MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman Kampanja Ħelsien Nazzjonali CN
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
It-taghlima ta' Peter Bonde
JENS-PETER BONDE huwa membru Daniż
tal-Parlament Ewropew.
Ilu 25 sena membru tiegħu.
Għall-25 sena sħaħ ilu jikkritika lill-Unjoni Ewropea u jaħdem ħalli titjieb.
Mhux talli ma rnexxielux itejjibha, iżda ra kull sena tmur għall--agħar.
Għax issir anqas demokratika u tkabbar is-setgħat tagħha u toħodhom minn idejn il-Parlamenti ta' l-Istati membri tagħha.
Bonde dejjem jilmenta minn dan u jħambaq kontra dan.
Iżda xorta waħda, ma jirnexxilux iwaqqfu.
Minkejja li huwa membru tal-Parlament Ewropew, jgħid lil kulħadd li sħubija fl-Unjoni Ewropea hija ħażina għall-poplu.
F'kull referendum li sar fid-Danimarka, dejjem ħadem biex il-poplu Daniż jivvota kontra dak li riedet l-Unjoni Ewropea.
Għalhekk qatt ma aċċetta li d-Danimarka toqgħod għall-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-militarizzazzjoni ta' l-Unjoni u dwar it-twaqqif ta' l-Armata Ewropea.
U d-Danimarka għamlet Protokoll li jeħlisha minn dawn l-obbligi.
Bonde qatt ma aċċetta li l-Euro tkun il-munita tal-pajjiż.
U minkejja li huwa membru
tal-Parlament Ewropew, għadu jsostni li pajjiżu jzomm il-munita tiegħu.
Allavolja huwa membru tal-Parlament Ewropew, Bonde ħadem biex parti mid-Danimarka, il-gżira ta' Greenland, toħroġ mill-Unjoni Ewropea u tkun awtonoma mid-Danimarka.
Ħadd aktar minnu ma jaf kemm sħubija fl-Unjoni Ewropea hija ta' ħsara għad-demokrazija ta' pajjiż.
Għalhekk baqa' Ewroxettiku u waqqaf il-Grupp għall-Ewropa tad-Demokraziji u Diversitajiet fil-Parlament Ewropew.
Ma marx mal-Grupp tal-Partiti Soċjalisti Ewropej.
Bonde għadu kif qalilna li issa li se jseħħ il-ftehim li Malta għamlet ma' l-Unjoni Ewropea, dawk li se jagħmlu l-liġijiet f'Malta, m'humiex iktar id-Deputati li ntellgħu fil-Parlament Malti.
Qal ukoll xi ħaġa kontra dak li jgħid il-Partit Laburista Malti.
Dan jgħid li fir-Referendum f'Malta, ma ttieħditx deċiżjoni favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Iżda għal Bonde, il-kwistjoni ġiet deċiża bir-referendum.
U l-membru Laburista nkarigat mill-Unjoni Ewropea jidher li jaqbel miegħu meta jikkwotah x'qal.
Bonde jammetti li Malta ċediet is-sovranita` tagħha meta aċċettat li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Jgħid li d-deċiżjoni ttieħdet demokratikament.
Nesa x'gideb u x'qerq sar biex ivvotaw ftit eluf aktar minn dawk li vvotaw kontra.
Nesa' xi żbilanċ kellna fix-xandir u fl-infieq ta' flus fil-propaganda favur is-sħubija.
Nesa x'indħil sfaċċat kellna mill-Unjoni Ewropea biex tinfluwenza l-poplu favuriha.
Fuq kollox Bonde nesa li f'pajjiżu, kull meta l-Unjoni Ewropea titlef referendum, jerġa' jsir referendum ieħor ħalli l-poplu jingħata l-opportunita` jaqleb l-ewwel deċiżjoni li jkun ħa.
U l-membru Laburista nkarigat mill-Unjoni Ewropea konvenjentament ma fakkarx lil Bonde f'dawn il-ħwejjeġ, għax issa ma baqgħax fi sqaq mudlam, iżda ra d-dawl li qegħdin jaraw il-mijiet ta' ħaddiema Maltin li qegħdin jiġu ssensjati bil-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea li qed jiġi aċċettat!
X'inhi t-tagħlima li għandna nieħdu mill-eżempju ta' Jens-Peter Bonde?
Hija waħda.
Ilu 25 sena jiġġieled minn ġewwa biex jirranġa l-Unjoni Ewropea.
Minflok irnexxielu jirranġaha, kompliet teħżien aktar u aktar u llum hija ħafna u ħafna agħar milli kienet 25 sena ilu.
Aħna għandna nagħmlu bħal Bonde u nibqgħu fl-Unjoni u nbatu l-ħerba fl-impjiegi u fix-xogħol jew naħdmu biex inqattgħu l-ftehim ħażin li sar u nagħmlu minfloku ftehim ta' sħubija ma' l-Unjoni Ewropea ħalli jieħu post il-ftehim ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea li x-uħud mid-deputati Laburisti jriduna naċċettaw, minkejja li l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista qaltilhom li għandhom jaħdmu ħalli jbiddluh?
Meta ngħajjtu "Rajna d-Dawl, rajna l-Ħelsien", aħna tas-CN
Inkunu qegħdin insejħu lid-Deputati Maltin jagħmlu dmirhom lejn pajjiżna u nkunu qegħdin infakkru lid-Deputati Laburisti li l-ewwel lealta` għandha tibqa' lejn il-ħaddiema Maltin u mhux lejn il-konvenjenza u l-interessi personali tagħhom.
It-tagħlima ta' Bonde hija li dan ma jistax iseħħ minn ġewwa l-Unjoni Ewropea.
F'25 sena ma rnexxilux jagħmlu.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Il-Ġimgħa, 30 ta' April, 2004.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar