MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
Tagħlima qarsa għall-Unjoni Ewropea
Il-BIDLA
li l-mexxejja ta' l-Unjoni Ewropea ddeċidew li jagħmlu fil-Patt ta'
Stabilita` u Tkabbir, tikxef in-nuqqas ta' serjeta` ta' l-Unjoni Ewropea.
Turi wkoll kif il-pajjiżi kbar jagħmlu li jridu mill-Unjoni.
Kienu l-Ġermanja u Franza li saħqu biex isir il-Patt ta' Stabilita` u Tkabbir snin ilu.
Skond dan il-Patt, ebda pajjiż membru ta' l-Unjoni ma jista' jkollu dejn nazzjonali ta' aktar minn 60% tal-Prodott Gross Domestiku u ma jista' jkollu defiċit f'sena ta' aktar minn 3% ta' l-istess Prodott Gross Domestiku.
Skond l-Unjoni Ewropea dawn il-limiti tad-dejn nazzjonali u tad-defiċit fis-sena huma mehtiega biex l-ekonomija ta' l-Unjoni tkun stabbli u tkun tista' tikber u biex il-munita ta' l-Unjoni, l-Ewro, tkun b'saħħitha u kredibbli.
Skond l-imsemmi Patt, pajjiż li jiksru, jitwaħħal multa qawwija jekk ma jsewwix il-qagħda finanzjarja tiegħu.
Il-Kummissjoni Ewropea waħħlet multa lill-pajjiż żgħir tal-Portugall, meta dan kiser il-Patt.
Iżda fl-aħħar snin kienu l-Ġermanja u Franza li kisru l-Patt.
Il-mexxejja tal-pajjiżi ta' l-Unjoni ddeċidew li l-Unjoni ma tippenalizzax lill-Ġermanja u lil Franza.
Il-Kummissjoni Ewropea għamlet kawża fil-Qorti ta' l-Unjoni u din iddeċidiet li l-mexxejja tal-pajjiżi ta' l-Unjoni żbaljaw meta kisru l-Patt ta' Stabilita` u Tkabbir billi ddeċidew li l-Unjoni ma tieħux passi kontra l-Ġermanja u Franza.
Għalhekk il-ġimgħa
l-oħra l-mexxejja tal-pajjiżi ta' l-Unjoni (b'Gonzi b'kollox) ftehmu
li jbiddlu l-Patt ta' Stabilita' u Tkabbir.
B'hekk il-Kummissjoni Ewropea ma tkunx tista' tippenalizza lill-Ġermanja u lil Franza.
Din id-deiżjoni tgħallimna
ħafna ħwejjeġ dwar l-Unjoni Ewropea.
Tgħallimna li l-Ġermanja
u Franza għandhom saħħa fl-Unjoni aktar mill-pajjiżi membri
l-oħra kollha.
Tgħallimna wkoll li meta jridu, il-mexxejja tal-pajjiżi ta' l-Unjoni jiġu jaqgħu u jqumu mill-pattijiet solenni li jkunu għamlu bejniethom.
Din id-deċiżjoni turina li l-mexxejja tal-pajjiżi ta' l-Unjoni issa ntebħu li l-politika li l-Unjoni mxiet biha u r-regoli li addottat s'issa, huma ta' ħsara għall-ekonomija ta' xi wħud mill-pajjiżi.
Turina wkoll li mhux għaqli li l-Unjoni timponi l-istess regoli fuq il-pajjiżi kollha meta dawn għandhom ċirkostanzi differenti u għalhekk jixirqilhom politika differenti.
Il-bidla tal-Patt ta' Stabilita` u Tkabbir tgħallimna li huwa żbaljat li fil-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea daħlu wkoll ir-regoli tal-politika finanzjarja u ekonomika ta' l-Unjoni, għax dawn għandhom jinbidlu skond iċ-ċirkostanzi u ż-żminijiet.
Il-Politika ta' l-UE falliet
BĦAL ma dejjem jiġri f'kull laqgħa għolja (summit) tal-mexxejja tal-pajjiżi membri ta' l-UE, dik li saret il-ġimgħa l-oħra spiċċat bid-daqq tat-trombi dwar il-pjani sbieħ ta' l-Unjoni għall-ġejjieni, u bi kliem ta' ftaħir dwar il-ftehim li jirrenja bejn il-mexxejja tal-pajjiżi kollha daħqana u jiċċaċċru bejniethom.
L-uċuħ jitbissmu u
l-kliem ferrieħa tal-mexxejja tal-pajjiżi ta' l-Unjoni jaħbu
r-realta` kerha li ħafna mill-pajjiżi ta' l-Unjoni jinsabu fiha, ibda
minn Malta.
Jogħstru wkoll il-fatt li l-Unjoni falliet fl-għanijiet li hija kienet iffissat fl-Aġenda ta' Lisbona, erba' snin ilu.
Fl-Aġenda ta' Lisbona
l-Unjoni kienet wegħdet li sas-sena 2010 l-ekonomija tagħha tkun aktar
kompetittiva u dinamika fid-dinja, u fl-Unjoni kellhom jinħolqu miljuni ta'
mpjiegi ġodda.
Illum, il-mexxejja kollha ta'
l-Unjoni jistqarru li fl-erba' snin li għaddew, l-ekonomija ta' l-Unjoni ma
mxietx 'il quddiem biżżejjed biex ikunu jistgħu jintlaħqu
dawn l-għanijiet ta' l-Aġenda ta' Lisbona.
Il-mexxejja kollha ta' l-Unjoni jaqblu li l-politika ta' l-Unjoni falliet u trid tinbidel.
F'pajjiżna, il-politiċi
u l-media jibżgħu jistqarru l-verita` dwar il-falliment ta' l-UE.
Mhux hekk qed jiġri f'pajjiżi
oħrajn ta' l-Unjoni.
Fl-Ingliterra, anki l-ġurnal importanti tal-Financial Times li huwa favur l-UE, wasal biex jikkritika bl-aħrax u jikkundanna l-politika falluta ta' l-Unjoni Ewropea.
Wieħed mill-editorjali tal-Financial Times tal-ġimgħa l-oħra, kien intitolat "How Europe has lost its way. The EU suffers from a lack of political leadership". (Kif l-Unjoni marret merċ. L-Unjoni Ewropea tbati minħabba tmexxija politika dgħajfa.)
Dan il-ġurnal importanti ta'
Londra jghid li "The EU conveys the impression of an
organisation that has lost its sense of purpose and direction. It is no surprise
therefore that this has led to a rise in political infighting and mutual
recrimination among its leaders".
(L-Unjoni Ewropea tidher bħala għaqda li tilfet l-iskop tagħha u t-triq tagħha. Għalhekk wieħed ma jistgħaġibx li kiber l-inkwiet politiku u t-tmaqdir bejn il-mexxejja politiċi tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni).
Dan il-kliem juri kemm hija falza t-tbissima f'wiċċ il-Prim Ministru ta' Malta.
Min jikkmanda fl-Unjoni Ewropea
IL-ĠIMGĦA li għaddiet
l-Unjoni Ewropea ħabbret li ssospendiet id-Direttiva tagħha dwar
is-Servizzi li qajmet oppozizzjoni kbira mit-trade unions.
Il-qofol tad-Direttiva hija li min jipprovdi s-servizzi jkun regolat mil-liġijiet ta' pajjiżu u mhux mil-liġijiet tal-pajjiż fejn jipprovdi s-servizzi.
Dan ifisser, b'eżempju, li kumpanija Pollakka li tagħti s-servizzi tagħha fi Franza, tkun suġġetta għal-liġijiet tal-Polonja dwar il-ħlasijiet li tagħmel lill-ħaddiema Pollakki tagħha u dwar ir-rati tal-kontribuzzjonijiet soċjali tagħhom, u mhux għal-liġijiet ta' Franza.
B'hekk l-ispejjeż tagħha jkunu anqas minn dawk ta' kumpanija Franċiża tas-servizzi kompetitriċi tagħha u l-ħaddiema Pollakki jieħdu x-xogħol tal-ħaddiema Franċiżi.
Dan qanqal oppożizzjoni qawwija mit-trade unions Franċiżi.
Min hu wara din id-Direttiva?
Warajha hemm il-kumpaniji
finanzjarji li jinvestu f'kumpaniji li jipprovdu servizzi.
Dawn il-kumpaniji finanzjarji jwaqqfu kumpaniji tas-servizzi fil-pajjiżi membri ta' l-UE li għandhom l-inqas paga u rati ta' kontribuzzjonijiet soċjali.
Biex inkomplu bl-eżempju mogħti, kumpanija finanzjarja Ġermaniża tinvesti f'kumpanija Pollakka tas-servizzi biex din tipprovdi s-servizzi tagħha fi Franza.
B'dan il-mod, il-kumpanija Ġermaniza tal-finanzi, tibbenefika mir-regola ta' l-UE dwar il-moviment ħieles tal-kapital, (billi mill-Ġermanja, il-kapital imur il-Polonja), u l-kumpanija tagħha tas-servizzi mwaqqfin fil-Polonja, tagħmel użu mir-regola ta' l-UE dwar il-moviment ħieles tas-servizzi (billi tipprovdihom fi Franza), u tagħmel użu wkoll mir-regola ta' l-UE dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, billi tħaddem fi Franza l-ħaddiema tagħha Pollakki.
Il-konsegwenza ta' dan kollu hija li l-ħaddiema Franċiżi jitilfu x-xogħol għall-ħaddiema Pollakki li jitħallsu inqas minnhom, u l-kumpaniji Franċiżi li jipprovdu dawk is-servizzi jitilfu l-kuntratti li joħduhom il-kumpaniji Pollakki li jħallsu pagi inqas u kontribuzzjonijiet soċjali inqas fil-Polonja milli jħallsu l-kumpaniji Franċiżi.
It-trade unions ta' l-Unjoni Ewropea issa ntebħu kemm ir-regoli ta' l-UE dwar il-movimenti ħielsa tal-kapital, tas-servizzi u tal-ħaddiema saru mhux biex jibbenifikaw lill-ħaddiema, iżda biex jibbenifikaw lill-kapitalisti u lill-kumpaniji finanzjarji.
Dawn ifasslu l-politika u r-regoli ta' l-UE.
Bil-Kostituzzjoni ġdida tagħha, l-UE trid timponi din il-politika u r-regoli tagħha fuq il-pajjiżi membri kollha.
Infakkru mhux niċċelebraw Jum il-Ħelsien
INFAKKRU s-26 anniversarju ta' Jum il-Ħelsien, meta l-poplu Malti għall-aħħar darba xejjer lis-suldati u l-baħrin barranin li salpaw minn gżiritna biex qatt aktar ma jaħkmuna.
Din hija l-ewwel sena li ma nistgħux
niċċelebraw dan il-jum, wara li tlifna l-Ħelsien sħiħ
is-sena l-oħra meta fl-1 ta' Mejju pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni
Ewropea.
Għax bis-sħubija fl-Unjoni, rajna fdajnieh lilha, u minflok nimxu skond ir-rieda tal-maġġoranza tal-Maltin, nitmexxew skond ir-rieda tal-maġġoranza tal-barranin ta' l-Unjoni.
Dan il-jum għandu jġiegħlna nistħu mill-qalbiena ta' qabilna li bid-dehen kbir u bil-ħidma sfieqa tagħhom mexxew lill-poplu tagħna lejn il-fidwa u għamluh nazzjon indipendenti u ħieles, fil-waqt li aħna, ta' warajhom, bla sinsla, ma tqabadniex biżżejjed biex ngħożżu l-liberta` tagħna, niddefendu s-sovranita` tagħna u nħarsu n-newtralita` tagħna.
U issa, meta qegħdin jheddu
saħansitra s-supremazija tal-Kostituzzjoni Maltija, uħud minn fostna
lesti anki jittradixxu l-ĠURAMENT
li ħadu li jkunu fidili u leali lejha.
Qegħdin jimmanuvraw, wara l-velu ta' rapporti fuq rapporti, biex jivvutaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea, li sfaċċatament tgħid li l-liġijiet li l-Unjoni tagħmel, jegħlbu u jipprevalu fuq il-Kostituzzjoni ta' Malta.
Issa li erġajna sirna kolonja, din id-darba, ta' l-Unjoni Ewropea, irridu nerġgħu nintagħżlu: dawk li ċedew u lesti jkomplu jbiegħu ruħhom, u dawk li bħalna la ċedejna u lanqas se nieqfu nissaraw biex Jum il-Ħelsien ma jkunx jum ta' tifkira, iżda jerġa' jkun jum li fih niċċelebraw il-kisba mill-ġdid tal-ħelsien sħiħ ta' pajjiżna.
L-Erbgħa, 30 ta' Marzu, 2005.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ