MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 misruqa minn ħalq uliedek

 

L-UE tbierek l-għoti ta’ għajnuna statali lill-privat

 

L-Unjoni Ewropea minn dejjem sostniet li l-istati membri m’għandhomx jagħtu għajnuniet lill-intrapriżi kummerċjali u li jekk dawn ma jkunux jistgħu jkomplu jinnegozjaw mingħajr għajnuna, għandhom jitħallew jagħlqu u l-ħaddiema tagħhom jiġu ssensjati.

 

Iżda llum fil-kriżi finanzjarja u ekonomika li hawn, kellha tibla’ dan il-prinċipju tagħha u taċċetta li l-gvernijiet tal-akbar pajjiżi membri tagħha jagħtu miljuni kbar ta’ ewro lill-intrapriżi kummerċjali privati ħalli ma jfallux u jkomplu jkabbru l-qagħda ekonomika u finanzjarja mwiegħra tal-pajjiżi.

 

Il-prinċipju tal-UE li m’għandhiex tingħata għajnuna statali lill-privat mhux ixxellef, iżda tfarrak għal kollox.

 

Minfloku, l-Unjoni kellha taċċetta l-prinċipju li l-interessi supremi tal-pajjiż għandhom jiggwidaw lill-gvern jekk iħallix intrapriża kummerċjali privata tegħreq jew jagħtihiex l-għajnuna kollha meħtieġa biex issalva.

 

Dan kien il-prinċipju li pajjiżna kien iħaddem qabel ma sseħibna fl-UE u li kellna narmuh minħabba l-istess sħubija.

 

Issa l-pajjiżi l-kbar fl-UE rrealizzaw il-ħtieġa li jagħtu għajnuna lill-impriżi kummerċjali privati fil-bżonn u għalhekk pajjiżna għandu jerġa’ jibda jħaddan din l-istess politika rigward impriżi privati u dawk governattivi, fosthom it-Tarzna.

 

Il-pajjiżi l-kbar tal-UE, bħal Franza, il-Ġermanja u l-Italja, waqqfu fondi kbar ħalli jgħinu lill-intrapriżi industrijali u kummerċjali li sabu ruħhom f’diffikultajiet kbar.

 

Ma tawx kas tal-politika tal-Unjoni li tgħid li l-għajnuna statali lill-intrapriżi industrijali u kummerċjali tagħtihom vantaġġ fuq il-kompetituri tagħhom fl-istess pajjiżi jew f’oħrajn tal-UE, li ma jkunux qegħdin jingħataw l-istess għajnuna.

Fil-każ tat-Tarzna ta’ Malta, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Kompetizzjoni Nellie Kroes sostniet, meta ġiet hawn, li l-Gvern Malti m’għandux jgħin aktar lit-Tarzna għax b’hekk ikun qed jagħtiha vantaġġ fuq tarzni oħrajn fl-Unjoni.

 

Minflok weġibha li huwa fl-interess ta’ pajjiżna li ngħinu lit-Tarzna, il-Gvern ċeda għal dak li trid il-Kummissjoni Ewropea u spiċċa biex ħarbat lill-ħaddiema tas-sengħa li t-Tarzna kellha.

 

Mhux hekk qegħdin jagħmlu gvernijiet oħrajn tal-UE!

 

Qegħdin jagħtu l-għajnuniet kollha li hemm bżonn biex l-intrapriżi kbar industrijali u kummerċjali tagħhom jissoktaw joperaw.

F’ċerti każi, il-pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni, mhux ipprivatizzaw l-intrapriżi, iżda kisbu sehem fihom jew innazzjonalizzawhom għal kollox.

F’Malta, 40 sena ilu, kellna l-kuraġġ ninnazzjonalizzaw it-Tarzna.

 

Illum lanqas għandna d-dehen inkomplu nħaddmuha aħna.

 

Se nagħtuha mill-ġdid f’idejn il-barranin.

 

Hekk trid l-UE!

 

L-UE tammetti li kienet żbaljata

 

L-UE u l-akkolti tagħha f’pajjiżna jsostnu li l-privat imexxi aħjar mill-Gvern u għalhekk kollox kellu jkun privatizzat.

 

Issa l-Unjoni qiegħda tammetti li spiss irid ikun il-Gvern biex jidħol ħalli jsalva lill-privat fil-qasam finanazjarju u fil-qasam industrijali.

L-Unjoni qiegħda jkollha taċċetta s-supremazija tas-settur pubbliku fuq is-settur privat u li jrid ikun l-indħil tal-Gvern biex irażżan il-paniku li jaħkem lill-pubbliku meta dan jibża’ li l-privat se jfalli u l-pubbliku se jitlef it-tfaddil tiegħu kollu.

Id-dinja qiegħda issa tifhem li l-kapitaliżmu tal-privat huwa mibni fuq it-tafal u f’ħafna pajjiżi tal-Punent u tal-UE se jogħtor mingħajr il-krozzi tal-istat.

 

Kif snin ilu ġġarraf l-istat Marxista, li kien nieqes mill-ossiġnu tal-kompetizzjoni, hekk ukoll illum jista’ jiġġarraf l-istat kapitalista privat, jekk il-Gvern ma jipprovdilux l-ossiġnu meħtieġ tal-fondi pubbliċi.

L-UE li dejjem insistiet li l-Gvern għandu jiċkien u jikber il-privat, illum ħassitha mġiegħla tħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri jkabbru u jsaħħu s-sehem tagħhom fl-oqsma finanazjarji u industrijali tal-pajjiżi membri.

 

L-imgħoddi f’pajjiżna jixhed kemm hija falza l-politika tal-Unjoni li ssostni li l-privat kapaċi jagħmel profitt filwaqt li l-Gvern mhux kapaċi jagħmel qligħ.

 

Fis-snin 70 u 80 f’pajjiżna, l-intrapriżi tal-Gvern kienu kollha jaħilbu u jirrendu profitti lill-poplu.

 

Kien biss wara s-snin 80 li l-istess intrapriżi tal-Gvern ma baqgħux jagħmlu qligħ sakemm bdew jagħmlu telf.

Għaliex dik il-bidla?

 

L-intrapriżi xorta kienu u baqgħu tal-Gvern.

 

Li nbidel, kienet it-tmexxija tagħhom.

 

Qabel kienu mmexxijin tajjeb u b’effiċjenza u wara s-snin 80 bdew jitmexxew mingħajr impenn, bla ħeġġa u b’mod ineffiċjenti.

X’inhi t-tagħlima minn dawn il-fatti?

 

It-tagħlima hija mhix dik tal-UE, jiġifieri l-privatizzazzjoni, iżda li kollox jiddependi minn min ikun qed imexxi jekk ikunx kapaċi jew le, u jekk ikunx motivat li jaqdi mill-aħjar li jista’ mhux l-interessi personali tiegħu, iżda l-interessi tal-poplu u tal-pajjiż.

 

Prinċipji ħżiena Ewropej

 

Sa erbat ijiem ilu l-UE kienet issostni li l-banek m’għandhomx ikunu tal-Gvern u għandhom ikunu għal kollox indipendendi minnu.

 

Iżda l-kriżi bankarja tal-lum sforzat lill-Unjoni biex mhux biss taċċetta, iżda tħeġġeġ lill-gvernijiet biex jieħdu sehem mill-banek privati, jekk mhux ukoll li saħansitra jinnazzjonalizzawhom għal kollox.

 

L-UE kellha taċċetta li l-istat irid ikun biex isalva lis-settur bankarju privat, għax mitluq waħdu, is-settur bankarju privat kien se jfalli għal kollox.

Għalhekk issa pajjiżna jista’ jerġa’ jemmen dak li kien jemmen qabel issieħeb fl-UE – li huwa xieraq li l-Gvern ikollu sehem dirett u effettiv fil-banek tal-pajjiż u li dan il-fatt ikun għall-ġid tal-banek stess, kif ukoll biex jitħarsu aħjar l-interessi tal-poplu kollu, flimkien ma’ dawk tad-depożitanti tal-banek.

Il-poplu Malti issa jista’ jifhem kemm kellna raġun ngħidu li l-UE tħaddan prinċipji ħżiena, kemm il-prinċipju li l-istat m’għandux jagħti għajnuna lill-impriżi, kif ukoll li l-istat m’għandux ikollu sehem fil-banek.

L-Unjoni tħaddem prinċipji oħrajn ħżiena li biż-żmien il-poplu għad jintebaħ bihom, bħalma seħħ fil-każ ta’ dawn iż-żewġ prinċipji.

 

Fost il-prinċipji ħżiena li l-UE tħaddem, insibu dak li r-rata tal-imgħax fuq is-self għandha tkun l-istess fil-pajjiżi kollha li għandhom il-munita komuni, l-ewro.

 

Dan huwa prinċipju ħażin, għax il-qagħda ekonomika mhix l-istess fil-pajjiżi kollha tal-ewro.

X’uħud minnhom ikollhom bżonn rata aktar baxxa ħalli jistimulaw l-attivitŕ ekonomika li tkun qiegħda tmajna.

 

Waqt li xi pajjiżi oħrajn ikun jeħtieġilhom jgħollu r-rata tal-imgħax li jiffissa l-Bank Ċentrali Ewropew għal kulħadd l-istess.

 

B’konsegwenza ta’ dan, xi pajjiżi jaqblilhom, oħrajn ma jaqblilhomx bir-rata tal-imgħax iffissata mill-Bank Ċentrali tal-Unjoni.

Prinċipju ieħor ħażin tal-UE huwa dak li s-servizzi kollha jridu jkunu privatizzati.

 

Mhux ħaġa flokha li jekk servizz ikun immexxi effiċjentement mill-Gvern, is-servizz għandu jkun xorta pprivatizzat.

 

Il-privatizzazzjoni tfisser li jsir profitt minn fuq dak is-servizz u li l-profitt, minflok jitgawda mill-poplu kollu, imur għand intraprenditur wieħed jew aktar privati.

Dan kollu jurina kemm hemm bżonn li nerġgħu nibdew naħsbu b’rasna u mhux nibqgħu nitmexxew bl-ideat żbaljati tal-UE.

 

Meħtieġa passi konkreti dwar l-immigrazzjoni

 

Il-Ministru tal-Intern tal-Italja, Maroni, meta kien f’Malta jumejn ilu, ma qagħadx ilaqlaq biex jikkritika lill-Unjoni Ewropea li m’għamlet xejn konkret biex trażżan l-immigrazzjoni illegali.

 

Waqt li l-Gvern Malti huwa kuntent bil-ftehim li l-UE għamlet dwar il-‘burden sharing’ tal-immigranti li jitqiesu refuġjati, fuq bażi volontarja, il-Ministru Taljan insista li pajjiżi, bħal Malta, il-Greċja u Ċipru, imisshom jagħmlu xi ħaġa oħra biex isolvu l-problema tal-immigrazzjoni illegali.

Ix-xi ħaġa l-oħra li l-Ministru Maroni semma hija li jingħalqu l-bibien ta’ dawn il-pajjiżi għall-immigranti illegali u mhux li jimxu aktar skont il-politika Ewropea li qiegħda tinkoraġġixxi l-immigranti illegali billi toffrilhom li jibqgħu fil-pajjiżi fuq bażi umanitarja, anke meta ma jkunux jikkwalifikaw għall-istatus ta’ refuġjati.

Sakemm l-immigranti illegali jibqgħu jkollhom it-tama li jistgħu jitħallew jaħdmu fil-pajjiżi li jmorru, se jibqgħu jissograw ħajjithom fuq il-baħar għal dan il-għan.

 

Jekk huma jkunu konvinti li qatt mhu se jitħallew jaħdmu, ma jibqgħux ġejjin fil-pajjiżi tal-Unjoni.

 

Għalhekk jekk verament irridu li nwaqqfu l-immigrazzjoni illegali, għandna nuru li mhux se nippermettulhom jibqgħu fil-pajjiż li jkunu ġew fih.

 

L-UE mhux biss qiegħda ġġiegħlna nżommu l-immigranti illegali, imma ġġiegħlna nagħtuhom ix-xogħol u nħallu lil nieshom jinġabru magħhom f’pajjiżna.

 

Wara żmien maqfulin fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, l-immigranti illegali jitħallew joqogħdu fiċ-ċentri miftuħin u joħorġu jaħdmu mingħajr xkiel ta’ xejn.

Għandna immigranti li ilhom issa s-snin joqogħdu fiċ-ċentri miftuħin li la jistgħu jmorru fil-pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni fejn xtaqu jmorru u lanqas huma lesti li jmorru lura lejn pajjiżhom, fejn aktarx ma jkollhomx xogħol.

L-UE tridna li nintegraw lill-immigranti illegali fis-soċjetŕ tagħna.

 

Iżda ma tridniex li nħallu lill-immigranti illegali jmorru f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni.

Jekk l-immigranti illegali jixirqilhom li jintegraw ruħhom f’pajjiżna, m’għandhiex raġun l-Unjoni li ma tħallihomx jmorru joqogħdu f’pajjiżi oħrajn membri u jintegraw ruħhom mal-popli ta’ dawk il-pajjiżi.

 

Fuq kollox dik hija x-xewqa tal-immigranti kollha li għandna f’pajjiżna.

 

Li nżommuhom f’pajjiżna hija kontra r-rieda tagħhom, għax huma jridu li jmorru jaħdmu fil-pajjiżi l-kbar tal-Unjoni, mhux fiċ-ċokon ta’ pajjiżna.

 

Dwar il-kwistjoni tal-immigranti illegali, għandna bżonn nagħmlu dak li huwa fl-interess tal-poplu tagħha u mhux noqogħodu għal dak li tgħidilna nagħmlu l-Unjoni, allavolja huwa kontra l-interessi tagħna.

 

Il-Ħamis, 30 ta’ Ottubru, 2008

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ