MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
L-opinjoni
pubblika kontra l-UE
Għal ħafna
Maltin iċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena ta’ l-Unjoni Ewropea kienu
mtappnin bil-kwistjoni skandaluża tal-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa
f’pajjiżna.
Hija kwistjoni skandaluża minn kull lat.
Għax jekk hu minnu dak li qiegħda ssostni l-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti gideb u nganna lill-poplu qabel ir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni.
U jekk hu minnu
dak li jgħid il-Gvern Malti, l-Unjoni Ewropea issa qiegħda tmur lura
minn dak li qablet mal-Gvern fil-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni.
Il-poplu huwa mbellah bil-ħafna theddid ta’ l-Unjoni Ewropea lil pajjiżna
li jekk ma jagħmilx dak li l-Unjoni tordnalu, twaħħlu multi kbar.
Dawn il-multi jitħallsu mit-taxxi li l-poplu Malti jħallas.
Għalhekk
issa l-poplu, barra li jkollu jbati l-konsegwenzi ħżiena tas-sħubija
fl-Unjoni bit-telfien ta’ eluf ta’ impjiegi u t-tnaqqis
tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħafna ħaddiema, se
jkollu wkoll jħallas multi kbar lill-Unjoni.
Qabel ir-referendum ta’ l-2003 lill-poplu kienu żgurawh li bis-sħubija fl-Unjoni, ikollu rebbiegħa sabiħa ġdida.
Fit-tliet snin minn mindu sseħibna fl-Unjoni, kellna xitwa kerha, u agħar se jkollna fis-snin li ġejjin meta jispiċċaw id-derogi li ngħatajna mir-regoli ta’ l-Unjoni.
Mhux il-kaċċaturi u n-nassaba biss m’għandhomx rebbiegħa sabiħa, iżda l-kotra tal-poplu, ħlief il-ftit li dabbru rashom u qegħdin ipappuha tajjeb minn fuq l-Unjoni.
Il-maġġoranza
kontra s-sħubija
Kieku l-poplu
Malti kellu llum jiġi mistoqsi jekk jaqbilx mas-sħubija fl-Unjoni
Ewropea, ir-riżultat ikun bil-maqlub ta’ dak li kien fir-referendum ta’
tliet snin ilu, għax illum il-maġġoranza tgħid le.
U dan il-fenonimu seħħ fi tliet snin minkejja li l-mexxejja
tal-partiti politiċi kollha huma favur is-sħubija, u jgħidu li
pajjiżna ma jistax ireġġa’ l-arloġġ lura għal
qabel ma sseħibna fl-Unjoni.
Il-maġġoranza daret kontra s-sħubija fl-Unjoni Ewropea mhux għax
naqset il-propaganda favur l-Unjoni.
Anzi l-propaganda kibret u l-infieq tal-flus fl-attivitajiet ta’ propaganda żdied, mhux naqas, fil-waqt li l-propaganda kontra l-Unjoni Ewropea naqset ħafna minn dik li kienet qabel ir-referendum.
L-opinjoni pubblika mhux biss f’pajjiżna hija llum kontra l-Unjoni
Ewropea.
Fl-istess ġranet ta’ meta l-Unjoni fakkret it-twelid tagħha 50 sena
ilu, il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni kellhom quddiemhom ir-riżultat
ta’ stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika fil-pajjiżi ta’
l-Unjoni, li hija kontra li l-Unjoni tingħata setgħat aktar.
Il-mexxejja żgur inħasdu meta, waqt li huma kienu qegħdin jiftaħru bl-Ewro, sabu mill-istess stħarriġ, li l-maġġoranza
tal-poplu fil-pajjiżi li daħħlu l-Ewro, huma favur li jerġgħu
jdaħħlu lura l-munita tagħhom minflok l-Ewro, u li 11-il pajjiż
ta’ l-Unjoni mill-14 li għad ma daħħlux l-Ewro, il-maġġoranza
ma tridx l-Ewro.
Il-Ko
Il-mexxejja
tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea miġburin f’Berlin il-ġimgħa
l-oħra kellhom jammettu li mhux possibbli li jbellgħu lill-poplu ta’
għadd ta’ pajjiżi ta’ l-Unjoni l-Kostituzzjoni ta’ l-UE li
l-mexxejja kienu ffirmaw f’Ruma f’Ottubru ta’ l-2004.
Għalhekk fid-Dikjarazzjoni ta’ Berlin lanqas tissemma l-Kostituzzjoni, u jingħad biss li huma għandhom l-għan li jġeddu s-sisien komuni ta’ l-UE qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fil-2009 (“we are united in our aim of placing the European Union on a renewed common basis before the European Parliament elections in 2009”).
Ma ssemmitx il-Kostituzzjoni li l-Franċiżi u l-Olandiżi ċaħdu
u li l-Parlament Malti approva unanimament, għax huwa magħruf li hemm
numru ta’gvernijiet li ma jaqblux magħha llum, għalkemm kienu
ffirmawha fl-2004.
Dawn il-gvernijiet jafu li l-opinjoni pubblika fil-pajjiżi tagħhom
hija kontra l-Kostituzzjoni li l-Unjoni kienet fasslet tliet snin ilu.
Dak in-nhar il-gvernijiet tal-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni kienu persważi
li l-poplu kien entużjast għall-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni.
Illum numru mill-gvernijiet jafu li l-poplu dar kontra l-Unjoni u ma jridx li din tingħata setgħat aktar, u għalhekk dar kontra l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.
F’pajjiżna wkoll il-maġġoranza tivvota kontra l-Kostituzzjoni
ta’ l-Unjoni kieku tingħata l-opportunitŕ ta’ referendum dwar jekk
taqbilx jew le mal-Kostituzzjoni kif tfasslet, u dan minkejja li l-Parlament
Malti kien ivvota favuriha sentejn ilu.
L-impjiegi
fi SmartCity ifaqqsu
Kull darba li nisimgħu kemm se jitħaddmu nies bil-proġett ta’ SmartCity, jiġi f’moħħna li qatt ma jgħidu kemm intilfu u se jintilfu mpjiegi bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropa.
Illum SmartCity saret il-‘joker’ tal-Ministru Austin Gatt.
Qed idaħħal din il-karta f’kull argument biex jipprova jikkonvinċi kemm għandna Gvern ‘smash’ u kemm qablilna li dħalna fl-UE.
L-argument prinċipali li Gatt isemmi hu l-eluf dejjem jiżdiedu ta’
mpjiegi li suppost se jinħolqu fi SmartCity.
Beda b’5,600.
Tela’ għal 7,600, u issa semma’ l-figura ta’ 10,600 sas-sena 2018 – daqskemm kien hemm nies jaħdmu fid-Dockyard fl-aqwa tagħha!
Ninnotaw li dawn il-figuri qed iżidhom jew qabel jew wara li jsiru
l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali.
Billi s-sena l-oħra l-5,600 impjieg ma mpressjonaw lil ħadd u l-PN tilef dik l-elezzjoni tal-Kunsilli, din is-sena, qabel l-elezzjoni ta’ l-10 ta’ Marzu, żied il-figura u tellagħha għal 7,600!
Għal darb’oħra t-‘trick’ ma ħadimx.
U allura issa reġa’ għolla l-figura għal 10,600 bit-tama li l-PN jirbaħ l-elezzjoni ġenerali.
Ma tkunx sorpriża jekk jerġa’ jgħolli l-figura għal 20,000 impjieg sa lejlet l-elezzjoni ġenerali!
Il-Ministru Gatt – li dejjem jghid li Tecom Investments gew Malta għax pajjiżna qiegħed fl-UE – infakkruh li waqt li kien qal li lest jilgħab imħatra li l-fabbriki kollha tat-tessuti jagħlqu sa għaxar snin oħra (u qatt ma jsemmi kemm se jintilfu impjiegi), dwar l-eluf ta’ impjiegi li qed jgħid se jinħolqu fi SmartCity, qatt ma qal li lest jilgħab imħatra!
Il-minestra
msaħħna ta’ Berlin
L-għanijiet tajbin ta’ l-Unjoni Ewropea ma jiġġustifikawx il-mezzi ħżiena wżati biex l-għanijiet jitwettqu.
Fil-kantaliena
ta‘ eloġji li ntisġu waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-50
anniversarju ta’ l-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma li waqqaf il-Komunitŕ
Ekonomika Ewropea li żviluppat fl-Unjoni Ewropea, faħħru kemm felħu
l-għanijiet ta‘ l-Unjoni, iżda naqsu li jiflu l-mezzi wżati
minnha u l-politika adottata minnha, li qegħdin ibegħdu minnha faxex
kbar tal-poplu li minflok iberkuha, jisħtuha.
L-aqwa kritiċi ta’ l-Unjoni ssib li huma dawk li huma qribha, li żaru
l-istituzzjonijiet tagħha u skandalizzaw ruħhom u tqażżu
b’dak li raw b’għajnejhom u esperjenzaw, u la huma lagħqa u lanqas
iħarsu l-interessi personali tagħhom qabel dawk ta‘ pajjiżhom,
u lanqas iqisu kemm se jgawdu huma mingħajr ma jimpurtahom kemm se jbatu
l-kotra tal-poplu.
M’humiex oġġettivi u korretti l-politiċi li fl-Unjoni jaraw opportunitajiet ta’ gwadann għalihom u li għalihom huma lesti li jissagrifikaw l-interessi nazzjonali tal-poplu tagħhom.
Kif lanqas ma huma ta’ min jagħti kredtu l-operaturi tal-midja li l-Unjoni tagħlifhom regolarment mingħajr ma tintbagħad għall-ispejjeż, sabiex huma jagħmlu propaganda li ma taqta’ xejn favur l-Unjoni.
Fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju ta’ l-Unjoni Ewropea
ħadd mill-mexxejja ma kellu d-dehen jisħaq li jsir eżami
bir-reqqa tal-politika ta’ l-Unjoni fl-oqsma ekonomiċi u soċjali, li
qiegħda tissarraf f’inġustizzji soċjali kbar għal miljuni
f’ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni fejn l-inugwaljanzi soċjali qegħdin
jiżdiedu u mhux jonqsu minħabba n-nuqqas ta‘ xogħol għal
miljuni, minħabba t-tnaqqis fis-servizzi soċjali, u minħabba l-ħakma
tal-profitti tas-suq fuq il-ħtiġijiet tal-bniedem.
Min iżur il-bini u l-uffiċini ta’ l-Unjoni Ewropea fi Brussels, fi
Strasburg u fil-Lussemburgu u jmiss mal-kapijiet, l-uffiċjali u l-impjegati
ta’ l-Unjoni, u mal-membri tal-Parlament tagħha u l-assistenti tagħha,
jixxokkja ruhu bil-lussu, bl-abbundanza u l-ħela li jara, waqt li jiftakar
li l-poplu ta’ pajjiżu qiegħed jogħtor bil-piż tat-taxxi
li jmorru ħalli tinżamm dik il-kukkanja kollha ta’ l-Unjoni.
Il-festi solenni li l-Unjoni Ewropea organizzat f’Berlin fl-aħħar tal-ġimgha l-oħra ma jixhdux bidla għall-aħjar fl-Unjoni.
Id-Dikjarazzjoni li l-Unjoni ħarġet, magħrufa bħala d-Dikjarazzjoni ta’ Berlin, hija minestra msaħħna, għax ma tgħid xejn ġdid li ma ntqalx kemm-il darba qabel, dwar l-imgħoddi u l-ġejjieni ta’ l-Unjoni.
Fuq kollox l-Unjoni naqset li tiddikjara x’azzjoni se tieħu ħalli tħares lill-ħaddiema mill-impatt tal-globalizzazzjoni u ma tindaħalx aktar fil-mod kif jitmexxew il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.
L-indhil
tal-politiċi Ewropej fl-edukazzjoni
Skond rapport li
deher fis-Sunday Express tal-5 ta’ Frar li għadda, il-Gvern Ġermaniż,
li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, irid li
fl-iskejjel kollha fl-Istati kollha membri ta’ l-Unjoni Ewropea jkun hemm
sillabu wieħed ta’ tagħlim.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Ġermaniża, Annette Schavan, qalet
hekk:
“Il-kurrikola (is-suġġetti li għandhom jiġu mgħallma fl-iskejjel) Nazzjonali m’għandhomx jgħidu x’suġġetti għandhom jiġu mgħallmin, iżda x’oġġettivi u riżultati huma maħsubin biex jintlaħqu. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq qafas ta’ l-UE”. (“National Curricula should not describe what is to be taught but objectives and outcomes intended. These should be based on an EU framework”.)
Nistaqsu:
X’se tgħid il-Malta Union of Teachers (MUT)?
Jaqblu li anke fejn tidħol l-edukazzjoni ta‘ uliedna, l-awtoritajiet Maltin għandu jitneħħielhom id-dritt li jiddeċiedu x’suġġetti għandhom jiġu mgħallma fl-iskejjel tagħna?
U li dan id-dritt tant importanti jgħaddi f’idejn burokratiċi
barranin li żgur mhux se jagħtu kas ta‘ ċirkostanzi partikolari
li għandu pajjiżna?
Issa waħda mill-kmandamenti ta’ l-UE hi s-SUSSIDJARJETŔ.
Jiġifieri li d-deċiżjonijiet li jolqtu liċ-ċittadin għandhom jittieħdu fil-livell aktar viċin taċ-ċittadin, jekk dan ikollu l-aħjar riżultat.
Issa żgur li fejn tidħol l-edukazzjoni, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu f’livelli nazzjonali, jekk mhux ukoll, f’każi partikolari, l-aħjar li jittieħdu f’livell reġjonali.
Imma żgur mhux f’livell ’il bogħod ħafna, fi Brussels!
Din hija prova oħra li fl-UE bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar
jikkumbatti.
Il-Ħamis, 29 ta' Marzu, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ