MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI CNI

 

L-UE ma tridx ftehim fil-Libja

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Fil-laqgħa li saret f’Londra nhar it-Tlieta tar-rappreżentanti ta’ ’l fuq minn 40 pajjiż biex jiddiskutu dwar il-gwerra fil-Libja, Malta ma ħatfitx l-opportunità biex tappella għat-tmiem tal-gwerra min-naħa tal-Istati Uniti tal-Amerika u tal-Unjoni Ewropea u biex isiru diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni Libjana biex jilħqu ftehim politiku u terġa’ tirrenja l-paċi fil-pajjiż.


Dak kien id-dmir sagrosant ta’ pajjiżna jekk verament irid li jitqies bħala pajjiż li jaħdem attivament għall-paċi, kif jingħad solennament fil-Kostituzzjoni Maltija.

 

Hu għajb kbir għal Malta li tappoġġja potenzi li jaħtfu kull okkażjoni biex jagħmlu l-gwerra, bħalma huma l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Ingilterra u Franza.

 

Hu wkoll ta’ stmerrija li l-Unjoni Ewropea, minflok li tħaddem politika ta’ paċi, tinkoraġġixxi l-gwerra u tostakola kull sforz għall-paċi li pajjiż membru jista’ jittanta jagħmel.


L-għajb u l-istmerrija tagħna huma kbar fil-każ tal-gwerra fil-Libja għax din qiegħda tkun iġġustifikata b’ħafna gideb.

 

L-istess bħalma kien ġara fil-każ tal-aggressjoni kontra l-Iraq meta xerrdu l-gidba li dak il-pajjiż kellu l-armi tal-qerda tal-massa, hekk għamlu fil-każ tal-Libja, xerrdu l-gidba li l-Gvern Libjan kien se jwettaq ġenoċidju.

 

Bl-iskuża li l-forzi governattivi Libjani kienu se jwettqu ġenoċidju.

 

Bl-iskuża li l-forzi governattivi Libjani qegħdin jisparaw addoċċ fuq il-popolazzjoni ċivili li kienet qiegħda tipprotesta paċifikament, Franza u l-Ingilterra qalu lill-Istati Uniti tal-Amerika biex titlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda biex jgħaddi riżoluzzjoni ta’ kundanna għall-Gvern Libjan u jimponi sanzjonijiet fuqu.


L-Unjoni Ewropea mal-ewwel ħadet passi biex tagħmel aktar sanzjonijiet milli kienu għamlu l-Ġnus Magħquda u b’għaġġla ddikjarat li l-Gvern Libjan ma kienx aktar leġittimu.

 

L-isfortuna hi li dawn id-deċiżjonijiet drastiċi ttieħdu fuq tagħrif mogħti mill-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, mingħajr lanqas ma sar sforz biex ikunu vverifikati l-fatti, mingħajr lanqas ma sar attentat biex il-Gvern Libjan jagħti spjegazzjoni għall-aġir tiegħu.


Kien jidher ċar li dik li bdiet bħala protesta popolari f’Benghazi dwar l-arrest ta’ avukat, mill-ewwel saret rewwixta vjolenti li fiha attakkaw u ħarqu għases tal-pulizija, barracks tas-suldati, insterqu l-armi u l-munizzjon, u nqatlu membri tal-forzi tas-sigurtà.

 

Ir-rewwixta spiċċat ribeljoni armata u l-bidu ta’ gwerra ċivili mbottata minn Franza u l-Ingilterra.

Il-Prim Ministru Malti ma kellux dehen biżżejjed li ma jimbaramx mill-kampanja qawwija ta’ propaganda tal-Unjoni Ewropea favur l-attakk militari li Franza, l-Ingilterra u l-Istati Uniti tal-Amerika, bil-barka tal-Ġnus Magħquda riedu jagħmlu fuq il-forzi governattivi Libjani, bl-iskuża li ma jħallux jagħmlu massakru mill-popolazzjoni ċivili.


Bl-iskuża tal-ħtieġa ta’ żona ta’ bla titjir għall-arjuplani Libjani, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda għadda riżoluzzjoni li tawtorizza li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex titħares il-popolazzjoni ċivili fil-Libja, u b’hekk Franza, l-Ingilterra u l-Istati Uniti qalu li kellhom dritt jattakkaw u jibbumbardjaw il-Libja kemm iridu, sakemm iqisu li l-forzi governattivi segħtu jkunu ta’ theddida għall-popolazzjoni Libjana.

 

Fi ftit kliem, infetħet it-triq bla xkiel għal gwerra tant mixtieqa minn Franza u l-Ingiltterra fejn in-NATO daħlet u ħadet it-tmexxija tal-operazzjonijiet militari kollha.


Il-Prim Ministru Malti, li dmiru kien li jgħid lill-Unjoni Ewropea li Malta ma tistax tappoġġja gwerra, u li minflok kellha taħdem attivament biex iġġib il-paċi bejn il-forzi governattivi u dawk tal-Oppożizzjoni fil-Libja, nesa d-dmir li għandu lejn il-poplu Malti u lejn il-Kostituzzjoni tal-pajjiż li hu ħalef li jservi.

 

Qal li Malta taqbel u tappoġġja d-deċiżjoni żbaljata tal-Ġnus Magħquda u l-politika tal-Unjoni Ewropea li ma tridx li jsir ftehim bejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern Libjan.


Mhux biss bejn il-paċi u l-gwerra għażel il-gwerra, iżda l-Prim Ministru kkommetta l-aġir skandaluż li rrifjuta li jkun medjatur meta l-Gvern Libjan talbu jipprova jwassal liż-żewġ naħat biex jieqfu mill-ġlied u jagħmlu ftehim politiku.

 

Reġa’ kkommetta l-istess nuqqas meta l-Gvern Libjan talbu jissorvelja l-waqfien mill-ġlied, u hu ġab l-iskuża li dak kien imissu jsir mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.

 

Min verament irid iwaqqaf il-ġlied u l-imwiet, jaħtaf l-okkażjonijiet li jipprova jagħmel dan, u mhux jirrifjuta t-talbiet li jkollu biex jgħin li ssir il-paċi.


Jidher ċar li l-Gvern Malti hu marbut mal-Unjoni Ewropea, bħal kelb marbut minn sidu.

 

La l-Unjoni Ewropea ma tridx li jkun hemm ftehim politiku fil-Libja, il-Gvern Malti qiegħed idoqq id-diska li mhux possibbli li jsir ftehim jekk il-Gvern Libjan ma jwarrabx mit-tmexxija tal-pajjiż.

 

Franza u l-Ingilterra jridu li r-ribelli jieħdu t-tmexxija tal-Libja u biex jintlaħaq dak l-għan, dawn iż-żewġ pajjiżi, bil-barka tal-Unjoni Ewropea ma jimportahomx kemm se jinqatlu suldati u nies ċivili fil-gwerra li qegħdin jagħmlu fil-Libja.


Il-Qdusija tiegħu l-Papa sejjaħ għal waqfien mill-ġlied u għal djalogu bejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern Libjan.

 

Iżda l-Prim Ministru Malti, bil-qdusija kollha tiegħu, mhux mill-Papa jisma’ imma milli tgħidlu l-Unjoni Ewropea.

 

Lanqas ma jagħti kas il-kuxjenza li tgħidlu li l-interessi ta’ Malta huma li fil-Libja jieqaf il-ġlied mill-aktar fis.


L-Unjoni Ewropea għandha l-wiċċ issostni li l-gwerra fil-Libja hi ġustifikata biex tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili, meta bl-attakki u l-bumbardamenti lejl u nhar, il-popolazzjoni ċivili li tappoġġja lill-Gvern qiegħda tintlaqat.

 

L-Unjoni Ewropea ma tridx tifhem u l-Gvern Malti lanqas irid jifhem, li b’rebħa bis-saħħa tal-armi mhix se ġġib ftehim bejn il-poplu Libjan li jibqa’ maqsum bejn dawk li jappoġġjaw ir-ribelli u dawk li jappoġġjaw il-Gvern tal-lum.


L-unika triq għall-paċi dejjiema fil-Libja hi dik li jkun hemm qbil politiku bejn iż-żewġ naħat, mingħajr mal-interessi ta’ pajjiżi barranin jitħallew jiddettaw x’jiġri u kif jitmexxa l-pajjiż.

 

Malta se jkollha terfa’ piżijiet kbar minħabba l-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbiltà

 

minn KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI CNI

 

L-Unjoni Ewropea qed tgħabbi lil Malta b’piżijiet kbar ħafna mingħajr ebda gwadann għal pajjiżna.

 

Fil-laqgħa tal-24 u l-25 ta’ Marzu fi Brussels, il-kapijiet tal-Gvernijiet tal-UE ddeċidew li Malta tissottoskrivi €511 miljun fl-entità ġdida msejħa “Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbiltà” (European Stability Mechanism), li se jkollha kapital nominali sottoskritti (fully subscribed) ta’ €700 biljun, u li €80 biljun minnhom se jkunu mħallsin (paid up) u li minn dawn Malta se tħallas €58 miljun.


L-Unjoni Ewropea ħasset il-ħtieġa li l-pajjiżi taż-Żona Ewro jwaqqfu dan il-mekkaniżmu permanenti li għandu jitħaddem jekk ikun meħtieġ biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja taż-żona kollha tal-ewro, billi jagħti għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi taż-Żona Ewro li jkunu milqutin minn problemi finanzjarji kbar li jistgħu jheddu l-istabbiltà finanzjarja taż-żona kollha.

 

Il-kundizzjonijiet li l-għajnuna tingħata lil pajjiżi “if indispensable to safegurad the stability of the euro area as a whole” tagħmilha impossibbli li pajjiżna jutilizza dan il-mekkaniżmu, għax l-ekonomija ta’ Malta hi żgħira wisq biex toħloq theddid għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona kollha tal-ewro.


Għalhekk pajjiżna se jitgħabba bil-piżijiet tas-sehem li se jissottoskrivi (€511 miljun) mill-kapital totali tal-mekkaniżmu (€700 biljun), mingħajr mhu se jikseb xejn.

 

Il-Prim Ministru Malti kien imwissi biex ma jaċċettax dawn il-piżijiet, iżda spiċċa biex aċċettahom u naqas li jfiehem sewwa lill-Membri tal-Parlament Malti meta għamel stqarrija dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-24 u l-25 ta’ Marzu tal-Kunsill Ewropew li ħa sehem fiha.


Fil-Parlament Malti ma ntqalx la mill-Prim Ministru u lanqas mill-Ministru tal-Finanzi li l-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbiltà se jimmobilizza sorsi fis-swieq finanzjarji internazzjonali biex jisilfu sa €500 biljun u jitolbu lill-Fond Monetarju Internazzjonali biex jissupplimenta dan l-ammont b’ammont ieħor misluf minnu biex ikunu jistgħu jingħataw f’għajnuniet lill-pajjiżi tal-ewro li jkunu f’diffikultaijiet finanzjarji.


Il-mekkaniżmu jista’ wkoll, f’każi eċċezzjonali, jixtri d-dejn ta’ pajjiż tal-ewro, dejjem f’każ li tkun mhedda l-istabbiltà taż-żona kollha tal-ewro.


Il-Kunsill Ewropew iddeċieda wkoll li l-mekkaniżmu jista’ jagħti “short term or medium term stability support” lill-pajjiżi tal-ewro li jkollhom problemi finanzjarji kbar, basta l-pajjiż jaċċetta programm ta’ aġġustament ekonomiku iebes u jimxi skont politika b’kundizzjonijiet iebsin li jkunu xierqa għall-kobor tal-iżbilanċ u tan-nuqqasijiet tal-qagħda finanzjarja tal-pajjiż.

 

Il-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbiltà se jkollu kemm bord ta’ Gvernaturi, kif ukoll wieħed ta’ diretturi, magħżulin mill-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro, li fihom ir-rappreżentanti ta’ Malta se jkollhom 37 vot minn total ta’ 100,000 vot.


Il-mekkaniżmu għandu jaħdem id f’id mal-Fond Monetarju Internazzjonali fl-għoti tal-għajnuna finanzjarja, u l-Fond jintalab jagħti għajnuna teknika, kif ukoll finanzjarja.

 

L-istħarriġ dwar kemm pajjiż ikun kapaċi jħallas lura s-self, isir flimkien mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Fond Monetarju Internazzjonali u mill-Bank Ċentrali tal-UE, u l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna jkunu negozjati minnhom it-tlieta.

 

Il-ftehim dwar il-mekkaniżmu permanenti jaħseb biex is-settur finanzjarju privat jissieħeb fl-għoti tal-għajnuna lil pajjiż taż-Żona Ewro.


Il-ftehim dwar it-twaqqif tal-mekkaniżmu permanenti jagħmilha wkoll obbligatorja li s-‘securities’ governattivi ġodda taż-Żona Ewro ikollhom dawk li jissejħu ‘Collective Action Clauses’ ħalli jiffaċilitaw li jintlaħaq ftehim bejn il-kredituri governattivi u l-kredituri privati, f’każ li l-pajjiż ifalli milli jħallas id-djun tiegħu fiż-żmien li jkun mif­tiehem.

Il-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbiltà jkun ippreferut kontra kredituri privati, ħlief fil-każ tal-Fond Monetarju Internazzjonali li jkun ippreferut fuq il-mekkaniżmu permanenti.

 

Il-mekkaniżmu jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju, 2013, kemm-il darba jkun irratifikat it-trattat li se jwaqqaf il-mekkaniżmu u kemm-il darba l-pajjiżi membri tal-UE japprovaw l-emenda tal-Artikolu 136 tat-Trattat ta’ Lisbona biż-żieda ta’ dan il-paragrafu:


“The Member States whose currency is the euro may establish a stability mechanism to be activated if indispensable to safe guard the stabilty of the euro area as a whole. The granting of any required financial assistance under the mechanism will be made subject of strict conditionality”.


Huwa ttamat li l-Membri Parlamentari Maltin, meta jiflu sew kemm din l-emenda, kif ukoll it-Trattat dwar il-mekkaniżmu permanenti ma japprovawhomx, għax mhumiex ta’ ġid għal pajjiżna.

 

Il-Ħamis, 31 ta’ Marzu, 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ