MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000
€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Minn Karmenu Mifsud Bonnici
Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.
Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu
Skond
rapport ippubblikat il-Ħadd li għadda, minn korrispondent li qiegħed
fi Brussels għal ġurnal lokali, il-Kummissjoni Ewropea, xi xhur ilu,
iddiskutiet f’numru ta’ laqgħat f’Malta, il-qagħda tat-Tarzna ta’
Malta, u issa l-Gvern Malti mistenni jiddeċiedi x’isir mit-Tarzna.
Dan it-tagħrif qatt ma ngħata qabel la mill-Gvern Malti u lanqas mill-Kummissjoni
Ewropea.
Inħeba
kemm lir-rappreżentanti trejdunjonistiċi tal-ħaddiema tat-Tarzna,
il-GWU, kif ukoll mill-poplu Malti u l-Parlament Malti.
Lanqas ma kien magħruf li xi xhur ilu, jiġifieri qabel l-Elezzjoni
Ġenerali, saru laqgħat f’Malta bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern
Malti, dwar il-ġejjieni tat-Tarzna, li huwa suġġett li jinteressa
lill-poplu kollu u partikolarment, lil 1,700 ħaddiem li hemm fit-Tarzna, u
lill-familji li jiddependu minnhom.
Il-ħabi ta’ tagħrif importanti dwar it-Tarzna ilu jsir kemm min-naħa tal-maniġment eżekuttiv tat-Tarzna kif ukoll mill-Gvern.
Fil-waqt
li kull sena jingħad kemm tilfet it-Tarzna, qatt ma xxandru l-kontijiet
tad-dħul u tal-ħruġ tat-Tarzna biex jiġu miflijin ħalli
jkun magħruf x’mar żmerċ.
Fil-waqt li l-maniġment eżekuttiv u l-Ministru responsabbli tat-Tarzna
dejjem iwaħħlu fin-nuqqas ta’ produttività tal-ħaddiema, qatt
ma stqarrew l-iżbalji ta’ dawk responsabbli mit-tmexxija tat-Tarzna u n-nuqqas
ta’ investimenti, kemm fl-impjant u għodda moderni, kif ukoll fit-taħriġ
tekniku aġġornat tal-ħaddiema.
Ftit tal-ġranet ilu sar magħruf li f’Diċembru li għadda l-Gvern
kien qal lill-maniġment eżekuttiv biex issir inkjesta dwar telf kbir
li sar fuq il-kuntratt tal-konverżjoni tal-bastiment Fairmont.
Li kieku ma tkellmux dwaru r-rappreżentanti trejdunjonistiċi, ma kienx jinkixef dan il-fatt inkwetanti ħafna li jingħad ifisser telf ta’ miljuni kbar.
Jingħad
li fuq il-kuntratt tal-Fairmont, it-Tarzna mhux se ddaħħal l-ispejjeż
tal-materjal u tas-‘subcontracting’, u li kien hemm assenjati ħaddiema
żejda fuq ix-xogħol li kellu jsir.

Għaddew madwar erba’ xhur minn meta ntalbet li ssir inkjesta u xorta waħda għadu ma ngħatax tagħrif x’ġara dwar dan il-kuntratt ta‘ xogħol.
Il-Ministru responsabbli tat-Tarzna jixli lill-ħaddiema li għamlu xogħol ħażin u li kellhom produttività baxxa, fil-waqt li l-ħaddiema jafu li t-tort hu tat-tmexxija fqira, ippjanar ħażin u kalkoli żbaljati tal-maniġment eżekuttiv.
Il-pubbliku
tħalla fid-dlam dwar sewwa sew x’ġara fil-kuntratt tal-Fairmont.
Sadanittant ma tonqos xejn il-kampanja ta’ propoganda kontra l-ħaddiema
tat-Tarzna u l-unjin tagħhom, u ma taqta’ xejn it-tagħrif qarrieq maħsub
biex iħawwad lill-pubbliku dwarhom.
Ir-rapport tal-Ħadd li għadda dwar it-Tarzna, tal-korrispondent minn Brussels, jidher li fl-opinjoni tiegħi aktarx kien instigat minn rappreżentant tal-Gvern Malti li hemm fl-Unjoni Ewropea, biex iħejji t-triq għal deċiżjoni kiefra dwar it-Tarzna, li l-Gvern wasal biex iħabbar bl-iskuża ta’ l-interess nazzjonali.
Jissemmew
ripetutament li fl-aħħar seba’ snin it-Tarzna ngħatat ammonti
kbar ta’ flus, iżda fil-fatt il-flus ingħataw lill-ħaddiema
biex jitilqu mill-impjieg u mhux lit-Tarzna.
Jingħad kontinwament li l-Gvern ħafer Lm300 miljun dejn lit-Tarzna, mentri dan mhux minnu għax aktar minn nofshom ma kinux dejn tat-Tarzna, iżda kienu telf li kellha l-Marsa Shipbuilding.
Dawn
huma żewġ eżempji mill-ħafna tagħrif qarrieq li jingħata
b’malizja biex jinfluwenzaw lill-pubbliku kontra l-ħaddiema tat-Tarzna.
Madwar tliet xhur ilu, fil-bidu ta’ Marzu, f’ittra li s-Segretarju Ġenerali
tal-GWU Tony Zarb bagħat lill-Prim Ministru, bi tweġiba għall-ittra
tal-Prim Ministru ta’ għaxart ijiem qabel, intwerew nuqqasijiet kbar
tal-maniġment eżekuttiv tat-Tarzna.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU ilmenta
* li l-ħidma fuq it-tiswija tal-vapuri twarrbet intenzjonalment u mhux għax ma kienx hemm suq għal dak ix-xogħol;
* li kienu qegħdin jinġiebu ħaddiema barranin anke għal xogħol ta’ ‘labourers’, meta dak ix-xogħol faċilment isir mill-ħaddiema Maltin;
* li ntilfet waħda mill-aħjar aġenziji li kellha t-Tarzna għax-xogħol ta’ l-inġinerija;
* li sar ‘poaching’ ta’ l-aqwa ‘service fitters’ tat-Tarzna;
* li xogħol li jista’ faċilment isir fit-Tarzna, qed jingħata lill-kuntratturi;
* li l-‘blasting’ mhux jitħalla jsir, allavolja permess mir-regoli ta’ l-UE;
*
u li kien qiegħed jinħema pjan biex l-aħjar partijiet tat-Tarzna
li jħallu qligħ jingħataw lill-privat.
Ma jirriżultax li l-Gvern wieġeb għall-akkużi serji kontra
l-maniġment eżekuttiv tat-Tarzna u lanqas għall-insistenza
tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU biex il-Gvern ifiehem lill-Unjoni Ewropea
li l-Pjan ta’ Ristrutturar li l-Unjoni mponiet fl-2002 kien falla għax ma
kienx vijabbli.
Issa
jirriżulta li fi Frar li għadda, il-Gvern kien diġà ftiehem mal-Kummissjoni
Ewropea x’isir mit-Tarzna wara Diċembru li ġej.
Fil-fatt
il-Gvern Malti, lanqas kieku jrid, ma jistax jagħmel dak li jaqbel għal
pajjiżna dwar it-Tarzna, iżda jkollu jagħmel dak li tiddettalu l-UE.
Mhux minnu li l-Gvern se jiddeċiedi x’isir mit-Tarzna u mill-1,700 ħaddiema tagħha, skond l-interessi nazzjonali.
Huwa
se jimxi skond ma trid l-UE, allavolja li trid din hu kontra l-interessi
nazzjonali.
Hawn qiegħed il-qofol tal-kwistjoni kollha.
Il-Gvern Malti m’għandux is-saħħa li jiddeċiedi dwar it-Tarzna, kif jaqbel lil pajjiżna, għax il-Gvern Malti m’għandux il-kuraġġ u l-fibra u l-ispirtu nazzjonali li jgħid lill-UE li l-interessi Maltin u tal-ħaddiema Maltin jiġu qabel il-politika u r-regolamenti ta’ l-UE.
Is-soluzzjoni tat-Tarzna m’għandhiex tiddeċidiha l-UE, iżda għandu
jagħżliha l-poplu Malti fl-interess tiegħu u għall-ġid
ta’ l-1,700 ħaddiem tat-Tarzna u tal-familji tagħhom.
F’din il-kwistjoni se jintagħżlu t-tradituri tal-ħaddiema Maltin mid-difensuri tagħhom.
Nittamaw lli t-trejdunjonisti kollha Maltin, kif ukoll il-politiċi kollha li jipprofessaw li jiddefendu l-interessi tal-ħaddiema, jiskjeraw ruħhom mal-ħaddiema tat-Tarzna u kontra l-UE u min huwa servili lejha.
Akkost
ta’ kull sagrifiċċju, it-Tarzna ta’ Malta trid tkompli topera.
Xejn impressjonanti!
minn Eddy Privitera
Lesti
l-politiċi Maltin jistqarru pubblikament li fejn jidħlu l-interessi
vitali tal-poplu tagħna, se jpoġġuhom qabel l-interessi ta’ l-Unjoni
Ewropea?
Lilna ma jimpressjonawna assolutament xejn, jew aħjar, jimpressjonawna
ħażin, dawn li jiftaħru pubblikament kemm
jemmnu fl-Unjoni Ewropea.
Meta jagħmlu dan, iġiegħluna nifhmu li huma jaċċettaw is-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE akkost ta’ kollox, u li mhux se jkunu lesti jħarsu l-interessi ta’ pajjiżna, l-ewwel u qabel kollox.
Aħna ċerti li eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin għadhom jemmnu li Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox, anke qabel l-UE.
Hekk nemmnu aħna tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali (CNI) u se nibqgħu nirreżistu lil dawk li jemmnu fis-sħubija fl-UE akkost ta’ kollox, anke jekk iħarsu bl-ikrah lejna.
Qatt ma qagħdna lura milli ngħidu dak li verament nemmnu fih, biex nintogħġbu, jew biex ma jħarsux bl-ikrah lejna.
Ma qbilniex ma’ dawk ta’ l-UE li qabel ir-Referendum dwar il-ftehim ta’ sħubija fl-UE ġew jgħidulna x’għandna nagħmlu.
Għalihom
l-interessi ta’ l-UE kienu jiġu qabel ta’ Malta.
Lanqas issa ma naqblu ma’ dawk li jiġu mill-UE u jgħidulna x’għandna nagħmlu.
Huma jħarsu l-ewwel l-interessi ta’ l-UE, mhux tagħna.
Nemmnu li għandna dehen u ħila biżżejjed li nafu nagħżlu l-aħjar għalina, ħafna aktar mill-barranin li ma jafuniex daqs kemm nafu lilna nfusna.
Jisgħobbina
ninnotaw li s’issa ma smajniex politiċi Maltin jgħidu li jekk
tinqala’ tilwima serja bejn Malta u l-UE, huma se jpoġġu l-interessi
ta’ Malta qabel dawk ta’ l-Unjoni.
Aħna naħsbu li waħda mir-raġunijiet għaliex eluf ma
vvotawx fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, kienet dan in-nuqqas
tal-politiċi u tal-partit li jħarsu l-interessi tal-poplu Malti qabel
kull interess ieħor.
Aktar
ma jinkinaw quddiem l-“allat” ta’ l-UE, aktar jikkonvinċunaw li
m’humiex lesti li jħarsuna minn dak li jista’ għad jolqotna ħażin
ħafna minħabba s-sħubija fl-Unjoni.
Mhux hekk qed jagħmel il-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi, rigward
il-kwistjoni taħraq ħafna ta’ l-immigranti illegali.
Hu qed jpoġġi l-interessi ta’ l-Italja qabel ir-regolamenti ta’ l-UE.
Mhux hekk ukoll għandhom jagħmlu l-politiċi u l-mexxejja tagħna, li juru l-kuraġġ li fejn jidħlu l-interessi vitali għal pajjiżna, ma jibżgħux jistqarru li jpoġġu l-interessi tal-Maltin u ta’ Malta qabel dawk tal-barranin u ta’ l-Unjoni Ewropea?!
Il-Ħamis, 29 ta’ Mejju, 2008
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ