MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
Il-Politika ta' l-Unjoni Ewropea qiegħda tifni lil pajjiżna
WIEĦED ma jistax iwaqqaf il-globalizzazzjoni.
Iżda jista' jieħu
l-passi meħtieġa ħalli ma jħallix li l-globalizzazzjoni tħarbat
lil pajjiżu u billi jirkibha u mhux jintrikeb minnha.
Fl-oqsma ta' l-industrija u l-kummerċ il-globalizzazzjoni se tħarbat lil Malta, jekk Malta timxi bil-politika industrijali u kummerċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Bl-iskuża tal-prinċipju
* tas-suq ħieles u
* tal-moviment ħieles tal-kapital,
* tal-prodotti u
* tas-servizzi,
l-Unjoni Ewropea tinqeda bil-globalizzazzjoni tisfrutta x-xogħol ta'
* miljuni ta' ħaddiema,
* ta' nisa u
* tfal,
imħallsin bi ftit u jaħdmu f'kundizzjonijiet mill-agħar, f'pajjiżi mhux żviluppati barra l-Unjoni.
Il-konsegwenzi ta' din il-politika li l-Unjoni Ewropea tħaddan huma li jsir qligħ akbar mil-kumpaniji fuq il-bejgħ fl-Unjoni tal-prodotti magħmula u s-servizzi mogħtija orħos barra l-Unjoni u jintilfu l-impjiegi għall-ħaddiema fl-Unjoni.
Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, Malta inqabdet bil-politika ta' l-Unjoni li tinkoraggixxi l-isfruttament tax-xogħol ta' miljuni ta' ħaddiema, ta' nisa u tfal fil-pajjiżi barra mill-Unjoni, a spejjeż tat-telfien ta' l-industriji ta' pajjiżna u tat-tnaqqis ta' l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema Maltin.
Din il-politika industrijali u kummerċjali ta' l-Unjoni hija mibnija fuq il-kmandament falz li jgħid li għandek tisfrutta lill-ħaddiema, lin-nisa u tfal tal-pajjiżi mhux żviluppati, ħalli tagħmel minn fuqhom qligħ kemm tista'.
Issa li Malta ssieħbet fl-Unjoni, qegħdin inħaddnu l-politika tagħha mibnija fuq dan il-kmandament falz u qegħdin inwarrbu l-politika li ħaddimna fl-imgħoddi, mibnija fuq il-kmandament tal-ġustizzja soċjali ta' xogħol u kundizzjonijiet xierqa ta' xogħol għall-ħaddiema tagħna.
Teżisti politika industrijali u kummerċjali li l-ewwel għan tagħha huwa li toħloq kemm jinħtieġu opportunitajiet ta' xogħol f'pajjiżna daqs kemm għandna ħaddiema Maltin.
Din hija l-politika tajba ta' għajnuniet lill-impriżi ta' pajjiżna u ħarsien tal-prodotti maħduma u servizzi mogħtija f'pajjiżna.
Hija l-mediċina effikaċi kontra l-influwenza qalila tal-globalizzazzjoni ta' l-industrija u l-kummerċ li l-Unjoni Ewropea qiegħda xxerred, mingħajr ma tagħti l-iċken każ tal-ħerba soċjali u ekonomika li qiegħda tifni lil pajjiżna.
Il-Kostituzzjoni ġdida tbiddel l-Unjoni Ewropea tal-lum
L-ISFIDA kbira li se jkollna fil-bidu tas-sena l-ġdida hija l-mozzjoni li l-Gvern bi ħsiebu jressaq fil-Parlament biex jirratifika (japprova) il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea sejra tbiddel lill-Unjoni minn kif inhi llum.
Sejra tagħti ħafna aktar setgħat lill-Unjoni l-ġdida li l-Kostituzzjoni se toħloq, billi dawk is-setgħat ma tħallihomx aktar f’idejn il-popli tal-pajjiżi membri biex jiddeċiedu huma kif iħaddmuhom, skond lil min jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali.
Minflok, l-Unjoni l-ġdida
sejra tħaddimhom dawk is-setgħat skond ma tiddeċiedi l-maġġoranza
kwalifikata tal-pajjiżi membri u 60% tal-popolazzjoni kollha ta’
l-Unjoni.
Bil-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni, pajjiżna mhux se jitmexxa
aktar skond ir-rieda tal-maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali
f’Malta.
Iżda se jitmexxa skond ir-rieda tal-maġġoranza tal-popli tal-pajjiżi barranin membri ta’ l-Unjoni.
Ma jibqax jgħodd il-prinċipju
demokratiku li l-minoranza tirrispetta r-rieda tal-maġġoranza
tal-poplu Malti.
Minflok, il-poplu Malti kollu
jkollu joqgħod għall-maġġoranza tal-popli ta’ l-Unjoni
Ewropea, anki jekk il-poplu Malti kollu ma jkunx jaqbel magħha.
B’hekk se tispiċċa d-demokrazija nazzjonali f’pajjiżna u
r-rieda tal-poplu Malti kollu ma tkun tiswa xejn jekk ma tkunx taqbel magħha
l-maġġoranza tal-popli barranin ta’ l-Unjoni Ewropea.
Meta s-sena l-oħra l-maġġoranza tal-poplu Malti vvutat favur il-ftehim ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea, jista’ jingħad li vvutat favur il-liġijiet u r-regoli kollha li l-Unjoni kienet għamlet sa dak in-nhar.
Iżda meta l-maġġoranza
tal-poplu ta’ l-Unjoni Ewropea jiddeċiedi dwar liġijiet u regoli
ġodda skond il-Kostituzzjoni ġdida li l-Unjoni għadha kif għamlet,
ma jistax jingħad li dawn ġew diġŕ approvati mill-maġġoranza
tal-poplu Malti fis-sena 2003.
Għalhekk l-Oppożizzjoni Laburista fil-Parlament m’għadhiex
issibha xejn bi tqila biex ma tivvutax favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’
l-Unjoni la l-maġġoranza tal-poplu Malti ma vvutax favuriha s-sena l-oħra.
Min ma jivvutax favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea ma
jkunx qiegħed jivvota kontra l-Unjoni.
Anzi, jkun qiegħed jivvota favur l-Unjoni kif inhi llum, u mhux kif tinbidel jekk tiġi fis-seħħ il-Kostituzzjoni ġdida.
L-Oppożizzjoni Laburista li
ma tivvutax favur il-Kostituzzjoni ġdida, ma tistax mixlija li hija qiegħda
tivvota kontra l-Unjoni Ewropea tal-lum.
Bil-maqlub, min jivvota favur, ikun qed jivvota biex jibdel l-Unjoni Ewropea tal-lum.
L-Unjoni Ewropea tbiegħ l-armi u l-armamenti
IL-PAJJIŻI membri ta’ l-Unjoni Ewropea jkollhom jittwikkew bil-politika li l-Unjoni minn żmien għal żmien taddotta fir-releazzjonjiet barra mill-Unjoni.
Jekk l-Unjoni tiddeċiedi li
tagħmel sanzjonijiet kontra pajjiż barrani, il-pajjiżi membri
kollha jkollhom jadottaw politika ta’ sanzjonijiet kontra dak il-pajjiż,
anki jekk ikun pajjiż ħabib.
F’dawn il-granet l-Unjoni biddlet il-politika tagħha ta’ sanzjonijiet
kontra ċ-Ċina.
Għal ħafna snin
l-Unjoni għamlet sansjonijiet fuq il-bejgħ ta’ l-armi u l-armamenti
liċ-Ċina.
Issa, fid-dawl tat-tkabbir
tal-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-Unjoni, din iddeċidiet li
taqleb il-politika tagħha u tiftaħ il-bibien għall-bejgħ
ta’ l-armi u l-armamenti liċ-Ċina.
L-Unjoni tittama li b’din il-bidla fil-politika tagħha, l-industrija
ta’ l-armamenti fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni tagħmel negozju kbir
mill-bejgħ tagħhom liċ-Ċina u li l-Unjoni b’hekk ittejjeb
aktar ir-relazzjonjiet maċ-Ċina.
Iċ-Ċina hija l-pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja u qiegħda
tattira l-akbar ammont ta’ investiment kapitali, ħafna minnhom mill-pajjiżi
membri ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-ekonomija taċ-Ċina qiegħda tikber b’rata kbira kull sena u ċ-Ċina hija meqjusa li se ssir waħda mill-ikbar forzi ekonomiċi tad-dinja fi żmien qarib.
Bl-armi u l-armamenti l-aktar
moderni li tkun tista’ tikseb mill-Unjoni Ewropea, iċ-Ċina tissaħħaħ
aktar militarment milli hija llum.
Aktar maċ-Ċina tissaħħaħ
militarment, aktar iħossu l-ħtieġa li jsaħħu l-forzi
militari tagħhom dawk il-pajjizi li ma jħossuhomx komdi qrib hafna
ta’ pajjiż kbir armat ħafna u ekonomikament b’saħħtu.
Iżda għall-Unjoni Ewropea l-aqwa li hija tkabbar in-negozju tagħha,
anke jekk dan ikun negozju ta’ ħwejjeġ li huma kemm ta’ qirda
tal-bnedmin, kif ukoll ta’ ħerba materjali u ta’ ħsara
mill-ambjent.
L-Unjoni Ewropea għandha industriji kbar ta’ l-armi u l-armamenti u dawn
ibiegħu ammonti kbar lill-pajjiżi mad-dinja kollha.
Għalhekk l-Unjoni qatt ma
addottat politika favur id-diżarm.
Hija mhux trażżan, iżda
tinkoraġġixxi n-negozju tal-bejgħ ta’ l-armi u tal-armamenti.
Malta, li skond il-Kostituzzjoni hija pajjiż li għandu jaħdem
attivament għall-paċi u s-sliem, ma tistax tappoġġja
politika tat-tkabbir ta’ l-industrija ta’ l-armi u l-armamenti.
B’danakollu, issa li hija msieħba fl-Unjoni Ewropea, qiegħda tħaddan il-politika ta’ l-Unjoni li tbigħ l-armi u l-armamenti li jservu għal qirda u mwiet.
Il-Gvern inqabad dwar iż-żieda tal-pitrolju
FIL-PROGRAMM tas-CNI fuq Smash TV tat-8 ta' Diċembru konna wrejna bil-provi kif il-Gvern ma kienx qal il-verita` dwar ir-raġuni għax sploda 'l fuq b'aktar mid-doppju l-prezz tal-pitrolju.
Kienet fil-fatt direttiva tas-27 ta' Ottubru 2003 li kienet waħda mir-raġunijiet għax għola l-prezz tal-pitrolju u mhux dik li semma l-Gvern, jiġifieri, għax kienu qegħdin iħalltu l-pitrolju mad-diesel is-sidien tal-karozzi tal-linja u tat-trakkijiet.
Issa l-korrispondent Ivan Camilleri fit-23 ta' Diċembru f'rapport mibgħut minn Brussels kixef kif il-Gvern ma kienx qal il-verita` dwar iż-żieda fil-prezz tal-pitrolju.
Huwa qal li l-Kummissjoni Ewropea wriet li hija sodisfatta bil-miżuri tat-taxxi li ssemmew fid-diskors tal-budget li ppreżenta l-Prim Ministru Gonzi.
Skond il-Kummissjoni Ewropea, it-taxxi li saru għandhom l-għan li jnizzlu l-iżbilanċ jew defiċit tal-Gvern, minn 5.2 fil-mija tal-prodott gross domestiku ta' pajjiżna, ghal 3.7 fil-mija fis-sena 2005.
Dan juri li kellna raġun meta, kemm f'din il-paġna ta' l-Orizzont, kif ukoll fil-programm ta' l-Erbgħa fuq Smash TV, li t-taxxi li qegħdin isiru, huma dawk li trid l-Unjoni Ewropea.
Skond il-korrispondent Camilleri, il-Kummissjoni Ewropea kienet ċara f'dak li qalet dwar il-budget tal-Gvern Malti.
Għax il-Kummissjoni semmiet l-impożizzjoni tal-VAT u tat-taxxa tas-Sisa fuq il-pitrolju.
Dan ifisser li l-prezz tal-pitrolju għola bit-taxxa tal-VAT u tas-Sisa.
Dan ifisser ukoll li mhux veru dak li qal il-Gvern, li r-raġuni għaż-żieda fil-prezz tal-pitrolju kienet għax qegħdin iħalltu l-pitrolju mad-diesel.
Fil-fatt, fid-direttiva tas-27 ta' Ottubru 2003 ta' l-Unjoni Ewropea, kien hemm imniżżel x'inhi l-inqas rata ta' taxxa li l-pajjiżi membri ta' l-Unjoni jistgħu jdaħħlu minn din is-sena, fuq il-prodotti ta' l-enerġija, inkluż il-pitrolju.
Mhux sew li lill-poplu ma tingħadlux il-verita` biex ma tidhirx kerha l-UE.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
L-Erbgħa, 29 ta' Diċembru, 2004.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ..................................................
ID Numru...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ