MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI

 

Il-qagħda finanzjarja u ekonomika mwegħra tal-UE

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Il-qagħda finanzjarja tal-Unjoni Ewropea hija mwegħra ħafna.

 

F’xi pajjiżi membri hija fi stat diżastruż, u l-miżuri ta’ awsterità li dawk il-pajjiżi daħħlu, minflok ġabu titjieb, qegħdin ikomplu jgħarrqu l-qagħda.


Dan il-fatt jirriżulta minn rapport annwali li l-Kummissjoni Ewropea għadha kif ħarġet dwar l-istat tal-finanzi pubbliċi fil-pajjiżi tal-UE.

 

Fir-rapport jingħad li filwaqt li huwa stmat li l-ekonomiji tal-pajjiżi tal-UE flimkien għandhom jikbru b’madwar 1.9% fis-sena 2012, il-medja tad-dejn pubbliku se tiżdied minn 87.9% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) totali tal-UE f’din is-sena, għal 88.7%, jiġifieri se tiżdied b’0.8% fis-sena d-dieħla.

 

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea juri kif, minkejja l-miżuri ħorox ta’ awsterità li ttieħdu fil-Greċja, id-dejn pubbliku li din is-sena huwa stmat li se jkun jammonta għal 157.7% tal-PGD tal-pajjiż, is-sena d-dieħla huwa maħsub li se jkun 166.1% tal-PGD, żieda ta’ 8.4% f’sena.


Il-PGD ta’ pajjiż jikber kemm-il darba tiżdied l-attività ekonomika fil-pajjiż, u meta tonqos l-attività ekonomika l-PGD jiċkien.

 

F’xi wħud mill-pajjiżi li daħlu miżuri ta’ awsterità, l-attività ekonomika naqset u l-PGD ċkien, bħalma qiegħed iseħħ fil-Greċja fejn dan naqas b’5%.


Il-miżura tat-tnaqqis fl-infiq mill-gvern tgħin biex ma jiżdiedx id-dejn pubbliku fil-pajjiż, iżda ġġib ukoll tnaqqis fl-attività ekonomika u fil-PGD u fin-numru ta’ nies jaħdmu.


Għalhekk din il-miżura li ttejjeb il-qagħda finanzjarja, tħażżen il-qagħda ekonomika u soċjali tal-pajjiż.

 

U dan li qiegħed jiġri f’ħafna pajjiżi li daħħlu miżuri ta’ awsterità biex itejbu l-qagħda finanzjarja, bil-konsegwenza li qegħdin jgħarrqu l-qagħda ekonomika u soċjali.

 

Dan ir-riżultat negattiv qiegħed iseħħ fil-Greċja, fejn il-qagħda finanzjarja minflok titjieb, qiegħda tkompli teħżien.


Il-mistura ta’ awsterità li l-Unjoni Ewropea qiegħda tisqi għall-marda finanzjarja, qiegħda tikkaġuna marda oħra, għax qiegħda tgħarraq il-qagħda ekonomika u soċjali.


S’issa l-UE ma tistax tifhem li l-kura għall-qagħda ekonomika mwegħra mhix li tnaqqas l-impjiegi biex tnaqqas l-infiq, iżda li tħaddem lil kulħadd ħalli tkabbar l-attività ekonomika, tiġbor ammont akbar mit-taxxi, tonfoq ammont inqas f’għajnuniet soċjali, u b’hekk tkabbar il-PGD b’rata akbar mir-rata li bih jiżdied id-dejn pubbliku.


Biex l-UE tiżgura xogħol għal kulħadd, trid fondi kbar.

 

Iżda l-Unjoni qiegħda tipprovdi €400 biljun (li issa qed jingħad se jiżdiedu), għall-‘bail-outs’ għall-pajjiżi taż-Żona Ewro li jkunu fi kriżi finanzjarja.

 

Kieku l-UE kellha tutilizza parti minn dawk il-biljuni biex tħaddem nofs it-23,000,000 ħaddiema li huma bla xogħol fl-UE, kieku d-domanda maħluqa minnhom għal prodotti u servizzi twassal biex prodotti addiżjonali ġodda jinħadmu fl-UE u s-servizzi addizzjonali ġodda jingħataw mill-ħaddiema tal-istess Unjoni, u mhux barra mill-blokk Ewropew.


Kieku fl-UE kellhom jaħdmu 23,000,000 ħaddiem aktar milli jaħdmu llum, ikun hemm żieda kbira fl-attività ekonomika u fil-PGD, jiżdied l-ammont tad-dħul mit-taxxi u tonqos l-ispiża fuq l-għajnuniet soċjali.

 

B’dan il-mod il-qagħda ekonomika tal-UE ma tibqax imwegħra u t-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fl-impjiegi jgħinu biex tingħeleb il-qagħda finanzjarja mwegħra.


Il-miżuri ta’ awsterità, li bihom l-UE qiegħda tipprova tegħleb il-kriżi finanzjarja, qegħdin joħolqu kriżi soċjali bit-tnaqqis fl-impjiegi u x-xogħol, bit-tnaqqis fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bit-tnaqqis fis-servizzi soċjali u l-pensjonijiet u biż-żieda tal-faqar.


Il-politika industrijali tal-UE mhix qiegħda tgħin il-qagħda ekonomika għax qiegħda twassal biex postijiet tax-xogħol fi ħdanha jintilfu billi aktar u aktar prodotti mhux qegħdin jinħadmu fil-pajjiżi membri, u minflok qegħdin jinħadmu barra u jiġu importati.

 

L-emorġija tal-industriji tal-UE qiegħda ddgħajjef il-qagħda ekonomika fost il-pajjiżi tal-blokk Ewropew.


Għall-qagħda mwegħra ekonomika u finanzjarja tal-UE jeħtieġ li din tabbanduna l-mediċina tal-miżuri ta’ awsterità u tadotta l-kura tat-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fl-impjiegi billi, għal dan l-iskop, tagħmel użu mill-€400 biljun li l-pajjiżi taż-Żona Ewro pprovdew għall-‘bail-outs’.

 

Bit-tkabbir ekonomiku u biż-żieda tan-nies jaħdmu jkun aktar possibbli għall-gvernijiet li jkabbru d-dħul mit-taxxi ħalli jkunu jistgħu jaqtgħu mid-dejn pubbliku li għandhom… u b’hekk itejbu l-qagħda finanzjarja tal-lum!

 

Qerq u frodi fil-kwistjoni tal-Libja

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici, Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI

 

Gonzi u l-propagandisti tal-Gvern ifaħħru s-sehem tan-NATO u tal-pajjiżi alleati (inkluża Malta) fil-gwerra tal-Libja, iżda fil-ġurnal tal-partit tal-Gvern, opinjonisti imparzjali jikkundannaw l-ipokresija u l-mottivi ħżiena tal-mexxejja ta’ dawk il-pajjiżi.

 

Fil-ħarġa tal-ġurnal Nazzjonalista tas-16 ta’ Settembru, l-opinjonjista tal-kolonna MediaForum, kiteb hekk: “Mhumiex biss ix-xettiċi newtrali li għadhom ma jistgħux jifhmu eżattament għaliex is-sitwazzjoni fil-Libja kellha tiżviluppa fi gwerra ċivili.”


Skont ir-ribelli stess, il-prezz tal-“liberazzjoni” sewa l-ħajja ta’ 20,000 ruħ, minbarra eluf kbar ta’ nies spustati jew maħrubin miż-żoni tal-kunflitt qalil.

 

Xi wħud iqisu li “l-protezzjoni taċ-ċivili” kienet biss pretest u li l-veru objettiv tal-attakki bla rażan li saru fuq il-Libja kien id-dominazzjoni ekonomika permezz taż-żejt li hemm f’dak il-pajjiż.


Dan, skont bosta kritiċi u opinjonisti fil-midja, kien “id-disinn grandjuż tal-alleati tal-Punent.”


Iżda anke sorsi konservattivi (inklużi dawk Ingliżi) issa ilhom il-ġimgħat, jekk mhux ix-xhur, jattakkaw sistematikament id-deċiżjoni li l-Punent jinvolvi ruħu fil-Libja u jgħawweġ u jimmanipula kif irid ir-Riżoluzzjoni 1973 dwar iż-żona ta’ bla titjir li kien iddikjara l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.


Bħala eżempju jista’ jkun ikkwotat il-ġurnal The Telegraph.

 

L-editur eżekuttiv tal-aħbarijiet barranin tal-ġurnal, Con Cougin “jattakka l-preżenza sigrieta tal-aġenti tal-SAS Ingliżi fuq it-territorju Libjan biex jorkestraw mar-ribelli l-avvanzata kontra l-kapitali Libjana.


Skont l-editur tat-Telegraph, il-PM David Cameron ma setax jagħmel mod ieħor “għax ried isalva ġildu” u r-reputazzjoni politika tiegħu.


Ma riedx ikompli jaqa’ għaċ-ċajt wara sitt xhur ta’ bumbardamenti li swew lill-Kaxxa Ingliża mijiet kbar ta’ miljuni ta’ Sterlini.

 

Hemm ħafna paralleliżmi bejn l-Afghanistan u l-Libja ta’ wara Gaddafi, isostni Cougin.


Kummenti oħrajn fil-midja elettronika Ingliża qed jispekulaw dwar min l-aktar se jirbaħ kuntratti taż-żejt mil-Libja post-Gaddafi, fid-dawl ta’ kif, hekk kif tħabbret il-waqgħa ta’ Tripli, l-ENI tal-Italja u t-TOTAL ta’ Franza diġà bdew jiġru biex jaħtfu.


Fuq il-livell morali, kummentaturi oħrajn insistew li l-konsegwenzi tal-gwerra fil-Libja kie­nu terribbli, u soċjalment, il-Libja ntefgħet lura deċenji sħaħ.


Tingħad ħafna, din. “L-ewwel vittma tal-gwerra hi l-verità.

 

U fuq livell inqas astratt, il-vittmi fuq quddiem nett tal-lista huma t-tfal.”

 

Qerq u frodi


Dak li kiteb l-opinjonista tal-ġurnal tal-partit tal-Gvern dwar is-sehem tan-NATO u l-pajjiżi alleati fil-gwerra tal-Libja, jaqbel ma’ kif jaħsbuha ħafna kummentaturi politiċi internazzjonali.

 

Dawn isostnu li l-gvernijiet tal-pajjiżi li ħadu sehem fil-gwerra ffrodaw lill-pubbliku tagħhom għax ħbew minnhom ir-raġunijiet u l-iskopijiet veri tas-sehem attiv tagħhom, mhux biex jipproteġu n-nies ċivili u fejn hemm il-popolazzjoni ċivili mill-attakki tal-forzi tal-Gvern immexxi minn Gaddafi, iżda biex jitneħħa dak il-Gvern u biex jitwaqqaf minfloku Gvern li jkun lest jaqbel mal-politika internazzjonali tagħhom u li jiffavorixxi l-interessi tagħhom ħafna aktar milli l-Gvern immexxi minn Gaddafi kien jagħmel.

 

Dawn l-iskopijiet u raġunijiet tal-pajjiżi tan-NATO nħbew wara l-għajta tar-ribelli Libjani għal tmexxija demokratika, għall-ħarsien tad-drittijiet umani, u għal libertà tal-espressjoni.


kinux qegħdin jitwettqu biex jipproteġu lin-nies ċivili u fejn joqogħdu, mill-attakki tal-forzi tal-Gvern Libjan, iżda l-attakki u l-bumbardamenti stess kienu qegħdin joqtlu u jferu lin-nies ċivili u jfarrkulhom djarhom fl-inħawi tal-pajjiż fejn il-popolazzjoni ċivili kienet favur u mhux kontra l-Gvern immexxi minn Gaddafi.


Il-Gvern Malti għamilha ta’ bir-ruħu li ma jafx li s-sehem tal-pajjiżi tan-NATO fil-gwerra tal-Libja ma kienx bi skop umanitarju, iżda bi skop politiku u kummerċjali.

 

Ladarba hu kien jaf b’dan il-qerq u approvah u appoġġjah, il-Gvern Malti kien kompliċi kemm fil-frodi tal-opinjoni pubblika, kif ukoll tal-aggressjoni sfaċċata u mhux ġustifikata tal-pajjiżi tan-NATO kontra l-poplu Libjan.


L-oppożizzjoni akkanita tal-pajjiżi tan-NATO (u ta’ Malta) għal kull talba li saret ħalli jieqaf il-ġlied u jsiru negozjati għal ftehim politiku, hi l-akbar prova ta’ kemm il-pajjiżi tan-NATO ma kinux qegħdin jaġixxu bi skop umanitarju biex iħarsu lill-popolazzjoni ċivili.

 

Waqfien mill-ġlied kien ikun l-aqwa azzjoni umanitarja, għax kien isalva ħafna nies milli jinqatlu u ħafna aktar milli jiġu feruti, x’uħud minnhom gravament u għal għomorhom.


Il-Gvern Malti jiftaħar bil-missjoni umanitarja li wettaq fil-gwerra tal-Libja.

 

Irid inessi li l-akbar missjoni umanitarja kienet tkun li jaħdem sfieq biex jieqaf il-ġlied, ħalli jieqfu l-qtil u l-ferimenti.

 

Iżda l-Gvern Malti kien kuntent li jħalli n-nies jindarbu ħalli mbagħad jagħtihom l-għajnuna medika u jiftaħar biha.

 

Kemm kien ikollu biex jiftaħar aktar li kieku ħadem biex ħafna mill-feruti ma kinux jindarbu għax il-ġlied kien ikun imwaqqaf bil-ħidma għall-paċi mill-Gvern Malti!


Kieku l-Gvern Malti ħadem għall-waqfien mill-ġlied u għall-ftehim politiku fil-Libja, barra li kien isalva ħafna nies li nqatlu u ħafna oħrajn li ġarrbu feriment, kien ikun qed jagħti widen għas-sejħiet ripetuti tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI li kemm-il darba appella ħalli jieqaf il-ġlied u ħalli n-negozjati jieħdu post l-armi fil-Libja.


Iżda Gonzi ma tax widen għall-appelli tal-Papa, għax ried jaqdi u jservi lis-sidien tiegħu tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika.

 

Huwa abbanduna l-politika barranija ta’ Malta li taħdem għall-paċi, u minflok issieħeb mal-pajjiżi li għalihom il-gwerra hi vokazzjoni nazzjonali u li għalihom l-interessi politiċi u kummerċjali jiġu qabel u fuq l-interessi umanitarji tal-popli.


Kemm abbanduna l-politika barranija ta’ pajjiżna biex iħaddan dik tal-Unjoni Ewropea, rajnieh fil-kwistjoni tal-Palestina fil-Ġnus Magħquda.

 

Gonzi warrab is-snin twal li Malta ilha tappoġġja d-dritt tal-Palestinjani li jkollhom stat tagħhom.

 

Minflok insista li l-Ġnus Magħquda tagħraf lill-istat Palestinjan bħala membru sħiħ tagħha, Gonzi ssieħeb mal-pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea li jiċħdu t-talba ġusta tal-Palestinjani u sostna, bħalma għamlu l-Istati Uniti tal-Amerika, li l-Palestinjani u l-Iżraeliti jridu l-ewwel jinnegozjaw ftehim bejniethom, u mbagħad il-pajjiżi jaċċettaw li jsieħbu magħhom l-istat Palestinjan.

 

Ftehim bejn il-Palestinjani u l-Iżraeliti jiddependi minn kemm dawn tal-aħħar iridu ftehim, u meta jaċċettaw li jsir dan il-ftehim.


Għalhekk il-Palestinjani ma jistgħux igawdu d-dritt li l-istat tagħhom ikun fil-Ġnus Magħquda bħala membru sħiħ, sakemm Iżrael ma jridx li dan iseħħ billi ma jaċċettax li jikkonkludi ftehim mal-Palestinjani.

 

Il-Ħamis, 29 ta’ Settembru, 2011.

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ