MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman
Kampanja Ħelsien
Nazzjonali
CNI
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Il-Kostituzzjoni UE vs il-Kostituzzjoni ta’ Malta
L-ISFIDA kbira li għandha l-Oppożizzjoni Laburista fil-Parlament hija jekk għandhiex tmur kontra l-Kostituzzjoni ta‘ Malta u tivvota favur il-Kostituzzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea.
Għax dawk il-Membri Parlamentari Laburisti li jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta‘ l-Unjoni Ewropea jkunu qegħdin jivvotaw biex il-Kostituzzjoni ta‘ Malta (Magħmula bis-saħħa ta‘ Gvern Laburista), ma tibqax suprema f‘Malta fuq il-liġijiet kollha li jorbtuna.
Ikunu qegħdin jivvotaw favur dak li l-Kostituzzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea tgħid, li l-liġijiet li tagħmel l-Unjoni Ewropea huma superjuri u jipprevalu fuq il-Kostituzzjoni ta‘ Malta.
Kien minħabba din l-isfida kbira li l-Partit Laburista għandu quddiemu li qabel l-aħħar Konferenza Ġenerali Annwali Laburista, il-veteran Laburista Karmenu Sciberras, ta‘ Hal-Għargħur, u jiena, għamilna mozzjoni li tgħid li l-Konferenza Ġenerali taqta‘ li l-Oppożizzjoni Laburista fil-Parlament m‘għandhiex tivvota favur il-Kostituzzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea li tgħid li l-liġijiet li tagħmel l-Unjoni jkunu fuq u jipprevalu fuq il-Kostituzzjoni ta‘ pajjiżna.
Dik il-mozzjoni, li ma tressqitx quddiem il-Konferenza Ġenerali Annwali għax il-Partit iddeċieda li jiddiskuti l-kwistjoni tal-Kostituzzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea wara l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali, se titressaq quddiem il-Konferenza Ġenerali Straordinarja Laburista li jmiss f‘nofs din is-sena.
Wara r-rebħa Laburista tat-12 ta‘ Marzu, il-Partit għandu jkollu kuraġġ akbar li għandu l-appoġġ popolari biex iwettaq dak li l-Konferenza Ġenerali Laburista iddeċidiet fid-9 ta‘ Novembru 2003.
Dak in-nhar il-Konferenza Ġenerali rabtet lill-Partit Laburista biex anki waqt li huwa fl-Oppożizzjoni, jaħdem bla heda ħalli jxejjen l-aspetti negattivi kollha tal-ftehim tas-sħubija li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma‘ l-Unjoni Ewropea u biex jara li l-ftehim ma‘ l-Unjoni Ewropea ma jkunx żvantaġġjuż u ta‘ ħsara għall-poplu Malti, speċjalment għall-ħaddiema.
Il-maġġoranza miksuba mill-Partit Laburista fit-12 ta‘ Marzu qablet mad-deċiżjoni tad-9 ta‘ Novembru 2003 tal-Konferenza Ġenerali Laburista.
Il-Membri Parlamentari Laburisti li jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta‘ l-Unjoni Ewropea jkunu qegħdin imorru kontra dik id-deċiżjoni tal-Konferenza Ġenerali Laburista tad-9 ta‘ Novembru 2003, għax il-Kostituzzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea qiegħda ġġedded il-Ftehim, bl-aspetti negattivi tiegħu kollha, li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma‘ l-UE. Ikunu wkoll qegħdin japprovaw li titwarrab id-dikjarazzjoni dwar in-newtralità ta' Malta li l-Gvern Malti għamel mal-ftehim u li l-Kostituzzjoni ġdida ta‘ l-UE tħalli barra.
Il-Membri Parlamentari Laburisti li jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea jkunu qegħdin ukoll jivvotaw favur it-tnawwir tal-welfare state mibni minn gvernijiet Laburisti.
Għax il-Kostituzzjoni ġdida ta‘ l-Unjoni Ewropea torbotna li nwettqu politika neo-liberali li tnaqqas is-servizzi soċjali u l-pensjonijiet ipprovduti mill-Istat.
Il-Membri Parlamentari Laburisti li jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea jkunu qegħdin ukoll jivvotaw kontra li pajjiżna jissokta bil-politika ta‘ newtralità u ħidma attiva għall-paċi.
Għax il-Kostituzzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea ġġagħlna nieħdu sehem f‘alleanza militari u nsegwu politika komuni ta‘ sigurtà u ta‘ difiża mibnija fuq il-militarizzazzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea, li tinkludi wkoll l-armi nukleari ta‘ Franza u ta‘ l-Ingilterra.
Kemm-il darba l-Membri Parlamentari Laburisti ma jiftehmux mal-Membri tal-Gvern Nazzjonalista biex jittradixxu l-ġurament li ħadu li jkunu leali u fidili għall-Kostituzzjoni ta‘ Malta, ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta‘ l-Unjoni Ewropea ma ssirx b‘maġġoranza ta‘ żewġ terzi tal-Parlament kollu u l-Kostituzzjoni ta‘ Malta tibqa‘ sħiħa, u l-Partit Laburista jibqagħlu d-dritt li jiġġieled kontra dak kollu li l-Unjoni Ewropea tagħmel kontra dak li tgħid il-Kostituzzjoni tagħna.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
It-Tlieta, 29 ta' Marzu, 2005.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar