MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek
L-espert li nġieb Malta kien involut f’tarzna oħra li għalqet
Kemm
il-Ministru responsabbli mit-Tarzna, kif ukoll il-kumpanija Malta Shipyards li
tmexxi t-Tarzna, qegħdin jagħmlu minn kollox ħalli ma jkunux magħrufin
mill-pubbliku l-fatti veri dwar l-ingaġġ tal-Marketing Executive,
Graham Crouser, għal tliet snin, u t-tluq misterjuż tiegħu wara
biss sitt xhur, u l-kuntratt diżastruż li huwa nnegozja għall-konverżjonijiet
tal-Fairmount, li kkaġuna telf enormi lit-Tarzna.
Dan qalitu lil l-orizzont il-Kampanja għall-Ħelsien Nazzjonali (CNI).
Is-CNI
qalet li sabet li l-istorja ta’ Graham Crouser hija aktar misterjuża
milli dehret sal-lum, għax dan il-bniedem inzerta li qabel ma nġab
Malta, kien imdaħħal f’tarzna oħra, dik tal-kumpanija Cammell
Laird ta’ Birkenhead, f’Merseyside, l-Ingilterra, li wkoll tilfet miljuni
kbar minħabba kuntratt ta’ konverżjoni ta’ vapur, Costa Classica,
tal-kumpanija Taljana Costa Crociere ta’ Genoa.
Is-CNI
saret taf li t-Tarzna ta’ Birkenhead tal-kumpanija Cammell Laird, fl-2000 daħlet
f’kuntratt ta’ £50 miljun biex ittawwal il-vapur Costa Classica billi taqtgħu
min-nofs, tibni biċċa ġdida tal-vapur u tgħaqqadha man-nofs
ta’ quddiem u man-nofs ta’ wara tal-vapur.
Il-ftehim
kien li l-ħlas isir wara li jitlesta x-xogħol, għal nofs Marzu ta’
l-2001.
Il-Cammel Laird daħlet fi spejjeż kbar biex ħejjiet ruħha u l-ħaddiema tagħha għal dan ix-xogħol ta’ konverżjoni, u laħqet bniet il-biċċa ġdida tan-nofs tal-vapur.
Iżda
f’Diċembru 2000, il-kumpanija Costa Crociere ssospendiet l-eżekuzzjoni
tal-kuntratt, u b’konsegwenza ta’ dan it-Tarzna ta’ Cammell Laird tilfet
miljuni kbar, kellha tkeċċi mijiet ta’ ħaddiema u ftit xhur
wara, waqfet milli tkompli topera.
Is-CNI
għandha tagħrif li Graham Crouser kien impjegat fit-taqsima tal-marketing
tat-Tarzna ta’ Cammell Laird fiż-żmien li din innegozjat il-kuntratt
tal-konverżjoni tal-Costa Crociere.
X’sehem
kellu fin-negozjati tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt biex il-ħlas isir wara
li jitlesta x-xogħol, mhux magħruf.
Iżda huwa żgur li kien jaf x’inhuma d-diffikultajiet u l-perikli ta’ kuntratt kbir ta’ konverżjoni ta’ vapur, meta aktar tard ingħata l-kariga ta’ Marketing Executive tal-Malta Shipyards.
Minflok qagħad b’seba’ għajnejn attent għall-kundizzjonijiet tal-kuntratt tal-Fairmount, Crouser eskluda min-negozjati tal-kuntratt il-maniġers kollha Maltin li jmisshom ħadu sehem fin-negozjati ta’ kuntratt kbir bħal dak.
Huwa aċċetta kundizzjonijiet ħżiena għat-Tarzna, fosthom, li qabel ma’ ammont ta’ ‘liquidated damages’ li t-Tarzna tħallas f’każ li ma jitlestix ix-xogħol kif miftiehem, u ftehim fuq prezz għax-xogħol kollu li lanqas kien ikopri l-ħlas kollu tal-materjal li ntuża mit-Tarzna u ħafna mill-ħlasijiet li t-Tarzna kellha tagħmel lill-kuntratturi privati.
Minħabba
dan il-ftehim diżastruż li Graham Crouser għamel, it-Tarzna spiċċat
tilfet miljuni kbar, tant kbar, li la l-Ministru responsabbli mit-Tarzna u
lanqas l-Executive Management tat-Tarzna ma għandhom il-kuraġġ jgħidu
kemm kien kbir it-telf li t-Tarzna ġarrbet minħabba l-kuntratt
tal-konverżjoni tal-Fairmount.
It-tarzna ta’ Birkenhead ta’ Cammell Laird kellha tieqaf topera minħabba
l-kuntratt tal-konverżjoni tal-Costa Classica, filwaqt li t-Tarzna ta’
Malta se jkollha tinbiegħ minħabba l-kuntratt ta’ konverżjoni
tal-Fairmount.
Iż-żewġ tarznari marru żmerċ fl-okkażjoni ta’ kuntratti ta’ konverżjoni li fihom kien imdaħħal Graham Crouser.
Tgħid
din hija kumbinazzjoni, jew hemm raġuni moħbija għal dan il-fatt?
Is-CNI taf li ħafna qegħdin jistaqsu jekk min ingaġġa lil Graham Crouser bħala Marketing Executive għat-Tarzna, kienx jaf jekk dan kienx kapaċi għal dik il-kariga u x’esperjenza kellu dwar xogħol ta’ konverżjoni ta’ vapuri?
Jistaqsu
wkoll jekk il-Ministru responsabbli mit-Tarzna approvax il-kundizzjonijiet
ħżiena tal-kuntratt diżastruż li Crouser innegozja għat-Tarzna?
Jingħad li Crouser tħalla jitlaq minn Malta sitt xhur biss wara li
kien ingaġġat għal tliet snin.
Min
ħallih jitlaq mingħajr ma żammu responsabbli għal għemilu?
Il-poplu Malti se jkollu jagħmel tajjeb għall-miljuni f’telf li t-Tarzna
ġarrbet minħabba l-kuntratt tal-Fairmount.
Ma għandux dritt il-poplu li jkun jaf il-verità kollha, permezz ta’ inkjesta pubblika indipendenti, kif mitluba mill-General Workers’ Union (GWU) u mill-ħaddiema tat-Tarzna u li l-Gvern qiegħed jibża’ li jagħmel?
Jew
il-Gvern ikun sodisfatt li dak li għaddiet minnu t-tarzna ta’ Birkenhead
u l-ħaddiema tagħha li tilfu l-impjieg, tgħaddi minnu t-Tarzna
ta’Malta u ħafna mill-ħaddiema li jitilqu mill-impjieg bl-iskemi ta’
irtirar kmieni?
Is-CNI
tifhem li r-rabta ta’ Crouser mat-tarzna ta’ Birkenhead li waqfet, iżżid
il-ħtieġa ta’ inkjesta pubblika indipendenti kif qiegħda titlob
il-GWU, li ebda Gvern responsabbli ma għandu jonqos li jagħmilha.
L-Erbgħa, 30 ta’ Lulju, 2008
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ