkoll lill-poplu li qegħdin immorru minn taħt kull sena bejn x’indaħħlu u x’nonfqu minħabba s-sħubija tagħna fl-Unjoni, aktar milli nitilfu mit-Tarzna.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ