MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
Sejħa lill-kandidati għall-Parlament Ewropew
minn Karmenu Mifsud Bonnici
Il-mija u tlieta u erbgħin elf li fir-Referendum ivvotaw kontra l-ftehim magħmul mill-Gvern Nazzjonalista ma’ l-Unjoni Ewropea, għamlu dan għax jemmnu li l-ftehim huwa ta’ ħsara għal Malta.
Kieku ma jemmnux
dan, ma kienx ikollhom raġun jivvotaw kontrih.
Jekk il-ftehim li sar huwa ta’ ħsara għal pajjiżna, ma għandniex
raġun naċċettawh, lanqas jekk jaqbel għall-Partit Laburista
li jaċċettah.
Għax il-ġid tal-pajjiż jiġi qabel il-ġid tal-partit.
Għandna
nfittxu l-interessi ta’ pajjiżna qabel dawk tal-partit tagħna.
Il-fatt li maġġoranza żgħira vvotat favur il-ftehim, ma
jobbliganiex li naċċettawh.
Jobbligana li nħallu l-maġġoranza tipprova twettqu, fil-waqt li aħna nipprovaw nipperswaduha għaliex m’għandhiex twettqu.
Il-fatt li huwa ftehim li jagħmlilna ħsara, jobbligana ma naċċettawhx.
Ma naċċettawhx
ma jfissirx li ninjorawh. Ifisser li naħdmu biex inbiddlu r-realtà ta’
ħsara maħluqa minnu.
La nemmnu li l-ftehim huwa ta’ ħsara għalina, għandna dmir
naraw nistgħux inbiddluh.
M’għandniex
dritt ngħidu li la l-maġġoranza riditu, m’għandniex
inbiddluh allavolja nistgħu nagħmlu dan.
Jekk nistgħu nbiddlu l-ftehim li sar, jeħtiġilna naraw
jaqblilniex nagħmlu dan.
Jeħtiġilna nqabblu l-ħsara li nemmnu l-ftehim jagħmel lil pajjiżna, ma’ xi ħsara ssirilna jekk inbiddlu l-ftehim.
Meta ngħidu nbiddlu l-ftehim li sar, inkunu qegħdin ngħidu li nagħmlu ftehim minfloku li ma jkunx ta’ ħsara għalina.
Mela,
jekk inbiddlu l-ftehim li sar, mhux talli ma nagħmlux aktar ħsara
milli nagħmlu ġid, imma nbiddlu l-ħsara li ssirilna bil-ftehim li
nagħmlu minfloku.
Jekk minflok il-ħsara li ssir bil-ftehim li sar, nagħmlu ġid
bil-ftehim li jsir minfloku, il-pajjiż jikseb ġid.
Jekk
jaqbel lill-pajjiż, il-Partit Laburista huwa fid-dmir li jbiddel il-ftehim.
Jekk jaqbel lill-pajjiż li l-ftehim jinbidel, jaqbel lill-partit.
Jekk
lill-Partit Laburista jaqbel li l-ftehim jinbidel, huma fi żball dawk li jgħidu
li l-partit ma jaqbillux li jaħdem ħalli jbiddel il-ftehim.
Huma fi żball dawk li jgħidu li lill-partit ma jaqbillux li jaħdem
ħalli l-ftehim jinbidel, jekk dawn li jgħidu dan, jaħsbu hekk.
Jekk
jgħidu dan mhux għax jaħsbu hekk, iżda għax hekk jaqbel
lilhom, allura mhux biss huma fi żball, iżda huma wkoll fid-dnub kbir
li qegħdin iqiegħdu l-interessi personali tagħhom qabel l-interessi
tal-pajjiż u qabel l-interessi tal-ħaddiema li għalihom twaqqaf
il-Partit tal-Ħaddiema.
Għandi nifhem li l-kandidati Laburisti li ħerġin għall-elezzjoni
tal-Parlament Ewropew jemmnu dak li l-partit sostna li l-ftehim li sar huwa ta’
ħsara għall-poplu tagħna.
F’din
l-elezzjoni, biex huma jitwemmnu mill-votanti Laburisti, jeħtiġilhom
juru li se jaħdmu ħalli jwarrbu dak li jikkaġuna dik il-ħsara
lill-poplu tagħna.
Il-kaġun tal-ħsara huwa l-ftehim li sar.
Għalhekk,
il-votanti Laburisti għandhom dritt jistennew mill-kandidati Laburisti li
jintrabtu li jaħdmu ħalli jbiddlu l-ftehim li huwa l-kaġun ta’
tant ħsara għall-poplu tagħna u speċjalment għall-ħaddiema
tagħna.
Dawk li vvotaw favur il-ftehim, iżda diġà ntlaqtu mill-effetti
negattivi tiegħu, u dawk li issa qegħdin jaraw li se jintlaqtu, fl-elezzjoni
tat-12 ta’ Ġunju jivvotaw għal dawk il-kandidati li joffrulhom tama
li bil-ħidma tagħhom ibiddlu l-ftehim.
Jekk
il-kandidati Laburisti joffru din it-tama, ikollhom raġun jittamaw li jingħataw
l-appoġġ mhux biss tal-Laburisti li emmnu li l-ftehim huwa ta’
ħsara għal pajjiżna, imma anke ta’ dawk li emmnu li l-ftehim
kien se jkun ta’ ġid, iżda sabu, jew qegħdin jaraw, li huwa ta’ ħsara
kbira għall-poplu tagħna.
Din hija r-realtà politika ġdida ta’ wara l-ftehim li sena ilu l-maġġoranza
approvat u li llum mhux qed jogħġobha.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
It-Tnejn, 31 ta’ Mejju, 2004
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ