MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Dikjarazzjoni Solenni
Dikjarazzjoni solenni tal-Kampanja
Ħelsien Nazzjonali CNI:
Tiċħad it-Trattat ta’ Sħubija ta’ Malta fl-UE
Lejlet il-25 anniversarju tal-kisba tal-Ħelsien sħiħ
minn Malta fil-31 ta’ Marzu, 1979 u xahar qabel ma’ l-Unjoni Ewropea taħtaf
lil Malta fl-1 ta’ Mejju, 2004, aħna, il-Kampanja Ħelsien
Nazzjonali (CNI) qegħdin nagħmlu din id-dikjarazzjoni formali u
solenni lil ħutna Maltin u Għawdxin u lill-popli kollha ta’ l-Għaqda
tal-Ġnus Magħquda u tal-pajjiżi kollha tad-dinja.
Meta l-Unjoni Ewropea formalment taħtaf magħha lil Malta fl-1 ta’
Mejju, 2004, il-poplu tagħna jkun tilef il-ħelsien, l-indipendenza,
is-sovranità u n-newtralità u dan kollu jseħħ mingħajr
il-kunsens xieraq, validu, popolari u demokratiku.
Malta terġa’ tkun ħielsa. Ikun x‘ikun il-prezz li nħallsu,
ikunu x’ikunu s-sagrifiċċji li nagħmlu, aħna tal-Kampanja
Ħelsien Nazzjonali, naħilfu li nagħmlu minn kollox biex niksbu
mill-ġdid il-ħelsien sħiħ għal art twelidna.
Ħalli dawn il-fatti jkunu magħrufa minn kulħadd.
a) L-Unjoni Ewropea sejra formalment taħtaf magħha
lir-Repubblika ta’ Malta fl-1 ta’ Mejju, 2004, bis-saħħa
tat-Trattat ta’ Sħubija ta’ Malta ma’ l-Unjoni Ewropea li kien
iffirmat fis-16 ta’ April, 2003, f’Ateni.
b) Ir-Repubblika ta’ Malta, li d-daqs tagħha huwa biss ta’ 316
kilometri kwadri u għandha popolazzjoni ta’ 400,000 biss, tistqarr
fl-ewwel Artikli tal-Kostituzzjoni tagħha li Malta hija stat newtrali li
attivament jaħdem għall-paċi, sigurtà u progress soċjali
fost il-ġnus kollha billi tħaddan politika ta’ non-allinjament u
tirrifjuta li tieħu sehem f’xi alleanza militari, qiegħda tiġi
mġiegħla bit-Trattat ta‘ Sħubija ta’ l-Unjoni Ewropea ta’
l-2003, timxi skond il-politika, il-liġijiet, direttivi u deċiżjonijiet
li l-istituzzjonijiet kollha ta’ l-Unjoni Ewropea jieħdu u qiegħda
tiġi mġiegħla tobdi t-trattati kollha li l-Unjoni Ewropea tagħmel
u b’hekk Malta qiegħda titlef il-ħelsien, l-indipendenza,
is-sovranità u l-istatus tan-newtralità.
ċ) Fir-Referendum tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li sar
fit-8 ta’ Marzu, 2003, ’il fuq minn 53 fil-mija ta’ dawk li kellhom
d-dritt għall-vot, ma vvutawx favur is-sħubija.
d) F’dak ir-Referendum tħallew jivvotaw persuni li skond il-liġijiet
elettorali ta’ Malta ma kellhomx dritt li jivvotaw.
e) Il-kunsens tal-poplu Malti għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea kien
ivvizzjat u ma ngħatax validament u l-poplu Malti għandu dritt
jinsisti li ma jkunx marbut bit-Trattat ta’ Sħubija bejn Malta u l-Unjoni
Ewropea ta’ l-2003.
Huwa prinċipju bażiku fil-liġi li meta l-kunsens jingħata
b’riżultat ta‘ qerq, gideb, wegħdiet foloz li jammontaw għal
frodi, vjolenza morali u theddid, dak il-kunsens ikun ivvizzjat u wieħed
ikollu dritt jinsisti li ma jkunx marbut b’dak il-kunsens li ta.
Aħna nsostnu u nistħqu bil-qawwa kollha li l-kunsens tal-poplu Malti għas-sħubija
fl-Unjoni Ewropea, kemm dak mogħti fir-Referendum tat-8 ta’ Marzu, 2003,
kif ukoll dak mogħti fl-Elezzjoni Ġenerali tat-12 ta’ April, 2003,
kienu vvizjati għax il-kunsens inkiseb b’qerq, gideb, wegħdiet foloz
li jammontaw għal frodi, vjolenza morali u theddid, kemm dawk lokali kif
ukoll dawk li ġew minn barra l-pajjiż.
f) Il-konsegwenzi ħżiena ħafna tas-sħubija ta’ Malta
fl-Unjoni Ewropea nħbew lill-votanti ta’ Malta bi sħaba kbira ta’
propaganda massiċċa u billi ma ngħatax l-informazzjoni sħiħa
dwar is-sħubija.
ġ) Spiss intqal li Malta tkun ibbojkottjata u iżolata kemm
politikament kif ukoll ekonomikament u li Malta jkollha diżastru u ssib ruħha
fid-dlamijiet u t-theżżiż tas-snin kemm-il darba hija ma tisseħibx
fl-Unjoni Ewropea.
h) Il-Kummissarju nkarigat mit-Tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea saħansitra
hedded lill-Partit ta’ l-Oppożizzjoni li l-Unjoni Ewropea tassigura li
l-Partit jitlef kemm ir-Referendum kif ukoll l-Elezzjoni Ġenerali li kellha
ssir wara.
i) L-Unjoni Ewropea ħadet sehem xejn xieraq fil-kampanja favur is-sħubija
fl-Unjoni u nefqet flejjes kbar fiha u għadd kbir ta’ persuni għoljin
mill-Unjoni, fosthom il-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Parlament
Ewropew u ħafna kummissarji Ewropej, żaru Malta biex jippressaw
lill-poplu jivvota favur is-sħubija.
j) Id-delegazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea f’Malta għamlet xi ħaġa
li qatt m’għandha ssir billi ħadet sehem attiv fil-kampanja
tar-Referendum u bagħtet bil-posta f’kull dar f’Malta u f’Għawdex
karti ta’ propaganda favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
k) Kellna ħafna ndħil barrani llegali kemm matul il-kampanja
tar-Referendum kif ukoll dik ta’ l-Elezzjoni Ġenerali u dan kien bi ksur
tal-liġi dwar l-indħil barrani (Kapitlu 300 tal-Liġijiet ta’
Malta), meta għadd ta’ Kapijiet ta’ stati u ta’ gvernijiet u ministri
żaru Malta u għamlu stqarrijiet pubbliċi biex jinfluwenzaw
lill-poplu jivvota favur sħubija fl-Unjoni Ewropea.
l) Ammonti ta’ flus, kbar ħafna skond iċ-ċirkostanzi lokali,
ingħataw mill-Gvern għall-kampanja favur is-sħubija fl-Unjoni
Ewropea u ftit wisq ingħataw lin-naħa kontra s-sħubija fl-Unjoni.
m) Bi ksur tal-ligi li tgħid li għandu jinżamm bilanċ bejn
l-opinjonijiet opposti f’kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, ir-radju u
t-televizjoni ta’ l-Istat allokaw ħin u faċilitajiet tax-xandir fuq
medda twila ta’ żmien qabel ir-Referendum dwar l-Unjoni Ewropea,
lill-Gvern u lin-naħa ta’ l-‘Iva’, ħafna aktar milli allokaw
lill-Opożizzjoni u lin-naħa tal-‘Le’.
n) Il-poplu Malti kien imċaħħad milli jkun jaf x‘jgħid
it-Trattat tas-Sħubija kemm qabel ir-referendum kif ukoll qabel l-Elezzjoni
Ġenerali. It-Trattat ma ppubblikawħx fl-ilsien Malti la mill-Gvern
Malti u lanqas mill-Unjoni Ewropea. Il-test bl-Ingliż kien ippubblikat
mill-Polonja fuq l-Internet ftit qabel id-data tar-Referendum f’Malta fit-8
ta’ Marzu, 2003. Dawk kollha li m’għandhomx l-Internet jew li ma
jaqrawx bl-Ingliż ma setgħux ikunu jafu x’fih it-Trattat. Billi
t-Trattat għandu ħafna tul u billi kien fuq l-Internet ftit ta’
żmien qabel ma sar ir-Referendum, ma kienx prattikament u umanament
possibbli għal dawk li jafu bl-Ingliż u li kellhom l-Internet li
jaqraw it-Trattat u jiflu sewwa x’ifisser.
o) Il-kunsens tal-poplu Malti għat-Trattat tas-Sħubija ma kienx biss
ivvizzjat, iżda wkoll inkiseb b’mezzi li ma kinux xierqa, validi,
demokratiċi u popolari.
p) Minħabba n-nuqqas tal-kunsens xieraq tal-poplu Malti, aħna nemmnu u
nkomplu nsostnu bil-qawwa kollha li l-Gvern ta’ Malta ma kellux mandat legali
biex jiffirma t-Trattat ta’ Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fis-16
ta’ April, 2003 u għalhekk il-kunsens għandu jitqies null u bla
effett u l-iffirmar tat-trattat kontra l-Kostituzzjoni.
q) Fuq kollox aħna nemmnu u nsostnu bil-qawwa kollha li t-Trattat
ta’ Sħubija ta‘ Malta fl-Unjoni Ewropea jikser l-Artikli
tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jistgħu jinbidlu biss bil-vot ta’ tnejn
minn tlieta tad-Deputati kollha tal-Parlament u għalhekk ir-ratifika
mill-Parlament Malti fl-14 ta’ Lulju, 2003, tat-trattat kienet kontra
il-Kostituzzjoni u għandha titqies nulla u bla effett.
Ħalli anki dawn il-fatti li ġejjin ikunu magħrufa minn kulħadd.
i) Inkisru l-Artikli li jridu vot ta’ tnejn minn tlieta
tad-Deputati kollha tal-Parlament li hemm fil-Kostituzzjoni ta’ Malta li jgħidu
li Malta tirrifjuta li tieħu sehem f’xi alleanza militari u li ebda faċilitajiet
f’Malta ma jitħallew jintużaw b’xi mod li jitqiesu li jkunu hawn
f’Malta konċentrazzjoni ta’ forzi militari barranin u li ma jitħallewx
fuq it-territorju Malti nies militari barranin ħlief dawk li jkunu jaqdu
xogħol ċivili u li t-Tarzni ta’ Malta ma jitħallewx jintużaw
minn vapuri tal-gwerra taż-żewġ superpotenzi.
ii) Bi ksur ta’ l-Artiklu msemmi tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, sar ftehim
ħalli l-Forzi Armati ta’ Malta jieħdu sehem kemm fil-Partnership for
Peace kif ukoll fir-Rapid Reaction Force ta’ l-Unjoni Ewropea, flimkien
mal-kontinġent tas-suldati Taljani.
iii) F’ħafna drabi, anki fi żmien ta’ gwerra, bastimenti
tal-gwerra tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk ta’
l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tħallew jidħlu fil-port ta’ Malta, xi
drabi f’għadd kbir, bi ksur ċar ta’ l-istatus tan-newtralità
tal-Kostituzzjoni tagħna.
Bastimenti Amerikani tal-gwerra ssewwew fit-Tarzna ta’ Malta minkejja li
l-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid li dan m’għandux jitħalla jiġri
u l-ħaddiema tat-Tarzna sfaw mhedda li jitilfu l-impjieg jekk jirrifjutaw
li jagħmlu t-tiswijiet.
iv) Artikli tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jistgħu jinbidlu biss bil-vot
favur ta’ tnejn minn tlieta tad-Deputati kollha tal-Parlament qegħdin
jinkisru bit-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għax
dan jgħid li l-liġijiet, regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet
kollha ta’ l-Unjoni, kif ukoll il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni li qiegħda
tiġi miktuba, huma aqwa u fuq il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’
Malta bi ksur ċar tal-Kostituzzjoni tagħna li tgħid li
l-Kostituzzjoni ta’ Malta hija l-liġi suprema tal-pajjiż u li
l-Parlament ta’ Malta huwa l-ogħla organu li jista’ jagħmel liġijiet
għal Malta.
v) Ir-ratifika tat-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li
saret ta’ maġġoranza sempliċi fil-Parlament Malti, ma
tissodisfax il-ħtieġa skond il-Kostituzzjoni ta’ Malta li jkun hemm
vot favur ta’ tnejn minn tlieta tad-Deputati kollha tal-Parlament biex jgħaddu
emendi għall-Artikli tal-Kostituzzjoni li huma ‘entrenched’ u lanqas
il-maġġoranza tal-voti fir-Referendum u fl-Elezzjoni Ġenerali ma
tiswa biex temenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Għandu jkun magħruf minn kulħadd ukoll li t-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea jmur kontra dak li jgħidu d-dikjarazzjonijiet, riżoluzzjonijiet, trattati, ftehim u konvenzjonijiet ta’ l-Għaqda tal-Ġnus Magħquda. Fost dawn hemm:
1) Is-Sħubija ta’ Malta fl-UE tfisser li Malta titlef
id-drittijiet tagħha fuq ħafna riżorsi naturali li skond ir-Riżoluzzjoni
ta’ l-Assemblea Ġenerali ta’ l-ONU ta’ l-14 ta’ Diċembru, 1962
dwar il-“Permanent Sovereignty over Natural Resources” għandhom jintużaw
għall-iżvilupp u l-ġid tal-poplu Malti.
2) L-indħil, l-isfurzar u t-theddid ta’ l-Unjoni Ewropea fuq il-poplu
ta’ Malta ħalli jivvota favur sħubija fl-Unjoni Ewropea jiksru
l-“International Covenant on Civil and Political Rights” u
l-“International Covenant on Economic, Social and Cultural Rights”, li
l-Assemblea Ġenerali tal-Ġuns Magħquda addottat fis-16 ta’ Diċembru,
1966.
3) Ir-rabtiet u r-restrizzjonijiet li l-Unjoni Ewropea mponiet fuq Malta jxekklu
bil-bosta d-dritt li Malta tirregola l-attivitajiet tal-barranin f’Malta u
jxekklu ħafna d-dritt ta’ Malta li tagħżel liema sistemi
ekonomiċi u soċjali tħaddem skond il-htiġijiet tal-pajjiż
u dawk ir-rabtiet u restrizzjonijiet imorru kontra ċ-“Charter of Economic
Rights and Duties of States” li l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda
addottat fit-12 ta’ Diċembru, 1974.
4) Fuq kollox, il-Ftehim ta’ Sħubija li Malta nnegozjat ma’ l-Unjoni
Ewropea huwa ta’ ħsara għas-sigurtà u s-sliem tal-poplu Malti ghħax
iħassar l-istatus ta’ newtralità u mhux ta’ ġid għall-poplu
Malti billi ċaħħad lill-Gvern Malti mill-mezzi ħalli jħares
u jkattar x-xogħol u l-impjiegi f‘Malta.
Minħabba dawn il-fatti u dawn ir-raġunijiet, aħna, il-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI, solennament nistqarru:
Li l-poplu Malti għandu dritt jaħdem biex jitħassar
it-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea;
Li l-poplu Malti għandu dritt li jikseb lura l-ħelsien sħiħ,
l-idipendenza u s-sovranità nazzjonali;
Li l-poplu Malti għandu d-dritt li jerġa’ jħaddan politika
ta‘ newtralità attiva u ta’ koperazzjoni paċifika mal-popli kollha li
bħalu jemmnu u jħaddmu l-istess politika;
Li aħna mhux se nieqfu milli nissaraw bla biża’ biex inħeġġu
lill-poplu ta’ Malta u Għawdex ħalli jaħdem biex dawn l-għanijiet
nazzjonali qaddisa jintlaħqu.
Bħala xiehda tar-rieda soda tagħna, aħna qegħdin nibagħtu
din id-dikjarazzjoni solenni lill-Għaqda tal-Ġnus Magħquda u qegħdin
nitolbu bir-rispett lis-Segretarju tagħha biex iqegħda fl-arkivji
ta’ l-Għaqda u biex jikkomunika lill-Istati membri kollha.
Aħna qegħdin ukoll nibagħtu din id-dikjarazzjoni solenni
lill-membri kollha tal-Parlament Ewropew u lill-Istati membri kollha ta’
l-Unjoni Ewropea bit-tama li tnissel fihom indiema għall-ħsara kollha
li l-ħatfa ta’ Malta min-naħa ta’ l-Unjoni Ewropea qiegħda
tikkaġuna lill-poplu ta’ Malta u ta’ Għawdex.
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ!
It-Tnejn, 29 ta' Marzu, 2004.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ
fil-ġlieda għall-Indipendenza
u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ