MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

It-tort tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea

 

Is-sensji li ngħataw u l-qgħad li hawn f’pajjiżna għandhom x’jaqsmu mal-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea? 

 

Din il-mistoqsija saret kemm lil dawk li ħadmu favur il-ftehim li sar mill-Gvern Malti ma’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll lil oħrajn li sat-12 ta’ April tas-sena l-oħra (meta saret l-Elezzjoni Ġenerali) kienu iħambqu kemm-il ftehim kien ta’ periklu għall-ħaddiema Maltin u GĦawdxin.

Konna nistennew li dawk li ħadmu favur il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea jiċħdu li s-sensji u l-qgħad kellhom x’jaqsmu miegħu. 

 

Ma konniex nistennew iżda li x’uħud milli qabel ir-refendum u l-Elezzjoni Ġenerali kienu jgħidu li l-ftehim tas-sħubija kien se jipperikola l-impjiegi tal-ħaddiema f’għadd ta’ fabbriki li kienu isemmgħu, issa bidlu d-diska, giddbu lilhom infushom u qegħdin jgħidu li s-sensji u l-qgħad m’għandhomx x’jaqsmu mal-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

Min jaħti?

 

Il-Gvern u l-propagandisti tiegħu jsostnu li la l-Unjoni Ewropea u lanqas il-Gvern Malti ma jaħtu għas-sensji u l-qgħad. 

 

Skond dawn, is-sensji u l-qgħad huma konsegwenza tal-globalizzazzjoni u tal-kompetizzjoni sfrenata tas-suq.

Dawk li huma kontra l-Gvern Nazzjonalista iżda issa ma jridux jitkellmu aktar kontra l-ftehim tas-sħubija qegħdin igħidu li huwa l-Gvern Nazzjonalista u mhux il-ftehim tas-sħubija, li jaħti għas-sensji u l-qgħad u jisħqu fuq il-burokrazija li hawn li qiegħda tnaffar l-investituri barranin.

Iżda dawk li llum ma jridux jitkellmu dwar il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea ma jafux jispjegaw kif il-burokrazija u l-Gvern qegħdin iġiegħlu lil kumpaniji li kienu f’Malta jitilqu għal pajjiżi oħra u kif il-burokrazija u l-Gvern ġiegħlu fabbriki li kienu jaħdmu għas-suq lokali jagħlqu u jitfgħu lill-ħaddiema barra.

Hija ħaġa ċara li min qabel kien iwissi kontra l-ħsara tal-ftehim tas-sħubija u issa qiegħed jinsa t-twissijiet tiegħu u qiegħed jiċħad li l-ftehim huwa kaġun tas-sensji u l-qgħad, ma jistax jibqa’ kredibbli mal-poplu.

 

Ikun kredibbli jekk jgħid li l-ħatja tas-sensji u l-qgħad f’pajjiżna huma kemm-il Gvern Malti kif ukoll l-Unjoni Ewropea.

 

Għaliex jaħti l-ftehim?

 

Il-Gvern Nazzjonalista jaħti għas-sitwazzjoni imwegħra tax-xogħol u l-impjiegi f’pajjiżna għax mexa u qiegħed jimxi b’politika ekonomika u kummerċjali li qaltlu l-Unjoni Ewropea biex jaddotta ħalli l-Unjoni taċċetta li ssieħeb lil Malta.

Għalhekk l-Unjoni Ewropea taħti għas-sensji u l-qgħad għax dawn huma konsegwenzi tal-politika ekonomika u kummerċjali li l-Gvern Malti mexa u qiegħed jimxi biha skond ma trid l-Unjoni Ewropea.

Meta l-Gvern Malti daħħal it-taxxa tal-VAT f’pajjiżna, għamel dan għax hekk kien imġiegħel mill-Unjoni Ewropea.

 

It-taxxa tal-VAT tat daqqa ta’ ħarta lin-negozju f’pajjiżna u żiedet l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-ispejjeż fl-industrija tat-turiżmu.

Meta l-Gvern Malti neħħa l-levies fuq l-oġġetti importati, għamel dan għax hekk kien imġiegħel mill-Unjoni Ewropea.

 

It-tneħħija ta’ l-import levies żiedet l-importazzjoni ta’ l-oġġetti barranin u naqqset il-bejgħ u l-produzzjoni ta’ oġġetti simili li kienu jinħadmu lokalment. 

 

Dan ikkaġuna l-għeluq ta’ għadd ta’ stabbilimenti Maltin u s-sensja tal-ħaddiema li kienu jaħdmu fihom.

Min jgħid li kemm id-dħul f’pajjiżna tat-taxxa tal-VAT kif ukoll it-tneħħija ta’ l-import levies saru qabel ma ġie ffirmat il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, ikun qiegħed jinsa li ż-żewġ miżuri ttieħdu minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea u li mingħajrha, ma kienx ikollna għalfejn indaħħlu t-taxxa tal-VAT u nneħħu l-import levies.

 

Politika ħażina ta’ l-Unjoni Ewropea

 

Min jgħid li s-sensji u l-qgħad m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-Unjoni Ewropea għax Malta għandha ma sseħbitx fl-Unjoni u se tagħmel dan fl-1 ta’ Mejju li ġej, ikun irid inessi li l-Gvern Malti ilu issa s-snin li addotta l-politika ekonomika u kummerċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ħalli jkun maqbul ma’ l-acquis communitaire ta’ l-Unjoni Ewropea, tant li l-Gvern Malti ma’ l-ewwel għamel pjan nazzjonali ħalli jimplimenta l-acquis u waqqaf il-MUSEAC ħalli jfassal kif pajjiżna jagħmel tiegħu d-direttivi u l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea f’kull qasam tal-ħajja.

Tajjeb li naraw x’inhuma r-riżultati tal-politika ekonomika u kummerċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni biex ikollna ħjiel ta’ x’se jkunu l-effetti ta’ dik il-politika ta’ l-Unjoni fuq Malta bħala membru ta’ l-Unjoni.

Illum l-industrija tal-manifattura u l-industrija ta’ l-informatika fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin it-tnejn jonqsu u qegħdin jemigraw lejn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, l-aktar lejn pajjiżi fil-Lvant imbiegħed, bħall-Indja u ċ-Ċina.

Jekk il-politika ekonomika u kummerċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mhix kapaċi żżomm fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni l-kumpaniji tal-manifattura u ta’ l-informatika, kif tista’ Malta, li tapplika l-istess politika ekonomika u kummerċjali ta’ l-Unjoni Ewropea żżomm fil-pajjiż il-kumpaniji tal-manifattura u ta’ l-informatika?

Il-ħsara li qiegħda ssir fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea lill-industriji, issir ukoll f’Malta lill-industriji tagħna b’konsegwenza tat-twettieq tal-politika ekonomika u kummerċjali ħażina ta’ l-Unjoni Ewropea.

Minħabba l-politika ekonomika u kummerċjali żbaljata ta’ l-Unjoni Ewropea, l-investituri Ewropej minflok jinvestu flushom fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni, isibuha li jaqblilhom jinvestu f’pajjiżi barra l-Unjoni.

 

Dan ifisser li l-investituri Ewropej mhux se jinvestu f’pajjiżna għax issieħeb fl-Unjoni Ewropea u għalhekk is-sħubija fl-Unjoni Ewropea se tgerrxilna l-investiment barrani.

Mingħajr investiment barrrani ma jinħoloqx xogħol u mpjiegi ġodda f’pajjiżna. 

 

Mingħajr xogħol ġdid u mpjiegi ġodda, ma nsolvux il-problema tal-qgħad.

Bis-sensji u bil-qgħad nheddu s-servizz soċjali, il-pensjonijiet u l-welfare state ta’ pajjiżna.

Għal dan l-għawg kollu, jaħti l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Min ma jammettix dan, ikun jew imqarraq, jew irid iqarraq.

 

Il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE

 

F’din il-paġna se nippubblikaw siltiet minn analiżi kritika ta’ l-abbozz tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea, magħmul mill-Professur Anthony Coughlan, ta’ l-Università ta’ Dublin, l-Irlanda.

 

Nru 1 - Kostituzzjoni u trattat

 

Il-Kostituzzjoni hija l-ogħla liġi ta’ stat.

 

Hija għandha supremazija (primacy) fuq il-liġijiet tal-pajjiż, fuq il-liġijiet tal-provinċji jew tar-reġjuni, f’każ ta’ konflitt bejniethom. 

 

Hija l-aħħar sors ta’ awtorità legali għat-territorju li hija tiggverna.

 

Hija tiġi nforzata permezz ta’ Qorti Suprema.

Fil-każ ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Qorti Suprema hija l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni fil-Lussemburgu.

Trattat huwa ftehim bejn stati sovrani.

Dak li l-gvernijiet tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin jikkunsidraw bħalissa huwa abbozz ta’ trattat.

 

Biex nagħtu t-titlu eżatt tiegħu, dan huwa 

 

“Abbozz ta’ Trattat li Jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa”, (Draft Treaty Establishing a Constitution for Europe).

Xi wħud li jixtiequ jaljenaw l-attenzjoni tan-nies mill-karattru rivoluzzjonarju ta’ din il-Kostituzzjoni, isejħulha skorrettament
“Abbozz ta’ Trattat Kostituzzjonali għall-Unjoni Ewropea” (Draft Constitutional Treaty for the European Union).

Il-Kostituzzjoni li qiegħda tiġi diskussa qiegħda terġa’ twaqqaf l-Unjoni Ewropea fuq bażi legali kompletament ġdid.

 

Il-bażi legali ta’ l-Unjoni Ewropea se tkun il-Kostituzzjoni tagħha, kif jiġri f’kull stat normali. 

 

Hija se tagħti lill-Unjoni Ewropea personalità legali għall-ewwel darba u se tagħmilha attur internazzjonali (international actor), bħal ma huwa kull stat, bid-drittijiet kollha ta’ stat (in its own right), separata mill-istati membri ta’ l-Unjoni u superjuri għall-istati membri tagħha.

 

Il-Kostituzzjoni ġdida se tħassar (repeals) it-trattati kollha li jeżistu llum fl-Unjoni Ewropea, mit-Trattat ta’ Ruma sat-Trattat ta’ Nizza. 

 

Dawn se jsiru bil-Kostituzzjoni ġdida nulli u bla effett skond ma jgħid l-Artiklu IV-2 tal-Kostituzzjoni ġdida.

 

Għalhekk din il-Kostituzzjoni se tbiddel l-Unjoni Ewropea tal-lum f’entità legali kompletament differenti minnha.

L-Artiklu IV-3 tal-Kostituzzjoni ġdida jipprovdi li l-Unjoni Ewropea bbażata fuq il-Kostituzzjoni, hija s-suċċessur legali tad-drittijiet, l-obbligazzjonijiet, istituzzjonijiet u proprjetà li għandha l-Unjoni Ewropea tal-lum.

Fl-istess ħin il-Kostituzzjoni ġdida se tbiddel ir-regolamenti kif titmexxa l-Unjoni fl-interess ta’ l-istati l-kbar.

Il-Kostituzzjoni se żżid konsiderevolment il-poteri ta’ l-Unjoni li għandha llum.

Huwa żball (misnomer) li wieħed isejjaħ din il-Kostituzzjoni “Kostituzzjoni għall-Ewropa”. 

 

Propjament hija “Kostituzzjoni għall-Unjoni Ewropea”. Stati qodma ta’ l-Ewropa, bħal m’huma r-Russja, l-Isvizzera, in-Norveġja u l-Islanda m’humiex parti mill-Unjoni Ewropea imma xorta waħda huma parti mill-Ewropa.

Il-pretensjoni arroganti li l-Unjoni Ewropea hija l-“Ewropa”, hija biss biċċa propaganda li issa ilha għaddejja s-snin!

 

Il-Ħamis, 29 ta’ Jannar, 2004

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ