MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Il-kaċċa,
l-abort u l-UE
Dan l-aħħar tgħidx kemm smajna kemm l-UE qiegħda toqmos għax il-Gvern Malti għadu ma qatax il-kaċċa fir-rebbiegħa.
L-UE
qiegħda tinsisti li l-Gvern Nazzjonalista huwa marbut li jaqta’ l-kaċċa
fir-rebbiegħa (kif inhu wkoll marbut li jaqta’ l-insib is-sena kollha
wara s-sena 2008) la Malta issa saret membru fl-UE, minħabba d-Direttiva
ta’ l-Għasafar.
Il-Gvern qiegħed jipprova jtawwal kemm jista’ biex jobdi l-ordni ta’
l-UE biex forsi jilħqu jgħaddu l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali
f’Marzu li ġej, u l-elezzjoni ġenerali, li jekk ma ssirx is-sena
d-dieħla, bilfors trid issir is-sena ta’ wara.
U
b’hekk jerġgħu “jonsbu” lill-kaċċaturi u n-nassaba għal
ma nafx kemm-il darba!
Forsi tgħidu, imma x’għandu x’jaqsam l-abort mal-kaċċa
fir-rebbiegħa?
Għandkom
raġun li jiġikom dan il-ħsieb għax l-ipokrezija ta’ l-UE
dwar l-abort hija tant grassa li ma titwemminx!
Ħalli nispjegaw.
Ir-raġuni ewlenija għaliex l-Unjoni Ewropea trid taqta’ l-kaċċa fir-rebbiegħa huwa li fir-rebbiegħa l-għasafar ikunu qegħdin ipassu, jew jitilgħu, mill-kontinent Afrikan lejn l-Ewropa biex ibejtu.
U allura l-UE, skond id-direttiva ta’ l-Għasafar,
trid tiżgura li, per eżempju, il-gamiem u s-summien (għax dawn
huma l-uniċi tajr li jistgħu jikkaċċjaw il-kaċċaturi
Maltin u Għawdxin) ikollhom iċ-ċans kollu li jbejtu u li l-bajd
ifaqqas u “jitwieldu” biex ngħidu hekk (!) il-“frieħ” (?)
tal-gamiem u s-summien u jibdew jgħixu!
L-ipokrezija grassa dwar l-abort hija din:
L-UE ma taħsibx l-istess dwar trabi li diġà
jkunu tnisslu u ħadu l-ħajja iżda li jkunu għadhom ma
twieldux, għax l-UE qatt ma ħasset li kellha toħroġ xi
direttiva dwar it-trabi li jkunu għadhom fil-ġuf t’ommhom, billi
tipprojbixxi l-abort fil-pajjiżi mseħbin fl-Unjoni Ewropea!
Fil-fatt huwa f’Malta biss li l-abort huwa illegali u meqjus bħala att
kriminali.
F’kull pajjiż ieħor ta’ l-UE jeżisti xi forma jew oħra ta’ abort.
Mela skond il-valuri “umani” (!) ta’ l-UE,
it-trabi li jkunu għadhom fil-ġuf ta’ l-omm m’għandhomx
l-istess dritt għall-ħajja u li “jitwieldu” biex huma wkoll jibdew
jgħixu, daqskemm għandhom il-gamiem u s-summien, u tajr ieħor
fir-rebbiegħa!
Smart City għall-Maltin jew għall-barranin?
Meta
dan l-aħħar staqsew lill-Ministru Austin Gatt, minfejn se jsibu dawk
l-eluf ta’ ħaddiema
kkwalifikati fit-teknoloġija ta’ l-informatika biex jaħdmu fi Smart
City, il-Ministru rrisponda li se jġibuhom mill-Indja!
Meta kien tħabbar dan il-proġett kmieni din is-sena, u l-Ministru kien
ħabbar li se jinħolqu 3,6000 impjieg fl-IT, min jaf kemm kien hemm diġà
beda jgħodd il-flieles qabel ifaqqsu.
U li dan il-proġett – li l-Prim Ministru iddiskrivieh bħala
“frott” tas-sħubija fl-UE se jsolvilna l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ
tagħna li għad jikkwalifikaw f’din it-teknoloġija għolja
ta’ l-informatika.
Minbarra l-aħbar li se jinġiebu ħaddiema
mill-Indja, ftit ġimgħat
ilu konna smajna bomba ferm akbar tfaqqa’, meta l-Ministru Gatt żvela li
ghad m’hemmx ftehim finali dwar dan il-proġett jekk mhux se jintlħaq
ftehim fuq “punti kruċjali”.
Aħna però ċerti li fl-aħħar dan il-ftehim jintlaħaq la
l-Ministru laħaq paċpaċ żejjed qabel ma faqqsu l-flieles.
Dak it-tpacpiċ żejjed ġab lill-Gvern dahru mal-ħajt u dawn l-ispekulaturi ta’ Dubai huma esperti kif jaħtfu opportunità.
Mhux biżżejjed li bil-karrotta li dendlu lill-Gvern, ta’ eluf ta’ impjiegi fir-Rikażli, se jaħtfu biċċa art enormi ħdejn il-baħar li fuqha se jibnu mijiet ta’ appartamenti u vilel lussużi, li bihom biss ikopru l-ispiża tal-blokki ta’ uffiċini u l-bqija tal-proġett.
U
allura tista’ tgħid li ma jkunu ħarġu xejn minn buthom ħlief
għall-bidu tal-proġett, sakemm jibda tiela’ l-bini tal-vilel u
l-appartamenti!
Tinsewx ukoll li dawn ta’ Dubai – Tecom Investments – ingħataw iċ-ċans
li jieħdu f’idejhom il-maġġoranza ta’ l-isħma
tal-Maltacom qabel biss kienu ffirmaw kollox dwar Smart City!
Min
taħsbu li kien l-aktar ‘smart’, il-Gvern Nazzjonalista jew
l-ispekulaturi ta’ Dubai?
U dak il-ħelikopter?
Ħalli nfakkrukom ftit.
Fid-9 ta’ Marzu 2005, konna għidna li s-servizz tal-ħelikopter
ġdid li beda wara li twaqqaf is-servizz li kellna qabel bil-ħelikopter
Russu bejn Malta u Għawdex, ma kienx se jkollu ħajja twila minkejja
l-ftaħir tal-Gvern u tal-Ministru Giovanna Debono.
Ħalli nfakkrukom xi ħaġ’oħra.
Qabel ir-referendum, il-Ministru Giovanna Debono kienet tkellmet u qalet li jekk nidħlu fl-UE, l-Unjoni kienet se tagħti lil Għawdex il-vapuri u l-ħelikopters.
Aħna naħsbu li meta semmiet il-vapuri kienet qiegħda tirreferi għal vapuri tas-sajd u mhux vapuri bħal tal-Gozo Channel.
Iżda
dwar l-għoti tal-ħelikopters kienet ċara u m’hemm ebda dubju
x’riedet tgħid!
Imbasta kissru s-servizz bil-ħelikopter Russu, għax qalulna li dak ma
kienx ta’ “standards Ewropej”.
Ara
r-Russi kienu l-ewwel pajjiż li tella’ satellita fl-ispazju –
l-isputnik – sejrin ma jafux jibnu ħelikopter li forsi jogħla mijiet
jew ftit eluf ta’ metri mill-art!
Però
xi ħaġa tinten hemm wara din id-deċiżjoni, li l-Gvern ħalla
lill-kumpanija Spanjola titlaq u s-servizz jieqaf qisu ma ġara xejn, u
proprju fi żmien meta se tibda x-xitwa u servizz vitali, kemm għall-Maltin,
Għawdxin, u speċjalment għat-turisti, bħal dak tal-ħelikopter,
twaqqaf.
Diġà smajna li aġenti ta’ l-ivvjaġġar ħassru btajjel
f’Għawdex għax ma jissograwx jibagħtu turisti Għawdex meta
dawn jistgħu jsibu li ma jistgħux jaqsmu bejn Malta u Għawdex u
viċi-versa minħabba l-maltemp li jikkawża li s-servizz bil-vapuri
jieqaf ukoll.
Il-Gvern seta’ rranġa biex is-servizz tal-ħelikopter ikompli kieku
ddeċieda li jissussidja s-servizz.
Iżda m‘għamilx hekk.
Ir-raġuni
tista’ tkun li iktar moħħu biex jibni ‘airstrip’ li fiha jkunu
jistgħu jinżlu ajruplani zgħar.
M’hemm ebda garanzija li wara l-‘airstrip’ ma ssirx ‘runway’ li fiha
jkunu jistgħu jinżlu ajruplani ferm akbar.
U
allura addio waħda mill-isbaħ attrazzjonijiet li ssaħħar
kemm lit-turisti kif ukoll lill-Maltin – il-kwiet.
Taħt it-tinda taċ-“ċirklu” ta’ l-Unjoni Ewropea!
Kif żgur smajtu fl-aħbarijiet, ftit ġimgħat ilu Dr Joanne
Drake, il-kap tar-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta,
organizzat dak li ssejħet il-Fiera ta’ l-UE, taħt tinda bajda
fil-Belt Valletta.
Biex jimpressjonaw u jagħmlu propaganda, Dr Drake qalet dan il-kliem bombastiku “L-Ewropa tibda minn Malta mhux minn Brussels”.
Jekk tagħtu daqqa t’għajn lejn il-mappa ta’ l-Ewropa, tindunaw malajr li Malta qiegħda fit-tarf t’isfel ta’ l-Ewropa, bħalma l-Ewropa tibda mill-Portugall u l-gżejjer Kanarji fil-Punent, u r-Russja min-naħa tal-Lvant.
Mela
Joanna Drake ma kienet qiegħda tgħid xejn ġdid!
L-istess Joanna Drake qalet iżjed minn hekk biex turi lill-UE f’dawl sabiħ.
Minbarra li l-Ewropa tibda minn Malta u mhux minn Brussels, qalet hekk:
“Il-poplu jidher li jħossu komdu bl-UE għax issa qed jirrealizza li għandna ħafna mill-valuri tradizzjonali u soċjali”.
Nemmnu
li riedet tgħid li ħafna mill-valuri tradizzjonali tagħna
l-Maltin huma l-istess bħal ta’ pajjiżi oħrajn fl-UE.
L-ewwelnett ma nafux kif u meta Joanna Drake ntebħet li l-poplu Malti “qed iħossu komdu” bl-UE.
U
aktar kif waslet għall-konklużjoni li l-valuri tradizzjonali tal-poplu
Malti huma bħal dawk tal-pajjiżi – speċjalment dawk kbar –
ta’ l-UE.
Żgur li l-istorja tgħallimna li f’diversi valuri u tradizzjonijiet,
il-Maltin għandhom storja differenti.
Nieħdu l-imħabba li għandu l-poplu Malti għall-paċi.
U kemm jobgħod il-gwerer u l-armi qerrieda.
Huwa fatt storiku li għal mijiet ta’ snin, pajjiżi kbar Ewropej kienu nvoluti fil-gwerer.
Dawn
ġieli bdewhom huma kontra pajjiżi oħrajn ta’ l-Ewropa.
U ġieli kellhom jiddefendu ruħhom mill-attakki ta’ dawk il-pajjiżi
l-oħrajn Ewropej: Franza, l-Ingilterra, l-Italja, il-Ġermanja, Spanja
u l-Portugall kienu protagonisti f’dawn il-gwerer.
Malta żgur li qatt ma bdiet gwerer.
Anzi, l-unika gwerra li Malta sabet ruħha mdaħħla fiha, daħħlitha fiha l-Ingilterra.
U
jekk immorru lura mijiet ta’ snin, sibna ruħna fi “gwerra” oħra
meta Malta ġiet attakkata mit-Torok fl-1565 – li huma wkoll qegħdin
jitħabtu biex jidħlu fl-UE!
Rigward valuri u tradizzjonijiet Insara, hemm baħar jaqsam bejna u l-bqija
ta’ dawk il-pajjiżi l-kbar li jmexxu lill-Unjoni Ewropea.
L-aqwa
eżempju hu l-fatt, kif diġà spjegajna fl-artiklu ieħor f’din
l-istess pagna – huwa l-abort, li aħna nqisuh bħala delitt kontra
l-aqwa dritt uman – id-dritt tal-ħajja.
Mhux bħal pajjiżi l-oħrajn fl-Ewropa, fejn l-abort huwa legali!
Il-Ħamis, 30 ta’ Novembru, 2006.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ