MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

X’tellfitna s-sħubija fl-UE

 

Ħafna jikkritikaw l-Unjoni Ewropea.

 

X’uħud jemmnu li jistgħu jtejbuha minn ġewwa.

 

Oħrajn isostnu li l-Unjoni sejra mill-ħażin għall-agħar, u ma tistax tirriforma ruħha.

 

Għal dawn tal-aħħar, l-Unjoni mhux tinbidel trid, iżda titbiddel b’għaqda oħra ġdida tal-pajjiżi tal-Ewropa.

Is-CNI taqbel li l-pajjiżi tal-Ewropa jixirqilhom li jkunu f’għaqda oħra.

 

Is-CNI ssostni li jkun aħjar għall-poplu Malti li pajjiżna joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

 

Jekk nagħmlu dan, nirbħu ħafna u ma nitilfu xejn.


Għaliex mhux minnu li ekonomikament Malta jaqblilha tkun imsieħba fl-UE.

 

L-ekonomija tagħna qiegħda tbati mis-sħubija tagħna fl-Unjoni.

 

Prova ta’ dan huwa t-tnaqqis fl-esportazzjoni minn meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni.

 

Prova oħra hija ż-żieda kbira fl-ispejjeż u fil-prezzijiet li għollew il-ħajja aktar minn kemm żdiedu l-pagi u s-salarji.

 

Prova oħra hija l-għeluq ta’ ħafna fabbriki u t-telfien ta’ eluf ta’ impjiegi.

 

Prova oħra huwa t-tkabbir tad-dejn nazzjonali li wasal qrib l-€4 biljun.


Il-qaddejja tal-Unjoni Ewropea spiss jiftaħru bil-miljuni li l-Unjoni wegħdet li tagħti lil Malta.

 

Qatt ma jsemmu kemm pajjiżna qiegħed kull sena jħallas lill-Unjoni.

 

Skont l-estimi tal-Gvern din is-sena biss se nħallsu madwar €56 miljun.

 

Qatt ma jgħidu kemm qiegħed ikollna nonfqu u nagħmlu spejjeż kull sena biex inlaħħqu ma’ dak li l-Unjoni trid minna.

 

M’hemmx dubju li s-sħubija fl-Unjoni tiswielna aktar milli l-Unjoni tagħtina kull sena.

 

Għalhekk il-Gvern ma jaċċetta qatt it-talba li s-CNI kemm-il darba għamlitlu biex isir “cost-benefit analysis” tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni, biex il-poplu jkun jaf kemm sejjer minn taħt bis-sħubija.

 

Min mar ħażin bis-sħubija

 

Huwa minnu li bl-Unjoni Ewropea ftit fostna sejrin tajjeb ħafna għax qegħdin idaħħlu ħafna.

 

Iżda l-kotra tal-familji sejrin ħażin u l-livell tal-għixien tagħhom tbaxxa, mhux tjieb.

 

 

Qegħdin ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja.

 

Sfortunatament il-ftit li qegħdin igawdu, għandhom is-saħħa u l-mezz biex iġagħlu lill-poplu jemmen il-ħrafa li mingħajr l-Unjoni, inkunu agħar milli aħna.

 

Għandhom ukoll il-ħila jistordu liż-żgħażagħ tagħna bl-illużjoni tal-vantaġġi tal-Ewropa,

* bla ma jħalluhom jirrealizzaw x’qegħdin jitilfu

* bix-xogħol li qiegħed jingħata lill-barranin f’pajjiżna

* minflok jieħduh huma,

* u kemm marru lura billi,

* filwaqt li missirijietna setgħu jibnu jew jixtru darhom,

* huma ma jifilħux għall-piż ta’ dan il-pass tant meħtieġ minnhom.


Mhux ekonomikament biss,

* iżda anke politikament

* pajjiżna mar lura bis-sħubija fl-UE.

 

Hija umiljazzjoni nazzjonali

* li l-Prim Ministru

* u l-ministri Maltin

* telgħin u neżlin Brussels

* ħalli jieħdu l-ordnijiet

* mingħand l-Unjoni

* kif għandhom imexxu lill-pajjiżna.


Huwa għajb nazzjonali li pajjiżna jiġi mhedded li jkollu jħallas multi kbar jekk ma jimxix kif l-Unjoni tridu.

 

Il-poplu tagħna ġarrab telf kbir meta l-barranin reġgħu qegħdin imexxu l-aktar ħwejjeġ importanti f’pajjiżna.

 

F’idejn il-barranin qiegħda t-tmexxija

* tal-Port il-Kbir,

* tal-Freeport,

* tal-Ajruport,

* tas-servizzi tat-telefon,

* tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar,

* tas-servizz tal-irmonk,

* tal-ikbar bank,

* tat-Tarzna,

* tal-Posta,

* tal-Lottu,

*  u issa anki tat-Trasport Pubbliku

* se tkun f’idejn il-barranin.

 

Erġajna ġejna kolonja tal-barranin.

 

L-Unjoni Ewropea tindaħlilna f’kollox

 

L-Unjoni Ewropea tiddetta lis-sajjieda tagħna kemm jistgħu jaqbdu ħut u jġagħalhom ikejluh.

 

Tordna lir-raħħala x’daqs tal-gallinar għat-tiġieġ u kemm jistgħu jżommu nagħaġ u mogħoż.

 

Trid li l-ilma jinbiegħ fi fliexken tal-plastik mhux tal-ħġieġ u li l-basktijiet ikunu tal-karta mhux tal-plastik.

 

Il-ħin kollu toħroġ regolamenti ġodda fuq kollox, u l-Parlament Malti ma jistax ilaħħaq mal-kwantità tagħhom biex jgħaddihom f’liġijiet għall-pajjiż.

 

Jekk dan ma jseħħx, jittieħdu passi kontrina mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Qorti tal-Unjoni.

 

Minħabba l-Unjoni, imtlejna b’eluf ta’ immigranti illegali.

 

L-Unjoni tridna nżommuhom f’pajjiżna, kontra r-rieda tal-poplu tagħna.

 

Għalhekk, m’għadniex immexxu lilna nfusna, imma qegħdin imexxuna.

 

Tlifna s-sovranità u l-indipendenza li kellna.

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea effettwat ħażin moralment lill-poplu tagħna.

 

Erġajna sirna mentalment servili għall-barranin.

 

Is-sinsla morali tagħna ddgħajfet.

 

Iddardarna bid-drawwiet kollha ħżiena tal-Ewropa.

 

Ma setax jonqos li l-korruzzjoni kibret meta l-Unjoni hija migduma bil-korruzzjoni.

 

Il-poplu sar aktar indifferenti għal dak li qed jiġri.

 

Iż-żgħażagħ tagħna tilfu l-ħeġġa li jaħdmu għall-pajjiż u għal għajrhom.

 

Warrbu l-ideali li kaxkru lil missirijietna jibnu l-istat soċjali u jiksbu l-indipendenza u l-ħelsien.


Tlifna ħafna fil-ħames snin li ilna mseħbin fl-Unjoni Ewropea, u bil-maqlub ta’ dak li jingħad fl-avviżi tal-investimenti, ngħidu li l-passat huwa garanzija tal-futur.

 

Nistennew żmien agħar.

 

B’danakollu                                                                    

*  s-CNI ma telfitx ir-rieda soda                               

* li tistinka ħalli l-maġġoranza tal-poplu                      

* tiddeċiedi li ninfdew mill-ġdid mill-ħakma barranija,

* billi noħorġu mill-Unjoni                                             

* u nfasslu magħha ftehim ġdid ta’ koperazzjoni         

* li jkun ta’ ġid għall-poplu Malti                                 

*  u għar-reġjun tal-Mediterran.                                   

 

B’hekk il-poplu tagħna jerġa’ jiġbor ġieħu.

 

Il-politika u r-regoli tal-UE fallew

 

Il-kriżi finanzjarja u l-kriżi ekonomika li ħakmu ħafna pajjiżi. Inklużi l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, għandhom ħafna tagħlim x’jagħtuna.


L-ewwel tagħlima hija r-regoli dwar l-infieq tal-Gvern li l-Unjoni timponi fuq l-imsieħba tagħha, ma jiswew xejn biex jevitaw li pajjiż jaqa’ fi kriżi finanzjarja jew fi kriżi ekonomika, jew fit-tnejn.

 

L-akbar pajjiżi fl-Unjoni, bħall-Ġermanja u Franza ġarrbu kriżijiet, minkejja li huma l-aktar avvanzati finanzjarjament u ekonomikament.


Pajjiżi oħrajn tal-Unjoni l-Irlanda u Spanja, li kienu jingħataw bħala eżempji ta’ kemm il-politika tal-Unjoni ġġib il-pajjiżi ’l quddiem, għaddejjin minn kriżijiet l-aktar profondi, u qegħdin ikollhom żbilanċi enormi fl-estimi finanzjarji u qgħad kbir.

 

Il-qgħad fl-Unjoni tela’ għal madwar 21 miljun, u f’xi wħud mill-pajjiżi membri, fosthom l-Italja, qiegħed ikompli jikber.

 

Għalhekk jista’ jingħad li l-politika u r-regoli finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni fallew.


It-tieni tagħlima ta’ dawn il-kriżijiet hija li mhux minnu li s-settur privat, jekk jitħalla ħieles mill-indħil tal-istat ħalli jirregola lilu nnifsu, jiżgura li l-intrapriżi kummerċjali u s-servizzi finanzjarji jitmexxew effiċjentement u mingħajr ma jagħmlu telf.

 

Anzi, instab li ħafna minnhom tmexxew ħażin ħafna u b’mod abbużiv, u n-nuqqas ta’ kontroll mill-istat għamilha possibbli li jaslu fit-tarf li jiġġarrfu.


It-tielet tagħlima hija li huwa perikoluż ħafna li tħalli l-pensjonijiet f’idejn il-kumpaniji kumerċjali tal-pensjonijiet, għax ħafna minnhom isalvaw mill-falliment jekk jintervjeni l-istat.

 

Jekk l-istat ma jindaħalx biex jgħinhom lill-kumpaniji, eluf ta’ anzjani jispiċċaw jitilfu l-pensjonijiet tagħhom.

 

L-istess periklu jinsab fil-banek.

 

Fil-kriżi li ħafna banek għaddejjin minnha, rajna li d-depożitanti kienu jitilfu t-tfaddil tagħhom li kieku l-gvernijiet tal-pajjiżi ma daħlux biex avvanzaw somom kbar lill-banek li kienu resqin lejn il-falliment.

 

Fil-fatt, ħafna laħqu fallew.

 

Biżżejjed jingħad li fl-Istati Uniti tal-Amerika fis-sena 2008, fallew madwar 100 bank.


Għalhekk id-domma tal-fidi dwar il-qdusija tal-privatizzazzjoni li l-UE timponi fuq il-pajjiżi membri, ġiet ipprovata li hija falza, u s-settur privat ma jibqax sostenibbli fit-tul, jekk ma jkunx mifrud mill-fondi tal-istat.

 

Fi kliem ieħor, is-settur privat ma jagħtix il-garanziji li s-settur pubbliku jagħti, li t-tfaddil u l-pensjonijiet taċ-ċttadini ma jintilfux.

 

Dan huwa bil-maqlub ta’ dak li tippriedka l-UE.

 

Il-Qorti tal-UE tqis id-dritt tal-moviment ħieles aqwa mid-dritt li l-ħaddiema jistrajkjaw

 

Minn Eddie Privitera

 

Għalkemm fit-trattati tal-Unjoni Ewropea

* jingħad li l-unjins għandhom id-dritt isejħu azzjonijiet industrijali

* biex jipproteġu l-interessi tal-ħaddiema membri tagħhom,

* fis-sentenzi li l-qorti tal-Ġustizzja tal-UE tat

* fil-każi ta’ Vaxholm,

* ta’ Viking,

* u ta’ Laval,

* il-Qorti ddeċidiet li l-unjins ma kellhomx dritt

* isejħu ħaddiema barranin fuq kuntratti ta’ xogħlijiet f’pajjiżi tal-UE,

* u jħallsu lill-ħaddiema barranin pagi inqas,

* jew ferm inqas milli jitħallsu l-ħaddiema

* ta’ dawk il-pajjiżi fejn isiru x-xogħlijiet,

* sakemm il-pagi ma jkunux inqas nill-paga minima.


Fir-Renju Unit il-maġġoranza kbira tal-ħaddiema li jaħdmu fl-akbar raffineriji taż-żejt u fil-power stations ivvotaw favur li jieħdu azzjoni industrijali minħabba l-fatt li dawn il-kumpaniji qegħdin jimpjegaw ħaddiema barranin b’pagi baxxi.

 

Naturalment, is-sidien qegħdin jgħidu li skont il-liġi tal-UE (u meta l-Qorti tal-UE tagħti sentenza, dik ikollha forza bħal-liġi), huma għandhom dritt li jimpjegaw ħaddiema barranin b’pagi inqas milli għandhom il-ħaddiema membri tal-unjins.


Jidher li skont il-ġurnal Ingliż The Guardian, dawn il-kumpaniji jistgħu jipprovaw iwaqqgħu l-vot tal-ħaddiema għal azzjoni industrijali billi jieħdu l-każ il-Qorti, u l-Qorti fir-Renju Unit ikollha ssegwi d-deċiżjoni tal-Qorti tal-UE.


Jekk jiġri dan u l-Qorti tiddeċiedi favur it-talba tas-sidien, jista’ jinqala’ għawġ kbir industrijali fir-Renju Unit.


Jien ngħid li għad jinqala’ inkwiet industrijali kbir f’dawk il-pajjiżi kollha tal-UE fejn l-unjins għadhom b’saħħithom, bħal Franza, l-Italja u l-pajjiżi Skandinavi.

 

Ma nafx f’Malta x’jagħmlu l-ħaddiema meta jinqalgħu każi bħal dawn, għax il-ħaddiema donnhom daħlu f’qoxorthom.

Waqt li l-politiċi ma jsemmu xejn dwar din it-theddida kbira li ġejja mis-sentenzi li tat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea!

 

Il-Ħamis, 29 ta’ Ottubru, 2009

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ