MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Nipprotestaw fl-Ewwel ta’ Mejju 

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

JUM il-Ħaddiem din is-sena se jkun imtebba’ bil-ġrajja ta’ niket għal kull Malti li jgħożż il-Ħelsien. 

 

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea tibda sseħħ fl-1 ta’ Mejju u pajjiżna jerġa’ jsir kolonja tal-barranin, minflok ta’ Londra, ta’ Brussell.

Mhux biss niket, iżda għajb kbir, għax eluf minn ħutna se jieħdu sehem f’ċelebrazzjonijiet li se jħammrulna wiċċna mad-dinja. 

Għax se jikxfu kemm aħna boloħ li nifirħu bil-kbir meta se nitilfu l-għeżeż kisba li qatt għamilna. 

Fdejna ruħna mill-barrani u sirna ġens ħieles. 

Mill-1 ta’ Mejju ma nibqgħux immexxu lilna nfusna. 

Se nitmexxew mill-Unjoni Ewropea.  

Sagrileġġ kbir

GŻIRITNA midjuna iktar minn biljun lira. 

Il-Gvern qed jitlef aktar minn mitt miljun lira fis-sena. 

Xorta waħda, b’irresponsabbilta` kriminali, se naħarqu maż-żewġ miljuni biex niċċelebraw it-telfien ta’ l-Indipendenza u l-Ħelsien tal-poplu tagħna. 

L-ogħla personalitajiet ta’ pajjiżna qegħdin jieħdu sehem f’din l-orġja skandaluża ta’ tradiment tal-valuri li sawwruna bħala ġens u ta’ ħela kapriċċjuża ta’ flus midjuna. 

Il-poplu tagħna se jispiċċa ifqar fil-valuri morali u ifqar materjalment. 

Min hu fid-dmir li jikkundanna dan, se jkun kompliċi f’dan is-sagrileġġ.

Iż-żgħir u l-ħaddiem m’għandhomx biex jifirħu bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

Huma se jbatu l-aktar. 

Diġa’ daqu l-morr tal-politika ta’ l-Unjoni. 

* Sensji, 

* kundizzjonijiet imnaqqsa tax-xogħol, 

* għoli tal-ħajja, 

* telfien ta’ servizzi soċjali, 

* tnaqqis fil-pensjonijiet, 

* taxxi fuq l-oġġetti ta’ l-ikel u mediċini – 

* dan huwa l-frott qares tal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea.

F’dan kollu li qed iġarrab bis-sħubija li tibda sseħħ fl-1 ta’ Mejju, il-ħaddiem se jiftakar fil-jum għażiż tiegħu, f’Jum il-Ħaddiem. 

Fl-imgħoddi, fl-1 ta’ Mejju, il-ħaddiema fakkru l-kisbiet li għamlu. 

Din is-sena, barra li jfakkru l-kisbiet, il-ħaddiema Maltin se jipprotestaw għat-telfien ta’ ħafna kisbiet. 

Telf li qiegħed iseħħ minħabba s-sħubija fl-Unjoni skond il-ftehim li l-Gvern Malti ffirma fis-16 ta’ April tas-sena l-oħra.

Il-poplu Malti qed iħossu ttradut.

Ġie mwiegħed Rebbieha ġdida. 

Minflok sab ruħu f’Xitwa qalila. 

* Il-familji tal-ħaddiema tal-Menrad, 

* dawk tal-ħaddiema tat-tarzni, 

* dawk tal-ħaddiema tal-PBS, 

* dawk tal-ħaddiema ta’ l-Air Malta, 

* dawk tal-mijiet tal-ħaddiema l-oħra li ġew issensjati u li oħrajn ġarrbu telfien fil-pagi, 

 

iħossuhom ittraduti.

 

Politika Ħażina

 

HIJA l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar ix-xogħol u dwar il-kummerċ li qiegħda 

 

* toħloq il-qagħad, 

* tikkaġuna s-sensji, 

* tnaqqas l-investiment, 

* iddgħajjef is-servizzi soċjali u l-pensjonijiet u 

* tfaqqar aktar nies, 

* f’ħafna pajjiżi membri, inkluża Malta.

Għax l-Unjoni Ewropea qiegħda tinkoraġġixxi li l-industriji tal-manifattura jmorru fil-pajjiżi fejn jistgħu jisfruttaw il-ħaddiema b’pagi miżeri u kundizzjonijiet tax-xoghol mill-aghar. 

Hemm jistghu jaghmlu profitti aktar. 

Dan seta’ jsir biss bil-liberazzjoni tal-kapital, tal-ħruġ bla xkiel tal-flejjes kapitali mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea għall-pajjiżi fejn il-ħaddiema jiġu sfruttati mill-investituri ġejjin mill-Unjoni Ewropea.

Minflok tħares l-impjiegi u tkattarhom, il-politika ekonomika ta’ l-Unjoni Ewropea tħares biss il-profitt u jimpurtaha biss fejn jista’ jsir l-akbar profitt.

Malta, imsieħba fl-Unjoni Ewropea, issa saret vittma tal-politika ħażina ta’ l-Unjoni Ewropea. 

U l-ħaddiema l-iktar li se jintlaqtu biha. 

Għalhekk il-ħaddiema għandhom jipprotestaw fl-Ewwel ta’ Mejju kontra l-ftehim tas-sħubija li ma ħasibx kif iħares lill-ħaddiema Maltin mill-effetti ħżiena tal-politika żbaljata ta’ l-Unjoni.  

F’min se jwaħħlu

DAWK li bħalna sena ilu kienu jaqblu li sħubija fl-Unjoni Ewropea ġġibilna gwaj kbir, qegħdin jitmasħnu għax għadd ta’ votanti Laburisti qegħdin jgħidu li ma jridux imorru jivvutaw f’Ġunju li ġej, għax huma kontra li Malta ssir kolonja tal-barrani.

Aħna tas-CNI għamilniha ċara li mhux se nindaħlu jivvotaw jew ma jivvotawx, u lil min jivvotaw f’Ġunju għall-Parlament Ewropew. 

Għandna sostenituri Nazzjonalisti u Laburisti, u x’uħud jaħsbuha li għandhom jivvutaw, u oħrajn m’għandhomx. 

Għalhekk se nħallu lil kulhħadd fil-liberta` jimxi skond il-fehma tiegħu.

Ma naqblux mal-kelliema tal-partiti politiċi Maltin li jippruvaw jagħtu l-impressjoni li d-deputati Maltin fil-Parlament Ewropew se jagħmlu l-għeġubijiet, meta huma se jkunu waħdiet fil-gruppi tal-partiti Soċjalisti jew Popolari Ewropej.

Naħsbu li ħadu qatgħa kbira meta fis-16 ta’ April dehret f’ġurnal lokali intervista mogħtija mill-President tal-Parlament Ewropew, Pat Cox. 

Dan qal li dawk il-membri tal-Parlament Ewropew li se jibqgħu fit-trunċieri nazzjonali (jiġifieri, li moħhom biex jiġġieldu għal pajjiżhom), se jkunu qed jiġġieldu battalji mitlufa. 

Żied jgħid ukoll li jekk il-membri parlamentari maħtura minn Malta se jiġu hawn jitkellmu dwar pajjiżhom – se jsibu ruħhom iżolati u ma jkollhom ebda influwenza!

Minbarra dan, Pat Cox irredikolana mal-ġurnalisti ta’ l-Unjoni Ewropea meta ddeskriviena bħala nies b’mentalita` parrokkjali u li naraw kollox iswed jew abjad!

Dan lilna jħassibna. 

Kif se jilqgħu lid-deputati Maltin meta jiftħu ħalqhom biex ‘jiġġieldu għal Malta’, kif qegħdin jgħidu li se jagħmlu?

Dan qegħdin ngħiduh ħalli wara l-votazzjoni ta’ Ġunju, ma jkunx hemm min iwaħħal fina li ma kisibx appoġġ kbir tal-poplu. 

Għandu jwaħħal fih innifsu u kif huwa magħmul il-Parlament Ewropew.  

Innotajna…

LI dan l-aħħar il-Mexxej Laburista reġa’ stqarr li d-deċiżjoni li ħa l-poplu Malti fl-aħħar elezzjoni (u b’hekk Malta se tkun membru ta’ l-Unjoni Ewropea) “kienet żbaljata”.

L-ewwel kumment tagħna: 

jekk niftakru tajjeb, dik id-deċiżjoni ġiet sforz “l-ingann u l-qerq” li sar mill-Gvern Nazzjonalista, bl-għajnuna diretta ta’ l-Unjoni Ewropea. 

Għalhekk ma kienet deċiżjoni demokratika xejn!

It-tieni kumment: 

Jekk il-poplu ha deċiżjoni żbaljata, sinjal li issa se jbati minħabba d-deċiżjoni żbaljata. 

Għandna dmir li nuru lill-poplu kemm kien żbaljat fid-deċiżjoni li ħa. 

Eżempji diġa` għandna. 

U dan għadu l-bidu. 

B’hekk nikkonvinċu lill-maġġoranza tal-poplu biex darba oħra jappoġġa l-partit li kien wissa li niżbaljaw jekk nivvutaw favur sħubija fl-Unjoni.

It-tielet kumment: 

la l-poplu żbalja, għaliex m’għandux ikollu l-opportunita` li jsewwi l-iżball li għamel, u jagħżel minflok “sħubija fl-Unjoni”, “sħubija ma’ l-Unjoni” (jew “partnership”)?

Kemm kien ikun aktar għaqli u koerenti kieku ttieħdet din il-linja mill-ewwel wara r-riżultat ta’ l-aħħar elezzjoni, u mhux intremiet mill-ewwel u bla ħsieb?

Aħna tas-CNI hekk narawhom l-affarijiet. 

Min ikun fi żball, jagħmel li jista’ biex jirranġa u mhux jibqa’ fl-iżball. 

Poplu jekk żbalja, jixraqlu min imexxih lura għat-triq it-tajba, mhux min imexxih fit-triq żbaljata.

Xtarru dawn sewwa

MAX Kohnstamm, dwar l-integrazzjoni Ewropea, qal hekk:

"L-iskop tas-servizzi ta' informazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea hu - li żżarma dawk li jopponu l-integrazzjoni"!

Araw hux ghall-istess skop kien it-twaqqif ta' l-MIC f'Malta ffinanzjata mill-flus tal-Maltin u l-Għawdxin kollha - anki dawk li ma qablux mas-sħubija fl-UE!

John Major, ex-Prim Ministru Konservattiv Ingliz, fit-23 ta' April, 1992, qal:

"Isseħibna tard. Ir-regoli m'għamilnihomx aħna. Ħafna minnhom ma jgħoddux għalina".

Aħseb u ara kemm jgħoddu għalina li qegħdin nissieħbu 31 sena wara li l-Ingliterra ssieħbet, u se nibilgħu eluf kbar ta' regolamenti aktar milli kellhom l-Ingliżi jibilgħu 31 sena ilu. 

U se nagħmlu dan f'daqqa u mill-ewwel. 

X'indiġestjoni!

Il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Analiżi kritika ta' l-Abbozz tal-Kostituzzjoni ta' l-UE

mill-Professur Anthony Coughlan ta' l-Universita` ta' Dublin

Kolp ieħor kontra l-Parlamenti Nazzjonali

It-tneħħija tal-veto f'27 oqsma oħra

Nru 13.

Fl-ABBOZZ tal-Kostituzzjoni, il-vot b'maġġoranza fil-Kunsill tal-Ministri se jieħu post l-unanimita` f'madwar 27 oqsma ġodda. 

Dawn se jiżdiedu mal-l35 qasam li kienu diġa` maqbula fit-Trattat ta' Nizza fl-2002, u d-19-il qasam tat-Trattat ta' Amsterdam fl-1998.

Dawn l-oqsma ġodda jinkludu 

* l-koperazzjoni ġuridika f'materji ċivili u kriminali; 

* il-kontroll tal-fruntieri; 

* l-immigrazzjoni u l-eżilju;

* il-protezzjoni ċivili; 

* l-Europol u l-Eurojust; 

* il-fondi strutturali u ta' koeżjoni; 

* il-kultura; 

* politika kummerċjali; 

* l-enerġija; u 

* l-inizjattivi tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-UE.

Qed jiġi propost li titwessa' b'mod kbir il-politika ta' l-Unjoni dwar il-kummerċ komuni, billi jsir bħala skop ta' l-UE "it-tneħħija progressiva ta' restrizzjonijiet fuq investiment dirett barrani".

Kif ukoll li jitbaxxew "other barriers", u mhux biss ta' dwana, li dwarhom l-UE tkun tista' tikkonkludi trattati internazzjonali b'vot tal-maġġoranza. 

Dan jiftaħ it-triq biex l-UE tagħfas pajjiżi inqas żviluppati biex ineħħu l-kontrolli nazzjonali fuq investiment barrani, kif ukoll fuq servizzi tas-saħħa edukazzjoni u kultura, u jinkoraġġixxi l-privatizzazzjoni f'dawn l-oqsma.

L-Artiklu 14 jagħti poter lill-UE tadotta miżuri biex tikkordina l-politika ekonomika, il-politika tax-xogħol, u dik soċjali ta' l-istati membri.

L-Artikli III-62 u III-63 jipprovdu għal votazzjoni b'maġġoranza fuq taxxi tal-kumpaniji li għandhom x'jaqsmu ma koperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra firda fiskali, u evazjoni tat-taxxa, hekk kif il-Kunsill tal-Ministri jkun iddeċieda b'mod unanimu li dawn l-għanijiet huma mixtieqa. 

Dan huwa l-feles li se jintuża biex l-UE tindaħal ukoll dwar it-taxxi interni tal-pajjiżi membri.

L-Artiklu III-157 jdaħħal politika ta' l-Unjoni dwar l-enerġija u jaħseb għal-liġijiet ta' sorsi oħra ta' enerġija. 

X'uħud jibżgħu li dan se jagħti lil Brussels il-poter fuq ir-riżorsi nazzjonali taż-żejt u l-gass, fuq it-tfittxija tagħhom u l-liċenzji u n-negozjati dwarhom mal-pajjiżi tat-Tielet Dinja. 

B'hekk il-politika nazzjonali tkun suġġetta għad-deċiżjonijiet ta' l-UE meħuda b'maġġoranza.

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

 Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

Il-Ħamis, 29 ta’ April, 2004.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ..................................................

ID Numru...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ