MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

  

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Bit-Trattat ta’ Riforma pajjiżna se jitlef

 

Fit-23 tax-xahar li għadda, il-Portugall li għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Unjoni Ewropea għall-aħħar sitt xhur tas-sena, ippreżenta l-abbozz tat-Trattat ġdid ta’ Riforma mħejji skond il-ftehim milħuq dwaru mill-mexxejja tal-pajjiżi membri, f’Ġunju li għadda, f’Berlin.

Ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni, inkluż ir-rappreżentant Malti, se jkomplu jiddiskutu l-abbozz tat-Trattat sa Settembru li ġej. 

 

Ir-riżultati tad-diskussjonijiet dwar it-Trattat jitressqu quddiem il-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi membri fil-laqgħa li se ssir fis-7 u t-8 ta’ Settembru. 

 

Huwa ppjanat li mbagħad fit-18 u d-19 ta’ Ottubru jiltaqgħu l-mexxejja tal-pajjiżi membri, f'Lisbona, il-Portugall u f’ċerimonja solenni jiffirmaw it-Trattat il-ġdid ta’ Riforma ta' l-Unjoni.

Wara, issir ir-ratifika tiegħu mill-pajjiżi membri kollha matul is-sena d-dieħla, bil-għan li t-Trattat jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009. 

 

It-Trattat jipprovdi li jekk xi pajjiż ma jkunx laħaq irratifikah sa l-1 ta' Jannar, 2009, it-Trattat jidħol fis-seħħ wara li l-aħħar pajjiż jirratifikah.

L-Unjoni Ewropea taħseb li m’għandhomx jinqalgħu oġġezzjonijiet għall-abbozz Portugiż tat-trattat mir-rappreżentanti tal-pajjiżi membri, ħalli l-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin tagħhom japprovaw l-abbozz finali tiegħu fil-laqgħa tas-7 u t-8 ta’ Settembru li ġej. 

 

L-Unjoni tittama wkoll li ma jkunx hemm pajjiżi li ma jirratifikawx it-Trattat wara li l-mexxejja tagħhom ikunu ffirmawh fit-18 u d-19 ta’ Ottubru.

 

L-Unjoni Ewropea trid li kemm jista’ jkun ir-ratifika ssir mill-parlamenti nazzjonali, mhux permezz ta’ referendi. 

 

Iżda diġà s’issa hemm żewġ pajjiżi, 

* l-Irlanda u 

* d-Danimarka, 

    li se jagħmlu referendum dwar it-Trattat, u f’xi pajjiżi oħrajn, fosthom 

* l-Ingilterra, 

    ħafna jsostnu li għandu jsir referendum.

F'Malta hu mistenni li r-ratifika tat-Trattat issir mill-Parlament bħalma ġara għal xejn fil-każ tat-Trattat tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni f’Lulju ta’ sentejn ilu. 

 

Huwa għajb li la l-pubbliku Malti u lanqas il-Parlament Malti mhu se jkollhom l-opportunità li jiflu u jiddiskutu t-Trattat qabel ma l-Prim Ministru Malti jiffirmah.

It-Trattat ta’ Riforma se jkollu fih dak kollu li kien oġġezzjonabbli fit-Trattat tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni. Għalhekk mhux fl-interess nazzjonali li l-Parlament Malti jivvota favurih. 

 

Iżda ladarba l-Prim Ministru jkun iffirmah f’Ottubru li ġej, il-Parlament Malti mistenni japprovah ukoll, minkejja li pajjiżna se jkompli jitlef bih.

Pajjiżna m’hu se jiggwadanja xejn bit-Trattat, għax jekk se jżidilna membru ieħor fil-Parlament Ewropew, għal ħafna snin mhux se jkun hemm Kummissarju Malti, bħalma llum hemm Dr Borg u Malta se titlef id-dritt li għal sitt xhur ikollha l-presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Il-poplu Malti ma jaħsibhiex bħall-UE

 

Ghaliex l-Unjoni Ewropea ma tridx tħalli lill-popli tal-pajjiżi membri jivvotaw f’referendum dwar it-Trattat ġdid ta’ Riforma? 

 

It-tweġiba hija waħda u ċara. 

 

Għax l-Unjoni taf li l-maġġoranza tal-popli huma kontra t-Trattat li jagħti aktar setgħat lill-Unjoni.

Ħafna jistaqsu, imma l-Unjoni ma temminx fid-demokrazija? 

 

U t-tweġiba hija li fejn jaqblilha, l-Unjoni ma jimpurtahiex mid-demokrazija. 

 

Jimpurtaha li dak li trid hija jseħħ.

Oħrajn jistaqsu, mela l-Unjoni ma timxix skond ir-rieda tal-popli tagħha? 

 

Jinħasdu meta jsibu li l-Unjoni, f’ħafna affarijiet, tiddetta hija lill-popli x’għandhom jagħmlu. 

 

Hija dittatorjat, mhux demokrazija.

Għall-mistoqsija jekk l-Unjoni tiddeċidix kollox bi ftehim tal-pajjiżi kollha, tingħata t-tweġiba li għadd ta’ deċiżjonijiet jittieħdu bil-qbil tal-maġġoranza u mingħajr il-qbil tal-pajjiżi l-oħrajn li d-deċiżjonijiet xorta jorbtuhom.

Issib min jistaqsi jekk hux il-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni humiex suġġett għat-trattati tagħha kollha u għar-regoli kollha tagħha. 

 

Dawn jistgħaġbu meta jsiru jafu li hemm pajjiżi membri li għalihom ma japplikawx it-trattati sħaħ ta’ l-Unjoni, jew ir-regoli kollha tagħha.

 

Imbagħad dwar il-Parlament ta’ l-Unjoni tqum il-mistoqsija jekk kulma tiddeċiedi l-Unjoni jridx ikollu l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Parlament Ewropew, kif huwa l-prinċipju tad-demokrazija parlamentari fil-pajjiżi membri. 

 

Iżda mhux hekk fl-UE, għax ħafna deċiżjonijiet m’għandhomx bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ħafna ma jifhmux għaliex l-Unjoni Ewropea mhix kapaċi żżomm il-kontijiet regolari ta’ l-infiq tal-fondi u tal-ħruġ ta’ l-ispejjeż tagħha, tant li sena wara l-oħra l-awdituri jirrifjutaw li jiċċertifikaw li l-‘accounts’ tagħha huma korretti.

Oħrajn ma jarawx għaliex l-Unjoni Ewropea tippermetti miljuni ta’ ċittadini tagħha mingħajr xogħol għal żmien twil, meta għandha l-biljuni f’fondi li jinġabru mit-taxxi tal-popli tal-pajjiżi membri u tħalli għaddejja ħela kbira, skandaluża u bla rażan. 

 

Iżda għal dan kollu hemm ir-raġuni li tinsab fl-ideoloġija ta’ l-Unjoni tas-suq kapitalista, msejjes fuq il-kompetizzjoni u l-profitt biss, mingħajr ma jagħti ħjiel tal-ġustizzja soċjali.

Lil min jistaqsi xi tgħid l-Unjoni Ewropea fuq 

* il-‘welfare state’ u 

* l-pensjonijiet,

 

it-tweġiba hija li l-Unjoni uffiċjalment tgħid li dawn iż-żewġ oqsma tħallihom għall-gvernijiet tal-pajjiżi membri, iżda fil-fatt hija tagħmel pressjoni kbira fuq dawn il-gvernijiet ħalli 

 

* jċekknu l-‘welfare state’ u ħalli jwaddbu 

* l-pensjonijiet 

* f'idejn il-kumpaniji kummerċjali privati.

Dan kollu juri li kif jaħsibha l-poplu Malti ma jaqbilx ma kif taħsibha l-Unjoni Ewropea.

 

L-għan li nirtiraw mill-Unjoni Ewropea

 

F’ittra ppubblikata f'ġurnal bil-Malti l-Ħadd li għadda, Eddy Privitera saħaq li t-tama li l-poplu Malti fil-futur għandu jerġa’ jikseb l-indipendenza, il-ħelsien u s-sovranità tiegħu mill-kolonizzaturi ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea, għandha tkun mhux biss “ħolma”, iżda l-għan aħħari tagħna.

Privitera kien qed jikkritika lil dawk li jgħidu li l-għan li s-
CNI għandha, mhuwiex ħlief ħolma. 

 

Hu fakkar li f’ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni, ir-rieda ta’ ħafna li jirtiraw mill-Unjoni, mhix biss ħolma. 

 

Hu semma li r-Renju Unit, għalkemm ilu msieħeb fl-Unjoni mill-1973, illum għandu 

* miljuni ta' nies, fosthom 

* negozjanti, 

* politiċi, 

* ħassieba, 

* ekonomisti magħrufin, 

* trejd unjonisti u 

* oħrajn, 

li jaqblu li r-Renju Unit għandu jirtira mill-Unjoni u jerġa’ jinnegozja mill-ġdid ftehim magħha. 

 

Dan il-ftehim jerġa’ jagħti lura d-dritt lill-poplu tar-Renju Unit, permezz tar-rappreżentanti tiegħu eletti fil-Parlament ta’ Westminster, li jiddeċiedi x’liġijiet u regolamenti għandhom jorbtuh, minflok dawk li tagħmel l-Unjoni Ewropea.

Eddy Privitera jissokta jgħid fl-ittra tiegħu, li wara kollox, anke min joqtol u jeħel għomru l-ħabs f’pajjiżna, wara numru ta' snin jerġa’ jikseb il-libertà. 

 

Allura, huwa jistaqsi, iriduna nemmnu dawk li jsostnu li tas-CNI qegħdin biss joħolmu, li s-sħubija fl-Unjoni hija agħar minn sentenza ta’ għomor il-ħabs?

 

Privitera wera sodisfazzjon li l-messaġġ tas-CNI bil-mod il-mod qed jasal u dan jixhdu artiklu miktub żewġt Iħdud ilu mit-Tabib Dr Josie Muscat. 

 

Dr Muscat ma naqasx li jfaħħar lis-CNI għax baqgħet dejjem konsistenti u għax tgħid il-fatti reali dwar l-Unjoni Ewropea. 

 

Huwa silet paragrafu mill-kitba ta’ Dr Muscat fejn qal li llum qegħdin naraw 

* ‘integration’ bil-moħbi min-naħa ta’ l-Unjoni Ewropea, jew aħjar, 

* mixja bil-mod lejn Kolp ta’ Stat biex jinħoloq Super Stat, 

 

    jew fi kliem Josè Manuel Barroso 

* “Imperu mhux Imperjali”. 

 

Dr Muscat kiteb ukoll li politiçi li jittrasferixxu poteri, bħalma se jsir bit-Trattat ġdid ta’ Riforma, li ċ-ċittadini ta’ pajjiż ikun silfuhom, mingħajr il-kunsens taċ-ċittadini, m’humiex ħlief 

* tradituri.

Eddy Privitera sostna li hekk ġara f’pajjiżna. 

 

Ingannaw lill-poplu biex imbagħad għaddew il-poteri lill-Kummissarji Ewropej li m’humiex eletti mill-poplu. 

 

Sostna wkoll li lill-poplu se jerġgħu jingannawh billi jiftehmu man-negozjanti biex ma jgħollux il-prezzijiet meta fl-1 ta’ Jannar li ġej tidħol l-Ewro u jgħolluhom ftit xhur wara meta tgħaddi l-elezzjoni.
 

Privitera saħaq li s-CNI la se tinsa kif ingannaw il-poplu u lanqas se tieqaf tfakkar is-sehem sfaċċat tal-Kummissjoni Ewropea u fit-theddid tal-Kummissarju Gunther Verheugen qabel ir-referendum u l-elezzjoni fl-2003, għax is-CNI ma tibżax li titlef xi voti, bħall-partiti politiċi, jekk tgħid il-verità.

 

Id-delitti kontra l-umanità ta’ l-UE

 

L-Unjoni Ewropea hija fabbrika kbira li tagħmel u tbiegħ l-armamenti u b’hekk qiegħda tgħin li jsir ġlied li jġib qerda ta' bnedmin u ħerba ta' ġid materjali.

L-industrija Ewropea ta' l-armamenti hija kbira u tirrendi profitti kbar. 

 

L-Unjoni m’għandhiex prinċipji u lanqas skupli fejn jidħol il-qligħ tal-flus.

Waqt li l-Unjoni tistqarr li taħdem għall-paċi fid-dinja, tgħin biex isiru l-gwerer f’ħafna rkejjen tad-dinja u b’hekk ikun hemm dejjem domanda għall-armamenti li l-Unjoni tipproduċi.

Waqt li l-Unjoni tara li bejn il-pajjiżi membri ma jkunx hemm gwerer, tforni bl-armamenti lill-pajjiżi f’naħat oħra tad-dinja u b’hekk tgħin li jinħolqu l-gwerer fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fl-Asja.

Waqt li minn naħa waħda l-Unjoni tagħti għajnuna lil pajjiżi foqra, min-naħa l-oħra tfaqqarhom aktar billi tixorbilhom flejjes kbar bl-armamenti li tbellgħalhom u billi tarma lill-pajjiżi kontra xulxin.

 

Waqt li l-Unjoni tgħin biex jitfejqu n-nies morda fil-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw, fl-istess ħin tgħin, bl-għoti ta’ l-armamenti, biex jinqatlu bil-ġlied in-nies tagħhom b’saħħithom.

Waqt li l-Unjoni tippriedka d-dritt fundamentali tal-bniedem għall-ħajja, fl-istess ħin tmexxi l-armi biex jintużaw fil-qerda ta’ ħajjiet il-bnedmin.

Filwaqt li taħli ġid materjali u riżorsi umani fil-produzzjoni ta’ l-armamenti, l-Unjoni tgħakkes liċ-ċittadini tagħha bil-ħlas tat-taxxi li jinħlew fl-infiq tal-militarizzazzjoni tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni li hija tħeġġeġ.

Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea l-poplu Malti ġieli qiegħed jieħu sehem f'din l-istorja ta’ għajb kbir. 

 

Għax pajjiżna jgħid li qiegħed jieħu sehem fid-deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni u fit-tfassil u t-twettiq tal-politika tagħha. 

 

Għalhekk il-poplu Malti bla ma jrid huwa kompliċi f’dawn il-ħwejjeġ li m’huma xejn anqas minn delitti kontra l-umanità (‘crimes against humanity’). 

 

Għax il-qerda tal-ħajja umana u l-ħerba tal-proprjetà bl-armamenti li l-Unjoni tbigħ, jagħmlu sehem mit-twettiq tad-delitti kontra l-umanità.

L-Unjoni Ewropea hija ħatja ta’ delitti kontra l-umanità u aħna l-Maltin u l-Għawdxin, bis-sħubija tagħna fl-Unjoni, sirna jekk mhux ko-awturi, kompliċi fid-delitti kontra l-umanità li qegħdin jitwettqu bl-armamenti mibjugħa mill-Unjoni.

 

Bl-appoġġ tagħhom għall-Unjoni Ewropea, il-politiċi Maltin, Insara tal-qoxra, insew li ħadu ġurament li, fost id-dmirijiet li l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna timponilhom, għandhom dawk li jaħdmu attivament għall-paċi fost il-ġnus, u li ma jieħdu sehem fl-ebda alleanza militari.

 

IRRIDU LURA L-LIBERTA`

 

Il-Ħamis, 30 ta' Awissu, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ