MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Int
qatt stiednuk tmur btala Brussels?
L-UE tivvota miljuni kbar ta’ Ewros biex tagħmel il-propaganda, kemm fil-pajjiżi membri kif ukoll f’dawk li m’humiex, biex tħajjar liċ-ċittadini jaraw lill-Unjoni f’dawl sabiħ.
U allura f’dawk il-pajjiżi li għad ma jkunux membri, il-maġġoranza tal-poplu titħajjar tissieħeb fl-UE.
U b’hekk jikber in-numru ta’ pajjiżi Ewropej li jaqgħu taħt il-ħakma tagħha.
Qegħdin nużaw din il-kelma “ħakma”, għax din il-kelma kien użaha Dr George Vella,meta kien Deputat Mexxej tal-MLP, biex jiddiskrivi s-sħubija ta’ Malta f’każ li nsiru stat membru.
Dan kien qalu qabel ir-referendum.
Kemm kellu ragun jgħid dan qegħdin narawh illum!
L-istorja tal-ħrieqi ta’
ġimgħatejn ilu huwa eżempju klassiku kif l-UE ħaditilna kull
sovranità li niddeċiedu aħna fuqhiex u kemm għandna nħallsu
VAT.
Mod wieħed li tuża l-UE hu li tinqeda bil-MEPs (il-membri parlamentari Ewropej), biex kull sena kull wieħed minnhom “jistieden” numru konsiderevoli ta’ ċittadini, li ġeneralment ikunu attivisti tal-partit tagħhom, biex imorru għal żjara kollox imħallas mill-UE, fi Brussels.
L-UE taf li “btajjel” imħallsin
“bħal dawn iktar hemm ċans li jikkonvinċu lil dawn iċ-ċittadini,
milli bil-fatti!
F’dawn iż-żjarat l-uniku informazzjoni li uffiċjal ta’
l-Unjoni jagħti lil grupp imdaqqas ta’ Maltin li jkunu ġew mistiedna
minn xi MEP Malti, hu dwar kif jaħdem il-Parlament Ewropew.
Naturalment jisimgħu dak li jinstema’ sabiħ biss.
L-ikraħ – bħal kif ħafna drabi l-MEPs jivvotaw għal mijiet ta’ regolamenti, emendi għal-liġijiet, eċċ., kull ftit sekondi, bla ma jkunu jafu eżatt fuqhiex qegħdin jivvotaw, ma jgħidulhomx!
Għax jivvotaw skond lista li jagħtuhom il-grupp li għalih ikun jappartjenu.
Per eżempju: grupp soċjalista, grupp ta’ partiti popolari, grupp tal-partiti liberali, eċċ.
U jivvotaw kull ftit sekondi!
Minbarra t-taħdita ta’ l-uffiċjal ta’ l-UE, jisimgħu wkoll xi
diskorsi mill-MEP li jkun stidinhom, iżda li ma jkun ħallas xejn minn
butu.
L-ispejjeż kollha toħroġhom l-UE!
F’dawn id-diskorsi, l-MEPs iħeġġu lill-mistednin tagħhom biex “iwasslu tagħrif siewi” lill-poplu stess, li huma jkunu jafu, minħabba li ħafna minnhom ikunu f’kumitati, delegati, kunsillieri u canvassers ta’ xi kandidat fl-elezzjoni ġenerali.
Uħud mill-mistednin qajla
jkollhom biss idea x’inhi l-UE!
Insemmu biss każ tad-daħk li ġara f’waħda minn dawn it-taħditiet
ta’ l-uffiċjal ta’ l-UE.
Dan staqsa lill-grupp jafux xi pajjiżi oħrajn li applikaw biex jissieħbu fl-UE. Pront irrisponda wieħed mill-mistednin: “It-Tuneżija”!
Tistgħu timmaġinaw x’tagħrif
siewi se jwassal dan it-tali lill-poplu Malti!
Però huwa veru li diversi wħud li jmorru għal dawn il-btajjel
b’xejn f’daqqa waħda jagħlqu ħalqhom, speċjalment jekk
qabel kienu jitkellmu kontra s-sħubija fl-UE.
Anzi jibdew isibu kull skuża biex jiġġustifikaw għaliex Malta issa għandha tibqa’ fl-UE.
S’hemm min kiteb li l-Partit Laburista kien jgħid li ma kienx jaqblilna nidħlu “għalissa”.
Qisu ridna nidħlu fl-UE xi ftit snin oħrajn! Ara aħna niftakru l-kontra – li kienu jgħidulna
“Alla ħares qatt nidħlu fl-UE”.
U li jekk nidħlu fl-UE “se nkunu pajjiż maħkum”!
Kellhom mitt elf raġun jgħidu
hekk!
Naturalment lilna qatt m’huma se jistednuna għall-btala b’xejn fi
Brussels.
Jafu li lilna tas-CNI u l-kelliema
mistedin li jkollna fil-programm tagħna fuq Smash TV, ma jistgħux
ibellgħulna r-ross bil-labra dwar l-UE!
Minn
fejn kienu jiġu l-flus
Waqt programm fuq Smash TV, Geoffrey Pullicino Orlando nstema’ jistaqsi
lis-Sur Emmanuel Cuschieri, minn fejn kien se jġib il-flus kieku ma dħalniex
fl-UE Gvern Laburista, għal proġetti, bħal dak tat-tisfija
tad-drenaġġ, eċċ.
Fil-qosor, ħa ngħidulu aħna:
1. Mill-miljuni ta’ liri li l-Gvern kien jonfoq biex iwaqqaf l-istrutturi li
bil-fors kellu jwaqqaf skond ir-regoli ta’ l-UE – iktar minn Lm20 miljun
fis-sena!
2. Mill-miljuni li issa se jintilfu għax il-Protokoll Taljan, li kien
inbeda minn Gvern Laburista, se jispiċċa fl-aħħar ta’ din
is-sena – Lm10 fis-sena. Dawn diġà Lm30 miljun meta tgħoddhom ma’
ta’ qabel.
3. Mill-miljuni ta’ liri li se jkollna nħallsu lill-Ingilterra fis-snin
li ġejjin minħabba r-rebate li tieħu l-Ingilterra mill-UE (flus
li tieħu lura mill-UE wara li tkun ħallset il-kontribuzzjoni tagħha),
sakemm nibqgħu fl-UE!
4. Mill-miljuni li se jkollna nħallsu lill-Bank Ċentrali Ewropew għax
f’pajjiżna għandna tliet darbiet aktar flus fiċ-ċirkolazzjoni
milli jista’ jkollna skond ir-regoli tal-Bank Ċentrali Ewropew – Lm10
miljuni.
5. Mil-Lm10 miljuni li nfaqna biex il-Gvern xtara Dar Malta fi Brussels. U Alla
biss jaf kemm se tiswielna biex nirranġawha. U l-miljuni li rridu biex
titmexxa b’madwar 55 impjegat imħallsin tajjeb ħafna mill-poplu
Malti.
6. Mill-miljuni li qiegħed iħallas il-poplu Malti għaż-żjajjar
kull ġimgħa mill-Prim Ministru, ministri, uffiċjali tal-Gvern,
lejn Brussels, minħabba s-sħubija fl-UE.
7. Mil-miljuni kbar li se jkollna nibdew inħallsu aħna lill-UE iktar
mill-miljuni li jistgħu jiġu mill-UE, wara li jispiċċalna
l-istatus ta’ “Objective 1” fis-sena 2014!
8. U ħafna iktar spejjeż u telf ta’ miljuni li pajjiżna qiegħed
ikollu jsofri biex webblu lill-maġġoranza li deħlin fil-ġenna
ta’ l-art!
“Rebbiegħa” ta’ propaganda fost it-tfal
Xhur ilu konna tkellimna fil-programm tas-CNI fuq Smash TV, dwar kif l-UE ilha
taħdem biex tinfluwenza lill-istudenti fl-iskejjel, favur il-proġett
tal-fundaturi li waqqfu l-UE, li dak iż-żmien kienet tissejjah
il-Komunità Ekonomika Ewropea, jew is-Suq Komuni.
F’Malta l-ewwel pass konkret sar f’dawn l-aħħar ftit snin bid-dħul
tal-‘European Studies’ fil-kurrikulum ta’ l-iskejjel.
Dak in-nhar konna ktibna u
tkellimna– u mhux ahna biss - li din kienet mossa politika bejn il-Gvern u
l-UE biex jaħslu l-imħuħ ta’ l-istudenti qabel ir-referendum,
bit-tama li dawn imbagħad jinfluwenzaw lill-ġenituri u l-familji tagħhom.
Dan l-aħħar ukoll tkellimna li issa dieħla fażi oħra
ta’ propaganda ta’ l-UE.
Din id-darba immirata l-aktar lejn it-tfal pjuttost żgħar fl-iskejjel.
Bdew bil-ktieb miktub apposta għat-tfal, b’informazzjoni dwar l-UE.
Ma nafux dan il-ktejjeb diġà wasalx fl-iskejjel tagħna.
Dan però diġà qiegħed fl-iskejjel fl-Ingilterra.
Issa waslu għall-fażi iktar avvanzata fil-ħasil ta’ l-imħuħ
tat-tfal.
Ħolqu ġurnata li qieghda tissejjaħ “Spring Day in Europe”.
Bil-Malti: “Il-Ġurnata tar-Rebbiegħa fl-Ewropa”!
Tawh dan l-isem għax l-UE tqis
li t-tfal huma r-“rebbiegħa” ta’ l-UE.
Qaluha wkoll ċar u tond li dan il-“Jum ir-Rebbiegħa fl-Ewropa”
huwa parti mill-pjan D li tfassal mill-UE wara d-disfatta li kellha
l-Kostituzzjoni ta’ l-UE bil-vot le fi Franza u l-Olanda.
Mela dan il-proġett m’hu xejn
hlief mezz ta’ propaganda, biex fejn ma waslux jikkonvinċu liċ-ċittadini
maturi fl-UE, jisperaw li ’l quddiem jirnexxielhom bil-ħasil ta’ l-imħuħ
tat-tfal ta’ l-iskejjel, li ’l quddiem jibdew iqisu lilhom infushom l-ewwel
Ewropej u wara Maltin.
Din ilhom jipprovawha maċ-ċittadini l-kbar iżda ma rnexxielhomx.
Ghax ħadd ma beda jgħid li
hu jew hija jħossu ruħhom l-ewwel Ewropej u wara Taljani, Franċiżi,
eċċ.
Ma nafux dawn l-ideat ħaduhomx miċ-Ċina Komunista ta’ żmien
Mao Tse-Tung.
Għad taraw hafna teatrini bħal dawn f’pajjiżi
iktar ’il quddiem!
Is-Sibt, 29 ta’ April, 2006.
Iċ-Ċerman, Dr Karmenu Mifsud Bonnici, il-kumitat u l-membri tas-CNI, jawguraw l-isbaħ xewqat lill-ħaddiema kollha u l-familji tagħhom, fl-1 ta’ Mejju, Jum il-Ħaddiem.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ