MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHILFU LI NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

“Irridu pajjiżna lura”

 

minn Eddy Privitera

 

Dan kien it-titlu tal-ġurnal nazzjonali Ingliż, Daily Express, ta’ nhar il-Ħamis 25 ta’ Novembru, 2010.

 

Dan huwa l-ewwel ġurnal nazzjonali fir-Renju Unit li issa ħareġ b’ruħu u b’ġismu favur li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.


Din l-aħbar qajmet entużjażmu kbir fost il-poplu Ingliż, speċjalment dawk li dejjem kienu ewro xettiċi.

 

F’kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika li jsir fir-Renju Unit, maġġoranza kbira tal-poplu turi li għandha dubji kbar dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE.

 

U persentaġġ sostanzjali dej­jem urew li qablu li r-Renju Unit imur ferm aħjar jekk joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Issa li ġurnal nazzjonali tant influwenti bħad-Daily Express, għamilha ċara li se jaħdem bla heda biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE, biex il-poplu Brittaniku “jerġa’ jirbaħ pajjiżu lura”, il-mewġa favur din l-għajta se tikber tant li se jkun diffiċli ferm għal kull Gvern Brittaniku li ma jieħux bis-serjetà kollha dan il-fenomenu li ilu jeżisti għexieren ta’ snin, iżda li issa sab arma qawwija ferm biex l-għajta tal-poplu Brittaniku tibda tirbombja ma’ kull rokna tar-Renju Unit!


X’kien li ġiegħel lid-Daily Express li issa toħroġ kompletament favur li r-Renju Unit joħroġ barra mill-UE? Forsi din is-silta żgħira li għażilt mir-rapport tad-Daily Express jagħti ħjiel tajjeb:

 

“Wara wisq snin bħala vittmi ta’ Brussels, tas-serq, “bullying”, regolamentazzjoni żejda u ndħil f’kollox, wasal iż-żmien għall-poplu Brittaniku biex jirbaħ lura lill-pajjiżu u jerġa’ jdaħħal il-leġittimità u r-responsabbiltà fil-proċess politiku”.

Ir-Renju Unit ilu għexieren ta’ snin joħroġ ferm aktar flus milli jirċievi mill-UE, flus li ħafna minnhom marru biex issussidjaw bil-kbir lil bdiewa Franċiżi, Irlandiżi, Spanjoli eċċ, waqt li l-bdiewa Brittaniċi bdew sejrin dejjem aktar lura.

 

Il-poplu Brittaniku ra wkoll l-industrija tas-sajd tiegħu tieħu majnata wara l-oħra bir-regolamentazzjoni żejda tal-Unjoni rigward is-sajd.


Hemm ħafna u ħafna aktar raġunijiet li wasslu biex il-poplu Brittaniku jsir l-aktar poplu ewro xettiku fl-Ewropa kollha.


Iżda, fl-opinjoni tiegħi, l-aktar raġuni li dawwret l-opinjoni tal-poplu Ingliż – kif insibuh aħna – hu l-fatt li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea dgħajjfet bil-kbir is-sovranità tar-Renju Unit.

 

Dan joħroġ ċar minn kumment li ta lid-Daily Express Lord Stoddart ta’ Swindon – li hu membru fil-House of Lords, meta qal:

“Missna l-ewwelnett, qatt ma sseħibna (fl-UE). Tiswa wisq flus. Qegħdin, pass wara pass, nitilfu s-sovranità u l-poter kull darba li jsir xi ftehim.”


Biex wieħed jifhem kemm is-sħubija tar-Renju Unit qiegħda tiswielhom flus, figuri uffiċjali juru li l-poplu Ingliż se jħallas kontribuzzjoni Netta (jiġifieri wara li tnaqqas il-flus li jirċievi r-Renju Unit mill-UE) ta’ £6 biljuni din is-sena li titla’ għal £10.3 biljun fis-sena skont ftehim li kien għamel l-eks-Prim Ministru Tony Blair qabel ma rtira mill-kariga ta’ Prim Ministru.


Diversi kritiċi jqisu li l-impatt tal-liġijiet ta’ Brussels fuq in-negozji fir-Renju Unit jiswew aktar minn hekk.

 

Stima riċenti tgħid li l-ispiża tal-leġislazzjoni tal-UE swiet lir-Renju Unit £19.3 biljuni s-sena l-oħra!


B’kollox hu kkalkolat li r-regolamenti tal-UE mill-1998 sa din is-sena, swew lill-poplu Ingliż £124 biljun.

 

Mhux ta’ b’xejn li l-poplu Ingliż qiegħed dejjem aktar jitlef is-sabar b’din l-imbierka Unjoni Ewropea, li lilna l-Maltin u l-Għawdxin kienu ppreżentawielna bħala ġenna tal-art!

 

Tiftakru kemm kienu jsemmulna l-Irlanda kemm marret tajjeb fl-UE?

 

X’qegħdin jgħidu llum dwar l-Irlanda?

 

Qed jgħidu kemm Malta hi aħjar mill-Irlanda!


Meta tisma’ u taqra x’qiegħed jingħad f’pajjiżi oħrajn dwar l-Unjoni Ewropea, ma tistaqsux lilkom infuskom bħali, imma kif f’Malta ma tisma’ lil ħadd isemmi l-problemi li toħloq sħubija fl-UE?

 

Min jaf kemm-il darba Dr Karmenu Mifsud Bonnici sfida lill-Gvern biex jagħti rendikont ta’ x’qegħdin nirċievu flus mill-UE.


U kemm qiegħda tiswielna flus is-sħubija.

 

Mhux biss fi flus li nħallu direttament lill-UE, iżda wkoll kemm jiswew lil Malta biex tħaddem ir-regolamenti li dejjem ġejjin kull ġimgħa minn Brussels.


Organizzazzjoni barranija li tispeċjalizza fl-istħarriġ dwar il-pajjiżi tal-UE, Open Europe, sabet li l-ispiża li għandha Malta biex tapplika r-regolamenti tal-Unjoni, hi ta’ madwar €72.5 miljun fis-sena.

 

Ma’ dan trid iżżid il-kontribuzzjoni li tagħti Malta lill-UE kull sena, per eżempju s-sena d-dieħla Malta se tħallas €68 miljun.

 

Mela tal-inqas is-sena d-dieħla l-ispiża tas-sħubija se tkun ta’ madwar €140.5 miljun.

 

Minn dan innaqqsu kemm jista’ jirnexxielu l-Gvern Malti jġib fondi mill-UE.

 

Li hu żgur hu li nispiċċaw, bħal dejjem, ferm minn taħt!

 

Imma f’pajjiżna kulma tisma’ hu dwar x’fondi ġejjin mill-UE.

 

Mhux ta’ b’xejn li dak ta’ “par idejn sodi” qatt ma jiftaħ ħalqu meta jiġi sfidat biex jagħti rendikont ta’ x’qed tiswielna s-sħubija fl-UE!


Tgħid għad il-poplu Malti jistenbaħ, bħalma qed jistenbħu popli oħrajn fl-Ewropa, u jibda jitlob biex pajjiżna jerġa’ jikseb lura s-sovranità u l-indipendenza ta’ pajjiżna?

 

Tgħid għad naraw xi ġurnal Malti li jgħid l-istess kliem li qalet id-Daily Express,

 

“Oħorġu lil Malta mill-Unjoni Ewropea – Irridu pajjiżna lura”.

 

It-Tlieta, 7 ta’ Diċembru, 2010

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ