MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHILFU LI NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

It-Trattat ta’ Lisbona (3)

 

minn Eddy Privitera

 

Fir-raba’ artiklu tiegħu dwar it-Trattat ta’ Lisbona, il-ħabib tiegħi Dr John Attard Montalto silet diversi punti.

 

Se nikkummenta mill-ewwel bla ma noqgħod “nikkwota” x’kiteb minħabba l-ispazju, ħlief għal xi kwotazzjonijiet żgħar.

 

1) Il-valur tal-“paċi, demokrazija, rispett lejn id-drittijiet umani, ġustizzja u ugwaljanza” f’Malta ħaddannihom bla ma kellna bżonn lill-Unjoni Ewropea biex tgħallimhomlna. Bil-politika ta’ newtralità u non-allineament urejna bil-fatti – u mhux bil-kliem biss – li nemmnu u ħdimna għall-paċi.


Rigward demokrazija żgur li bit-Trattat ta’ Lisbona d-demokrazija fl-UE – li diġà hi dgħajfa għall-aħħar – se taqla’ d-daqqa tal-mewt!

 

Fejn jidħlu d-drittijiet umani diġà teżisti l-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg.

 

Għall-ġustizzja u l-ugwaljanza mhemmx għalxiex it-Trattat ta’ Lisbona jew l-UE.

 

Li jrid ikollok huwa gvern li jemmen u jattwa dawn id-drittijiet.

 

Wara kollox mhux kulħadd għandu l-istess valuri dwar drittijiet umani, bħalma rajna bid-deċiżjoni tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kurċifissi fl-iskejjel u postijiet oħrajn pubbliċi.


Min jaf x’jiġri jekk il-każ jitqajjem ukoll fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE?

 

X’tgħid il-Kummissjoni Ewropea ma jgħoddx.

 

Jgħodd li tgħid il-Qorti Ewropea.

 

Kemm-il darba din il-Qorti ddeċidiet kontra xi deċiżjoni tal-Kummissjoni.

 

2) Il-kriminalità internazzjonali tista’ tiġġieldilha b’koperazzjoni internazzjonali bħalma hi, per eżempju, l-Interpol, u bi ftehim bilaterali bħalma ma l-UE għandha ma’ pajjiżi oħrajn. Żgur li s-sigurtà ta’ pajjiżna, flok issaħħet, ddgħajfet bid-dħul fiż-Żona Schengen.

 

Kellna diġà każi ta’ reati, inklużi qtil, li l-Pulizija Maltija stess esprimiet il-ħsieb li dan kellhom oriġini Mafjuża – bħal dak li seħħ f’bar f’Birkirkara.

 

Illum jistgħu jidħlu f’pajjiżna kriminali barranin, iwettqu att kriminali u jogħsfru dakinhar stess bla ma jkollna ebda ħjiel li dawk il-kriminali kienu hawn!


It-Trattat ta’ Lisbona mhu se jsewwi xejn.

 

Mhux ta’ b’xejn li r-Renju Unit ma riedx jidħol fiż-Żona Schengen għax ma riedx jimmina s-sigurtà tiegħu.

 

3) It-tkabbir ta’ ekonomija stabbli u bilanċjata u stabbilità fil-prezzijiet dejjem jiddependu mill-għaqal u r-rieda politika tal-gvernijiet individwali. Din suppost diġà teżisti mingħajr it-Trattat ta’ Lisbona, iżda rajna kif fid-diversi pajjiżi tal-UE kien hemm diverġenzi kbar fl-ekonomiji tagħhom.


U f’pajjiżna qegħdin naraw il-prezzijiet jogħlew ferm aktar minn diversi pajjiżi oħrajn Ewropej.

 

Xi ħadd jaħseb li bit-Trattat ta’ Lisbona l-prezzijiet tal-mediċini, per eżempju, se jiġu bħal dawk fl-Italja?

 

Gvern Malti sod u ma jibżax jieħu ċerti miżuri jrid ikollna u mhux trattat li ma joffri ebda bakketta maġika!

 

Anzi se jagħmilha aktar diffiċli biex gvern nazzjonali jieħu ċerti deċiżjonijiet ta’ natura ekonomika skont l-esiġenzi partikolari għax l-UE se jkollha d-dritt legali li tinnegozja u tiffirma hi, anke trattati kummerċjali, li mhux bilfors ikunu fl-interess ta’ pajjiżna.


Il-politika Ewropea ta’ “one size fits all” diġà wriet li falliet, anke fejn jidħol ix-xogħol, prezzijiet, eċċ., fejn naraw differenzi enormi, per eżempju, fil-qasam tax-xogħol fejn għandek stati membri b’rata ta’ qgħad viċin l-20% u oħrajn bi 3.5%!


U “s-solidarjetà” diġà rajna wkoll li kienet finta fejn tirrigwarda l-immigrazzjoni illegali.

 

4) Li bit-Trattat ta’ Lisbona se tkun l-UE li “tista’ titkellem b’vuċi waħda lil hinn mill-Unjoni”, kif kiteb Dr Attard Montalto, se tfisser li Malta ma tistax issemma leħinha kif temmen hi u kif jaqblilha. Ikollha taqbel u tappoġġja – trid jew ma tridx – ma’ dak li jiddeċiedi r-“Rappreżentant Għoli” (jew Ministru) tal-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà tal-UE. Anke jekk dan suppost jikkonsulta mal-gvernijiet tal-istati membri.


F’Malta wkoll il-Prim Ministru suppost jikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni fuq ċerti materji, però dan ma jfissirx li jkollu jaqbel jew jasal għal kompromess miegħu.

 

Dejjem, tista’ tgħid, isir dak li jkun irid tal-ewwel.

 

U hekk se jiġri fl-UE bit-Trattat ta’ Lisbona!


Għalhekk hemm miktub li l-istati membri “huma mistennija li attivament u BLA RISERVA jappoġġjaw il-politika barranija u ta’ sigurtà FI SPIRTU TA’ LEALTÀ u solidarjetà”.
 

5) Fl-Ewropa ilha snin twal teżisti l-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg, li Malta hija firmatarju tagħha u għalhekk suppost taċċetta d-deċiżjonijiet tagħha. Però l-UE dehrilha li kellha toħloq iċ-Charter of Fundamental Rights, li bit-Trattat ta’ Lisbona ngħata s-saħħa legali kollha. U se tkun il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea li tiddeċiedi kif għandhom jiġu interpretati d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Per eżempju, “id-dritt għall-ħajja” li hemm fiċ-‘charter’ kif se jiġi interpretat? Li l-ħajja tibda mat-twelid jew mal-konċepiment, disa’ xhur qabel? U d-deċiżjoni tal-Qorti tal-UE torbot, anke lilna, jgħidu x’jgħidu l-politiċi.


6) Drittijiet oħrajn li jissemmew fiċ-‘charter’ ilna snin twal ingawduhom f’Malta, bħall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta mix-xogħol, dritt għas-sigurtà soċjali, eċċ. La kellna bżonn lill-UE u wisq inqas it-Trattat ta’ Lisbona, anzi bid-deċiżjonijiet li ħadet il-Qorti Ewropea d-dritt tal-istrajk tal-ħaddiema ġie mminat għax poġġiet l-interess tal-moviment tal-ħaddiema (kif qablilhom is-sidien) bejn stat u ieħor tal-UE qabel id-dritt tal-ħaddiema li jistrajkjaw biex iħarsu l-livell ta’ pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol minn ħaddiema barranin, li jinġiebu jaħdmu f’pajjiżhom minn sidien b’pagi ferm aktar baxxi.

 

7) Kemm it-Trattat ta’ Lisbona “se jkun qed jassigura li s-suq tal-enerġija jaħdem sew” u kemm “se jassigura l-effiċjenza fl-enerġija u t-tnaqqis fil-ħela” għad irridu naraw. Li hu żgur huwa li biex dawn l-għanijiet jintlaħqu mhux kitba f’xi trattat trid, iżda gvern serju.

 

Kull ma jista’ jiġri bit-Trattat huwa li jekk il-Gvern Malti ma jwettaqx ir-regoli dwar l-enerġija, inkunu aħna ċ-ċittadini li nħallsu l-multi li twaħħalna l-UE u mhux il-ministri!


Allura dan huwa xi gwadann għall-poplu Malti?!

 

Il-Ħamis 12 ta’ Novembru, 2009

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ