MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
Naħdmu biex noħorġu mill-UE
Lejlet sena ġdida nagħmlu xi proponimenti li fi ħsiebna nwettqu fit-12 il-xahar li ġejjin.
Il-proponiment tas-CNI huwa
wieħed għas-sena 2006: li nżidu fil-ħidma u l-isforzi tagħna ħalli nfehmu aktar
nies li l-ftehim li sar tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea huwa aktar ta’ ħsara milli
ta’ ġid għal pajjiżna u li għandu jinbidel illum qabel għada fi ftehim ġdid
tas-sħubija mal-pajjiżi ta’ l-Unjoni.
Lil min jistaqsina nistgħux noħorgu
mill-Unjoni Ewropea, inwieġbuh bla tlaqliq li nistgħu noħorġu mingħajr ebda
xkiel.
Min
jgħid li jekk noħorġu mill-Unjoni jkollna nroddu lura lill-Unjoni l-għajnuna li
tkun tatna, ikun qiegħed jiżbalja, għax ma aħna obbligati nroddu xejn
lill-Unjoni.
Anzi,
hemm xi tgħid li l-Unjoni jkun imissha tagħmlilna tajjeb għall-ħerba u l-ħsara
kollha li s-sħubija fl-Unjoni tkun għamlet lill-ekonomija u l-ħajja soċjali
tal-poplu tagħna.
Jaqblilna
noħorġu mill-Unjoni
Hawn min isosnti li ma jaqblilniex noħorgu mill-Unjoni.
Iżda meta nqisu l-effetti u
l-konsegwenzi kollha fuq pajjiżna tas-sħubija fl-Unjoni, insibu li jaqblilna
bil-bosta.
Mhux
minnu li jekk noħorġu mill-Unjoni, nitilfu l-vantaġġi li nistgħu nbiegħu
fis-swieq tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni l-prodotti maħdumin minna u s-servizzi
mogħtijin minna.
Qabel
dħalna fl-Unjoni, konna nesportaw lill-pajjiżi ta’ l-Unjoni aktar milli qegħdin
nesportaw issa wara li dħalna.
Pajjiżi li huma barra l-Unjoni qegħdin
iżidu l-esportazzjon tagħhom lejn l-Unjoni u jekk Malta tkun barra l-Unjoni,
m’għandux ikun hemm raġuni għax ma nagħmlux l-istess.
Jekk neħilsu
mill-madmad tar-regoli ta’ l-Unjoni, inkunu nistgħu wkoll nilħqu ftehim
mal-pajjiżi li m’humiex fl-Unjoni biex nagħmlu kummerċ magħhom, jew inkabbru
l-kummerċ magħhom, li llum aħna miżmumin milli nagħmlu minħabba l-politika ta’
l-Unjoni.
L-Unjoni
tnaqqsilna l-kompetittività
Jekk
ma nkunux imseħbin fl-Unjoni, l-ispejjeż tal-produzzjoni f’pajjiżna ma jkomplux
jogħlew tant li ma jħalluniex inkunu kompetittivi aktar, bħal ma qed naraw iseħħ
wara li sseħibna fl-Unjoni.
Bi spiża inqas tal-produzzjoni u b’aktar kompetittività, ikollna aktar possibbiltà li niġbdu investiment produttiv lejn pajjiżna.
Wara li sseħbina fl-Unjoni,
qegħdin naraw li r-rata ta’ investiment produttiv tonqos u mhux tiżdied.
Meta
ma konniex fl-Unjoni, ġbidna l-investiment barrani produttiv lejn pajjiżna u
ħloqna x-xogħol u l-impjiegi.
Minn meta sseħibna fl-Unjoni, l-investiment barrani xxotta u x-xogħol u l-impjiegi naqsu.
Żdiedu s-sensji u kiber il-qgħad.
Minħabba l-politika u r-regoli ta’
l-Unjoni, il-Gvern ma jistax jagħti l-għajnuniet li konna nagħtu biex l-impriżi
jkomplu mexjin u jkomplu jħaddmu lill-ħaddiema.
Meta
noħorġu mill-Unjoni, inkunu nistgħu nerġgħu nħaddmu politika li tgħin l-impriżi
u tħares impjiegi tal-ħaddiema.
Xogħol ġdid u impjiegi ġodda huma
l-ħwejjeġ li l-poplu tagħna l-aktar jeħtieġ ħalli jimxi ’l quddiem u nsostnu
s-servizzi soċjali u l-pensjonijiet.
Bis-sħubija fl-Unjoni la nistgħu noħolqu
xogħol ġdid u impjiegi ġodda f’pajjiżna u lanqas nistgħu nżommu sħaħ is-servizzi
soċjali u l-pensjonijiet li għamilna.
Nilqgħu
għall-globalizzazzjoni
Bis-sħubija tagħna fl-Unjoni, ma nistgħux
nieħdu l-miżuri protettivi meħtieġa ħalli ma nħallux il-globalizzazzjoni
tal-kummerċ u l-liberalizzazzjoni tas-suq iħarrbtu għal kollox l-industriji
tagħna u l-kummerċ lokali u jeqirdu ħafna imprendituri u mijiet ta’ ħaddiema u
mpjegati jisfaw bla xoghol.
Għax
il-politika ta’ l-Unjoni tkabbar il-globalizzazzjoni tal-kummerċ u
l-liberalizzazzjoni tas-swieq u dan tagħmlu a spejjeż ta’ l-impriżi u ta’
l-impjiegi fil-pajjiżi mseħbin fl-Unjoni, inkluża Malta.
Kontra l-qilla ta’ l-irwiefen nibnu ħitan
għall-kenn u kontra l-ħalel tal-baħar nibnu brejkwoter biex jilqagħhom.
Kontra l-qilla tat-tsunami
tal-globalizzazzjoni, l-Unjoni Ewropea tridna nħottu kull ilqugħ li għandna u
niftħulha beraħ ħalli tħarrbtilna l-istrutturi ekonomiċi u soċjali kollha li
l-poplu tagħna bena fl-imgħoddi.
Ma
rridux ninsew li l-globalizzazzjoni tal-kummerċ hija mibnija fuq l-isfruttament
tal-ħaddiema fil-pajjiżi fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma mill-agħar.
L-Unjoni Ewropea, bl-inkoraġġiment tagħha
għall-globalizzazzjoni tal-kummerċ, qiegħda tappoġġja l-isfruttament skandaluż
ta’ miljuni ta’ ħaddiema.
Jekk
noħorġu barra mill-Unjoni, ma nappoġġjawx dan l-isfruttament skandaluż
tal-ħaddiema, u nerġgħu jkollna s-setgħa li naddottaw il-miżuri kollha meħtieġa
ħalli nilqgħu għall-ħerba tal-globalizzazzjoni u tal-liberalizzazzjoni
tal-kummerċ.
Bi
ftehim ġdid ta’ shubija mal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, dan kollu nistgħu
nagħmluh fl-interess tal-poplu tagħna.
Politika
anti-nazzjonali ta’ l-UE
L-Unjoni Ewropea bierket u appoġġjat
il-qerda tal-kumpanija nazzjonali Sea Malta u t-telfien ta’ l-impjiegi
tal-ħaddiema tagħha u tad-dħul għall-ekonomija Maltija tan-nollijiet
tal-merkanzija li s-Sea Malta kienet iġġib lejn pajjiżna u tieħu minn pajjiżna
kull gimgħa.
Bid-deċiżjoni skandaluża tax-xoljiment
tas-Sea Malta, il-Gvern kapriċċjożament iddeċieda li jissensja l-144 ħaddiema
tagħha.
U
għax ma għandux il-kuraġġ jidher li ssensja l-ħaddiema tas-Sea Malta, il-Gvern
għamel kampanja diżonesta biex jitfa’ l-ħtija fuq l-unjin tagħhom.
Iżda
minkejja l-kompliċità tal-midja f’dan l-attentat ta’ ġifa tal-Gvern biex jaħbi
l-għajb tal-144 sensji li kkaġuna, il-poplu llum jista’ jifhem li l-Prim
Ministru Gonzi u l-Ministru Austin Gatt huma responsabbli li 144 familja jinsabu
għaddejjin il-festi tal-Milied u ta’ l-Ewwel tas-Sena mnikktin dwar it-telfien
tal-mezz ta’ l-għixien tal-kapijiet ta’ dawk il-familji.
Is-sensji tal-ħaddiema huma l-agħar aspett
tal-kwistjoni tas-Sea Malta.
Iżda
din il-kwistjoni għandha ħafna aspetti koroħ oħrajn li jiskreditaw lill-Gvern u
jesponuh għall-kundanna tal-poplu, fil-waqt li jwasslu lill-poplu biex jistmerr
il-politika tal-privatizzazzjoni li l-Unjoni Ewropea timponi fuq il-pajjiżi
membri tagħha.
Il-poplu Malti jemmen li l-obbligu soċjali
li tipprovdi xogħol u mpjieg lill-ħaddiema jiġi qabel il-politika
tal-privatizzazzjoni li l-Unjoni Ewropea ssostni.
Il-poplu ma jifhimx għaliex qligħ li
jista’ jsir mill-impriżi tal-poplu, ma għandux jitħalla jsir, u minflok jingħata
lil persuna waħda jew għadd ta’ persuni privati.
Il-qligħ jew telf ta’ impriżi ma
jiddependux fuq minn huma s-sidien tagħhom, iżda fuq it-tmexxija tagħhom.
Tmexxija effiċjenti ta’ impriża nazzjonali
tirrendi qligħ daqs li kieku l-impriza kienet tal-privat.
Izda
l-Unjoni Ewropea ma tridx li l-poplu kollu jgawdi l-qligħ ta’ l-impriżi.
Trid
li l-qligħ kollu jitgawda mill-privat.
U
biex issostni dan, l-Unjoni tħallat it-tmexxija ta’ l-impriżi ma’ min ikunu
s-sidien li jieħdu l-qligħ taghħom.
Il-privat huwa mħeġġeġ jagħmel
investimenti li jirrendulu dħul tajjeb.
Għaliex il-Gvern għan-nom tal-poplu
m’għandux ikollu investimenti li jroddulu qligħ tajjeb, bħal ma kien jagħmel
il-Mid-Med Bank u bħal mhu qiegħed jagħmel il-Bank of Valletta?
Hija
l-politika żbaljata ta’ l-Unjoni Ewropea li ma jimportahiex mill-interessi
tal-poplu kollu iżda minn dawk ta’ ftit li diġà għandhom ħafna ġid f’idejhom.
Is-Sea Malta kienet vittma ta’ din il-politika anti-nazzjonali.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Is-Sibt, 31 ta’ Diċembru, 2005.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman CNI,
Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.
81, Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ