MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID

LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET

TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA

LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

It-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea għandu jinbidel

 

Fil-waqt li f’Malta mhux qed jintwera nteress minn ebda naħa tal-Parlament biex jiġi diskuss il-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea, fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni d-diskussjonijiet dwar dan qegħdin isiru b’ħeġġa kbira.

Minħabba l-ħeġġa u l-interess li l-popli ta’ l-Ewropa qegħdin juru fir-revizjoni u r-riformi li huma meħtieġa fl-Unjoni Ewropea, il-Kostituzzjoni Ewropea twarrbet fil-ġenb u lanqas tissemma ħlief biex jingħad li mhux se tidħol fis-seħħ kif saret.

 

Il-gvernijiet li se jissuktaw bil-proċess tar-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea, se jagħmlu dan għall-iskopijiet politiċi partiġġjani interni, bħal fil-każ ta’ Malta u l-Lussemburgu.

Il-ħtieġa ta’ żmien għal riflessjoni u diskussjoni dwar il-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea, stqarrewha l-ġimgha l-oħra l-kapijiet tal-gruppi politiċi kollha fil- Parlament Ewropew.

Hans-Gert Poettering, il-kap tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew u tad-Demokratiċi Ewropej, ammetta li l-popli tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni ħakmithom kriżi ta’ sfiduċja u jridu li jiddiskutu l-ġejjieni u s-setgħat ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-kap tal-Grupp tal-
Partiti Soċjalisti Ewropej Martin Schulz stqarr li hemm ħtieġa ta’ bidliet fil-politika ta’ l-Unjoni biex jitjieb il-livell ta’ l-għixien ta’ l-Ewropej u biex l-Ewropa tkun aktar kompetittiva u aktar flessibbli fir-regolamenti tagħha ħalli jistgħu jiżdiedu l-impjiegi.

Graham Watson, il-kap tal-Grupp ta’ l-Alleanza tal-Liberali u tad-Demokratiċi, qabel mal-ħtieġa ta’ riforma u qal li l-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun aktar trasparenti fil-ħidma tiegħu, il-Parlament Ewropew għandu jingħata aktar setgħat u jieħu sehem akbar fid-diskussjoni popolari dwar il-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Kelliemi għall-
Ħodor u l-Alleanza ta’ l-Ewropa Ħielsa, Cohn Bendit, waqt li kien kritiku ħafna tal-Prim Ministru Ingliż Tony Blair li se jkun il-President ta’ l-Unjoni Ewropea għas-sitt xhur li ġejjin, wera l-fehma li l-Unjoni Ewropea ma tistax tkun mibnija fuq mudell soċjali wieħed, iżda trid bilfors tkun għaqda ta’ mudelli soċjali differenti u trid ukoll tkun sostenibbli kemm mil-lat ta’ l-ambjent, kif ukoll mil-lat soċjali.

Francis Wurtz, għan-nom tal-Grupp Konfederali tax-Xellug Ewropew u tal-Ħodor Nordiċi tax-Xellug, ma ċaħadx li l-Unjoni Ewropea naqset li tissodisfa liċ-ċittadini Ewropej u li hemm il-ħtieġa li wieħed jifli sew x’isir mis-solidarjetà u mit-tibdil li qed isir, kif ukoll id-direzzjoni li għandu jieħu l-mudell soċjali ta’ l-Unjoni.

 

Waqt li l-kelliemi tal-Grupp ta’ l-Indipendenza u d-Demokrazija, Nigel Farrage, saħaq li l-Acquis Communitaire (ir-regolamenti u d-direttivi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea) għandu jitnaqqas u jiċċekken, Roger Helmer, Membru Ingliż tal-Parlament Ewropew ippropona Unjoni dwar il-kummerċ u għall-koperazzjoni bejn il-pajjiżi, minflok Unjoni politika tal-pajjiżi Ewropej.

Andrew Duff, Membru Ingliż ieħor fil-Parlament Ewropew tkellem dwar il-bżonn tat-twaqqif ta’ Konvenzjoni oħra ħalli tirrevedi l-Kostituzzjoni Ewropea li tfasslet u tirrevedi speċjalment it-Tielet Taqsima tagħha dwar il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea f’oqsma differenti li għandha bżonn tkun modernizzata.

Min-naħa tiegħu
James Allister, Membru Ingliż ieħor tal-Parlament Ewropew insista biex tiġi abbandunata l-politika ta’ integrazzjoni akbar tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Huwa appella ukoll ħalli l-gvernijiet nazzjonali jingħataw supremazija fuq il-Gvern Ċentrali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Saħansitra l-President tal-Kummissjoni Ewropea,
Josè Manuel Barroso, ammetta l-ħtieġa li ssir diskussjoni wiesgħa dwar il-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea u li wara dak kollu li seħħ fi Franza, fl-Olanda u fis-Summit ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-budget, ma kienx aktar possibbli li l-Unjoni Ewropea tibqa’ miexja bħal qabel, qiesu ma seħħ xejn.

Waqt li fl-Unjoni Ewropea hemm dan il-ferment kollu u diskussjonijiet imħeġġa dwar l-Unjoni, dwar il-politika u d-direzzjoni tagħha, f’pajjiżna qegħdin ninħlew niddiskutu r-ratifika ta’ trattat li huwa skadut.

 

Dak li ħaddiehor rema, aħna ħerqana biex niġbruħ minkejja li ma jiswilna xejn.

 

Se nirratifikaw mhux fl-interess ta’ pajjiżna

 

Wara t-“tsunami” politiku kkawżat miċ-ċaħda tat-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea mill-poplu ta’ Franza u ta’ l-Olanda u n-nuqqas ta’ qbil dwar il-budget ta’ l-Unjoni Ewropea, f’ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni bdiet diskussjoni wiesgħa u profonda dwar il-politika ta’ l-Unjoni, it-tmexxija tagħha u l-ġejjieni stess tagħha.

 

Għal dan il-għan issospendew il-proċess tar-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea.

 

Dan ġara fid-Danimarka u fl-Ingilterra.

F’pajjiżna jidhrilna li ma għandniex bżonn ta’ żmien biex nirriflettu u niddiskutu fuq din il-kwistjoni importanti għall-ġejjieni tal-poplu tagħna!

 

Għall-mexxejja politiċi tagħna, kif se jkun il-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea u kif il-Kostituzzjoni Ewropea se tolqot lill-poplu tagħna m’humiex kwistjonijiet ta’ interess nazzjonali.

 

Għalihom huma kwistjonijiet tal-mument li jistgħu jeħilsu minnhom billi ma joqogħdux jirriflettu fuqhom u billi ma joqogħdux jiddiskutuhom mal-poplu, iżda jgħadduhom bil-ġirja u malajr kemm jista’ jkun bħala ħwejjeġ ordinarji.

 

Ħafna li attendew nhar is-Sibt li għadda fil-Phoenicia Hotel għall-Konferenza Nazzjonalista organizzata mill-Membri Nazzjonalisti tal-Parlament Ewropew, Simon Busuttil u David Casa, ħarġu skandalizzati u xxukkjati b’dak li semgħu jingħad fil-laqgħa.

Ħafna skandalizzaw ruħhom għax fil-Konferenza Nazzjonalista, minflok ma semgħu diskussjoni nformattiva dwar il-Kostituzzjoni Ewropea, kellhom jassistu għal paniġirki ta’ tifħir u propaganda għall-Unjoni Ewropea u għall-Kostituzzjoni tagħha.

 

Ma tqanqlu ebda punti ta’ kritika, aħseb u ara punti ta’ kontroversja fuq suġġetti li fl-Ewropa llum jiddominaw kull diskussjoni politika li ssir.

Fil-konferenza ta’ nhar is-Sibt ma setax jingħata lilna, il-Maltin, ċertifikat aqwa tas-superfiċjalità intellettwali u l-faqar ta‘ sens kritiku, ibda mill-istess Prim Ministru
Gonzi u mill-Viċi-Prim Ministru Tonio Borg u l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Michael Frendo.

Il-kontribuzzjonijiet ta’ dawn għad-diskussjoni li għaddejja fl-Ewropa dwar il-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea kienu li nuru kemm nemmnu fit-tjubija tagħha billi nfittxu nirratifikaw ilkoll kemm aħna l-Kostituzzjoni Ewropea bla dewmien u bla diskussjonijiet.

 

Ħafna xxukkjaw ruħhom ukoll jisimgħu li r-raġuni ta’ l-għaġġla biex nirratifikaw il-Kostituzzjoni Ewropea mhix għax hekk jaqbel lil pajjiżna.

 

Ir-raġuni għala r-ratifika fil-Parlament Malti għandha ssir sat-8 ta’ Lulju li ġej ,hija, ħalli r-ratifika unanima ta‘ Malta tkun ta’ għajnuna għall-Prim Ministru tal-Lussemburgu, Juncker biex ma jitilfux ir-referendum li hemm fl-10 ta‘ Lulju dwar il-Kostituzzjoni Ewropea.

Intqal li b’hekk Malta tkun qiegħda tagħti kontribut lill-Unjoni Ewropea biex tegħleb il-kriżi profonda li tinsab fiha l-Unjoni, kif Juncker stess kien stqarr meta ma ntlaħaqx qbil dwar il-budget ta’ l-Unjoni.

 

  Is-CNI ma taqbilx mar-riservi

 

Fil-Konferenza ta’ l-Aħbarijiet li saret nhar it-Tnejn li għadda, is-CNI fissret għaliex ma taqbilx mal-ħames riservi li l-maġġoranza tal-Grupp parlamentari u ta’ l-Ezekuttiv Nazzjonali Laburista qegħdin jippropronu li jagħmlu għall-vot favur ir-ratifika tat-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea.

Il-proposta hija li dawn il-ħames riservi jsiru fi stqarrija li l-Oppożizzjoni Laburista tagħmel fil-parlament qabel il-vot tar-ratifika.

 

Is-CNI spjegat li din il-proposta tal-ħames riservi, jekk tiġi aċċettata, bl-ebda mod ma tbiddel il-fatt li kull Gvern Malti fil-ġejjieni ikun marbut bil-Kostituzzjoni Ewropea, jekk din tidħol fis-seħħ.

Skond is-
CNI , it-tifsira u l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Ewropea ma tiddependix mill-fehma la tal-Gvern u lanqas mill-fehma ta’ l-Oppożizzjoni.

 

It-tifsira u l-interpretazzjoni tingħata mill-Unjoni Ewropea u f’każ ta’ konflitt, tkun il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea stess li tiddeċiedi xi tfisser l-Kostituzzjoni Ewropea u kif gvern ta’ pajjiż membru fl-Unjoni jkun marbut biha.

Fil-Konferenza ta’ l-Aħbarijiet tas-
CNI intqal li jekk id-deċiżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea dwar it-tifsira tal-Kostituzzjoni Ewropea ma tkunx taqbel mar-riservi li qegħdin jiġu proposti mill-Oppożizzjoni, il-Gvern Malti fil-ġejjieni jkollu jiddeċiedi li jew ibaxxi rasu għad-deċiżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea jew joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Mhux magħruf x’se tkun ir-reazzjoni tal-
Gvern Nazzjonalista għall-proposta tal-ħames riservi ta’ l-Oppożizzjoni Laburista.

 

Fil-fatt, jidher li l-Gvern m’għandux għax ma jaqbilx magħhom, kieku dawk ir-riservi jsiru.

 

Il-Gvern jaf li la jorbtu lilu, la lill-Unjoni Ewropea u lanqas lil kull Gvern Malti fil-ġejjieni.

 

L-Unjoni kienet trid tagħti kashom, kieku dawk ir-riservi saru meta l-Gvern Malti ffirma t-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea f’Ruma fid-29 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra.

 

Dak in-nhar la saru riservi u lanqas saru dikjarazzjonijiet unilaterali mill-Gvern Malti, bħal ma l-Gvern Malti kien għamel f’Ateni meta ffirma t-Trattat tas-Sħubija fis-16 ta’ April, 2003.

Is-CNI sostniet fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet li kemm id-dikjarazzjoni dwar in-newtralità ta’ Malta, kif ukoll id-dikjarazzjoni dwar ir-reġjun ta’ Għawdex li kienu mehmuza mat-Trattat ta’ Ateni ta’ l-2003, tħallew barra mit-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea.

 

Waħda mir-riservi proposti hija dwar id-dritt tal-Gvern Malti li jwettaq politika reġjonali għal Għawdex.

Jekk dan id-dritt mhux imdaħħal fil-Kostituzzjoni, ir-riserva m’għandhiex saħħa.

 

Stħarriġ

 

Skond starriġ ta’ Xarabank – 91% tal-Laburisti li taw risposta huma kontra l-Kostituzzjoni Ewropea.

 

Id-Deputat Mexxej Dr Michael Falzon jgħid – Id-deċiżjoni aħħarija trid tittieħed mid-delegati Laburisti b’mod demokratiku fl-interess tal-Partit Laburista iżda wkoll ta’ pajjiżna, għax l-għajta Laburista tibqa’ dik ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox.

 

L-Erbgħa, 29 ta’ Ġunju, 2005.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

 Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 29 ta’ Ġunju, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

 Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ