MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena Malta tkun ħallset lill-Unjoni Ewropea €4,340,000 minn ħalq uliedek

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

It-trattat ta’ Lisbona jikser il-Kostituzzjoni

 

Il-votazzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti favur ir-ratifika tat-Trattat ta’ Lisbona ta’ l-Unjoni Ewropea hija kontra l-interess nazzjonali u l-Kostituzzjoni ta’ Malta. 

 

Għax it-Trattat isaħħaħ l-Unjoni a spejjeż tal-pajjiżi membri billi joħdilhom setgħat li jagħtihom lill-Unjoni u għax isaħħaħ l-alleanza militari tal-pajjiżi membri permezz tat-twaqqif ta’ politika komuni ta’ difiża, li tmur kontra l-Kostituzzjoni li ma tħallix lil pajjiżna jieħu sehem f’alleanzi militari.


Mhux fl-interess nazzjonali li deċiżjonijiet fl-oqsma ġodda li t-Trattat jagħtihom lill-Unjoni, ma jittieħdux mir-rappreżentanti magħżulin mill-poplu Malti, iżda jittieħdu mill-maġġoranza tal-barranin ta’ l-Unjoni, u xorta waħda jorbtu lill-poplu minkejja li jkun kontrihom.


It-Trattat li l-Kamra tar-Rappreżentanti approvat, iżid 68 każ li fihom id-deċiżjonijiet ma jittieħdux bil-kunsens ta’ kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni, iżda bil-vot tal-maġġoranza. 

 

Għalhekk Malta tista’ ssib ruħha li fi 68 każ tkun fil-minoranza u xorta waħda jkollha toqgħod għad-deċiżjonijiet li ma taqbilx magħhom. 

 

Għalhekk biss, it-Trattat ta’ Lisbona mhux fl-interess nazzjonali tal-Maltin.


Li l-Unjoni Ewropea saret alleanza militari huwa fatt, għax kif jingħad fit-Trattat, l-Unjoni se tfassal politika barranija komuni li għandha twassal għal politika ta’ difiża komuni (Common Defence Policy). 

 

Il-fatt tal-ftehim bejn il-pajjiżi membri dwar politika ta’ difiża komuni jfisser li l-pajjiżi membri jiftehmu dwar il-miżuri militari li jridu jieħdu biex jiddefendu ruħhom u l-għajnuna militari li jridu jagħtu lil xulxin, meta jkun hemm il-ħtieġa ta’ dan. 

 

Ftehim bejn pajjiżi dwar l-għoti ta’ għajnuna militari reċiproka, huwa alleanza militari, u pajjiż li jiftiehem dwar dan, ikun qiegħed jieħu sehem f’alleanza militari.

Issa l-Kostituzzjoni ta’ Malta ma tħalli lil pajjiżna jieħu sehem f’ebda alleanza militari. 

 

Dan ifisser li pajjiżna ma jistax jiftiehem dwar politika ta’ difiża komuni, mhux biss ma jistax jipparteċipa f’azzjoni militari ta’ difiża meta din isseħħ.

 

Fit-tfassil tal-politika ta’ difiża komuni ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta diġà qiegħda tieħu sehem permezz ta’ uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta, li jieħdu sehem fil-laqgħat militari li jsiru. 

 

Barra minn dan, Malta qiegħda wkoll tikkontribwixxi għall-ispejjeż li l-Unjoni tagħmel fil-qasam tad-difiża komuni.


Għalhekk, barra l-fatt li Malta qablet li tieħu sehem fit-tfassil ta’ politika ta’ difiża komuni, pajjiżna qiegħed jieħu sehem ukoll bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ l-Armata u bil-kontribuzzjoni li Malta tħallas lill-Unjoni Ewropea. 

 

Dan jikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

 

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija rabta ċoff

 

It-tweġiba għall-mistoqsija jekk nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea, jagħtihilna t-Trattat ta’ Lisbona li fl-Artikolu 49A jgħid: 

 

“Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond ir-regoli kostituzzjonali proprji, li jirtira mill-Unjoni Ewropea”.

 

Għalhekk Malta tista’ toħroġ mill-Unjoni bi dritt mogħti lilha mit-Trattat ta’ l-Unjoni stess.


Mhux għax mingħajr it-Trattat, Malta ma setgħetx toħroġ mill-Unjoni. 

 

Setgħet tagħmel dan billi tħassar unilateralment il-ftehim tas-sħubija li għamlet f’April, 2003. 

 

Kull ma kienet teħtieġ biex tagħmel dan kien li l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin juru li wrew r-rieda li jissieħbu fiha fil-2003.


Għalhekk kien kollu qerq tal-propogandisti ta’ l-Unjoni, dak li kienu jsostnu mal-poplu, li issa la darba dħalna fl-Unjoni, ma stajniex noħorġu minnha. 

 

It-Trattat ta’ Lisbona difen issa dik il-propoganda qarrieqa billi qal ċar u tond, mingħajr ebda riservi u kundizzjonijiet, li kull pajjiż għandu dritt ma jibqax fl-Unjoni.


Tista’ tgħid li l-għarfien tad-dritt li pajjiż membru joħroġ mill-Unjoni, hija l-unika ħaġa tajba tat-Trattat ta’ Lisbona. 

 

L-Unjoni ħasset li kellha tagħraf dan id-dritt għax il-popli ta’ x’uħud mill-pajjiżi membri ma kinux ikunu lesti jgħaddu aktar setgħat mingħand il-gvernijiet tagħhom lill-Unjoni u lanqas kienu jaċċettaw li l-Unjoni tieħu aktar deċiżjonijiet bis-sistema tal-maġġoranza, li tfisser li xi pajjiżi membri jkunu marbutin b’deċiżjonijiet li ma qablux magħhom u vvotaw kontrihom. 

 

Pajjiż membru li jsib ruħu dahru mal-ħajt jekk joqgħod għad-deċiżjonijiet tal-maġġoranza ta’ l-Unjoni li huwa ma jkunx jista’ jaċċetta, għandu fl-Artikolu 49A tat-Trattat ta’ Lisbona, l-għażla ħielsa li ma jwettaqx dik id-deċiżjoni, billi joħroġ mill-Unjoni.


Dan juri kemm huma mqarrqa l-propogandisti ta’ l-Unjoni Ewropea li jiftaħru li t-Trattat ta’ Lisbona kaħħal aktar il-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni. 

 

It-Trattat għamel bil-maqlub, għax għaraf li r-rabta li Malta għamlet meta ssieħbet fl-Unjoni, hi rabta ċoff u ċoff jinħall bla xkiel ta’ xejn meta l-maġġoranza tal-poplu turi li trid tħollu.


Qabel ir-Referendum ta’ l-2003, kienu qalulna li s-sħubija fl-Unjoni kien żwieġ għal dejjem. 

 

Issa t-Trattat qed jgħarraf lill-pajjiżi membri li għandhom id-dritt tad-divorzju mis-sħubija fl-Unjoni.

 

Mhux biss skond it-Trattat li pajjiżna jista’ joħroġ mill-Unjoni, iżda l-Artikolu 49A ta’ l-istess Trattat jipprovdi li wara l-firda, l-Unjoni tibqa’ żżomm relazzjonijiet tajbin ma’ Malta, billi jsir ftehim ġdid ta’ koperazzjoni bejnha u pajjiżna. 

 

Aktar minhekk għax it-Trattat jaħseb ukoll f’meta pajjiż li joħroġ, ikun jrid jerġa’ jidħol fl-Unjoni.

 

L-Unjoni Ewropea ma ssaħħaħilniex l-ekonomija

 

M’hemm xejn kif Gvern Malti jista’ jagħmel meta aħna mseħbin fl-Unjoni Ewropea li ma jkunx jista’ jagħmel jekk noħorġu mill-Unjoni. 

 

Għax kull sena qegħdin inħallsu lill-Unjoni, u nagħmlu spejjeż u nitilfu dħul minħabba s-sħubija fl-Unjoni, aktar milli qegħdin nirċievu mill-Unjoni. 

 

Dan joħroġ ċar minn “cost-benefit analysis” li jmissu jsir tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni. 

 

Iżda l-propagandisti ta’ l-Unjoni jaħarbu li jagħmluh, għax jafu li, meta jitqies kollox, insibu li noħorġu minn taħt, mhux minn fuq, mhux kif ilhom iqarrqu bil-poplu billi jiftaħru kemm miljuni ġejjin mill-Unjoni.


Lill-poplu għandna nfehmuh li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna ma jfissirx li aħna aktar b’saħħitna ekonomikament. 

Għax l-infieq ta’ kull sena li l-Gvern jagħmel bid-dejn, jintgħad fil-kalkolu tat-tkabbir ekonomiku, minkejja li mhux isaħħaħ, iżda jdgħajjef ekonomikament lil pajjiżna. 

 

Jekk il-Gvern jiddejjen u jonfoq mitt miljun Ewro, dan ikabbar l-ekonomija b’dak l-ammont, iżda b’daqshekk ma jkunx qed isaħħaħ l-ekonomija. 

 

Min-naħa l-oħra, jekk il-Gvern ma jiddejjinx u ma jonfoqx mitt miljun Ewro, ma jkunx qed ikabbar l-ekonomija, iżda lanqas ikun qiegħed idgħajjifha.


Is-saħħa ta’ l-ekonomija tal-pajjiż ma titqiesx fuq it-tkabbir tagħha li jseħħ billi l-pajjiż ikabbar id-dejn.

 

L-istess jista’ jingħad għall-impriżi kummerċjali. 

 

Jekk ikollok żewġ impriżi, l-ewwel waħda tbiegħ b’miljun Ewro fis-sena, iżda tagħmel telf ta’ 50,000 Ewro, u t-tieni waħda tbiegħ b’500,000 Ewro fis-sena, iżda tagħmel qligħ ta’ 50,000 Ewro, għalkemm l-ewwel impriża hija l-akbar, hija t-tieni waħda l-aktar b’saħħitha. 

 

L-istess prinċipju jgħodd għall-ekonomija ta’ pajjiż. 

 

Dan nistgħu narawh billi nħarsu lejn l-ekonomija ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-ekonomija taċ-Ċina. 

 

Dik ta’ l-Istati Uniti hija sal-lum l-akbar ekonomija, iżda hija l-ekonomija taċ-Ċina li hija l-aktar b’saħħitha.


Dan kollu tajjeb li ngħiduh ħalli ma nqarrqux ruħna meta jgħidulna li rridu nkabbru l-ekonomija ta’ pajjiżna għal-livell tal-midja ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Għax jekk iseħħ dan, ma jfissirx li l-ekonomija tagħna se nsaħħuha, u importanti ħafna, lanqas ifisser li l-poplu tagħna jkun aħjar ekonomikament, kemm-il darba t-tkabbir isir billi nżidu d-dejn u billi ngħollu t-taxxi diretti jew indiretti.

 

L-ekonomija ta’ pajjiżna rridu nsaħħuha u nkabbruha billi nżidu l-esportazzjoni tal-prodotti maħdumin f’pajjiżna u nbiegħu aktar is-servizzi mogħtijin mill-Maltin u l-Għawdxin lill-barranin. 

 

Dawn huma żewġ fatturi li l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea u l-kundizzjonijiet tas-sħubija fl-Unjoni ma jgħinuniex biex intejbu, kif stajna naraw mill-għeluq ta’ ħafna fabbriki, iż-żieda fl-ispejjeż u fil-prezzijiet u t-tnaqqis fil-kompetittività, barra ħafna aktar taxxi, li rajna minħabba s-sħubija fl-Unjoni.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 31 ta' Jannar, 2008.

<< Lura <<

 

 e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ