MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

        

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

  NAĦDMU BIEX NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

  Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Il-valuri ta’ l-UE ma jgħoddux għalina

 

Waqt li l-Kanċillier Ġermaniza Angela Merkel qiegħda tgħid li trid li l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea ssemmi li l-Ewropa għandha l-għeruq tagħha fil-Kristjaneżmu, f’ħafna pajjiż ta’ l-Unjoni lanqas jitħallew jagħtu lil xulxin il-Milied it-tajjeb għax ma jistax jissemma t-twelid ta’ Ġesù Bambin, bl-iskuża li ma joffendux is-sentimenti ta’ dawk li ma jemmnux bi Kristu.

Qabel ir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienu jħeġġuna biex nivvotaw favur is-sħubija ħalli nsaħħu l-valuri nsara tagħna. 

 

Illum, tlett snin wara qegħdin insibu li ma għandniex lanqas insemmu fl-Unjoni Ewropea li aħna nsara u ma għandna nagħmlu qatt xejn fil-pubbliku li juri t-twemmin nisrani tagħna.

F’ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni ma jistgħux fil-vetrini tal-ħwienet iqiegħdu l-presepju jew ix-xbiha ta’ Ġesù Bambin.

 

Fil-kartolini ta’ l-awguri ma jistgħux isemmu l-Milied u l-Istrina. 

 

Ma tista’ ssir ebda referenza għat-twemmin reliġjuż nisrani. 

 

Aħseb u ara kemm se jissaħħu l-valuri nsara li nibtu bit-twelid tal-Messija elfejn u sitt snin ilu fil-Palestina.

F’xi pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea ma jistgħux iddendlu kurċifiss fil-klassi ta’ l-iskola u lanqas jistgħu jibdew l-iskola b’talba, u l-għalliema ma jistgħux ikollhom fuqhom jidhru oġġetti reliġjużi, aħseb u ara kemm jistgħu jħarrġu lill-istudenti fil-valuri nsara.

F’ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea l-qdusija tal-familja hija meqjusa bħala antikalja u ma hemmx lokha fiż-żminijiet moderni tal-lum. 

 

Iż-żwieġ ma hux rabta iżda ċoff li jinħall u mhux bilfors bejn raġel u mara, u t-tqala tista’ titwaqqaf meta trid. 

 

Li jiġi għal idejk, tagħmlu, basta tagħmel qligħ jew tieħu gost, u mhux jekk hux sewwa jew ħażin. 

 

L-Alla tiegħek huwa l-qligħ u l-gost, u tagħti kas ta’ għajrek sakemm jaqbillek. 

 

Dawn huma l-valuri ta’ l-Unjoni Ewropea – dawgħa kontra l-valuri nsara.

Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea l-valuri tradizzjonali tagħna huma mhedda u aktar ikunu mhedda fil-ġejjieni hekk kif tiżdied kuljum il-pressjoni biex il-poplu tagħna jkun f’kollox bħal popli l-oħrajn ta’ l-Unjoni għaliex inkella jitqies li għadu poplu lura u inferjuri. 

 

Minflok li nifhmu kemm il-valuri tradizzjonali tagħna huma itjeb u aħjar minn dawk ta’ ħafna mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni, qiegħda tikber il-manija fostna li niċħduhom għaliex l-Unjoni Ewropea għandha valuri oħra li, għax huma ta’ l-Unjoni, inqisuhom superjuri għal tagħna.

Ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea ma jgħinuniex biex inżommu mhux mittiefsa l-valuri sodi tagħna għaliex iġagħluna nimxu skond ma jidhrilha l-Unjoni li huwa sewwa, meta dan ikun kontra dik li dejjem emminna u ħaddanna. 

 

L-agħar prova ta’ din it-theddida għall-valuri tradizzjonali tagħna hija x’tammar l-Unjoni Ewropea fil-Kostituzzjoni li fasslet li fl-Artiklu 11-81 titkellem dwar “l-orjentazzjoni sesswali” ta’ persuna. 

 

L-Unjoni tipprojbixxi li nagħtu kas l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fl-imġieba tagħna magħha. 

 

Dan ifisser li ma tistax ma tħaddimx persuna li inti tafha li tista’ tkunlek ta‘ ħsara minħabba il-ġibdiet sesswali tagħha partikolari, għaliex jekk tagħmel hekk inti tkun mixli b’diskriminazzjoni u bi ksur ta’ dritt fundamentali ta’ dik il-persuna.

Meta qalulna li bis-sħubija fl-Unjoni nsaħħu l-valuri nsara tagħna, qarrqu bina. 

It-tort mhux tal-poplu li ngannaw. 

Ikun tort tagħna jekk issa li ntbaħna bil-qerq, ma naħdmux biex nitbegħdu minnu mill-aktar fis possibbli. 

Ma nibqgħux maħkuma mill-Unjoni.

Bis-sħubija morna lura

Tnejn u tletin xahar wara li sseħibna fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju, 2006, ħafna familji Maltin jistqarru bla tlaqliq li marru lura mhux ’il quddiem, kontra l-wegħdiet kollha li għamlulna qabel ir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni.

Il-maġġoranza kbira tal-familji bid-dħul jew pagi li għandhom, ma jistgħux jixtru jew jibnu dar għax bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea l-prezzijiet ta’ l-artijiet u tad-djar għolew ferm u ferm aktar milli żdiedu l-pagi jew id-dħul tal-familji. 

Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea il-ħajja għoliet ħafna aktar milli żdiedu il-pagi jew id-dħul tal-maġġoranza kbira tal-familji Maltin u Għawdxin.

Għal ftit fostna iżda, is-sħubija fl-Unjoni swiet ta’ ġid, waqt li għall-kotra, swiet ta’ deni.

Il-familji ta’ ħafna ħaddiema u impjegati li tilfu x–xogħol minħabba s-sħubija fl-Unjoni jew li ġarrbu tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, is-sħubija fl-Unjoni ġabitilhom tbatijiet u diffikultajiet kbar. 

Fost dawn hemm: 

* il-ħaddiema tat-tarznari, 

* dawk tas-Sea Malta, 

* l-impjegati ta’ ħafna fabbriki li għalqu jew ċkienu. 

Bis-sħubija fl-Unjoni marru lura:

* l-produtturi tat-tiġieġ,

* l-impjegati ta’ l-Air Malta u 

* dawk tal-Public Broadcasting Services

Marru lura:

* ir-raħħala, 

* ħafna mill-bdiewa u s-sajjieda, li issa tnaqqsilhom l-ammont ta’ ħut li jistgħu jaqbdu. 

Marret lura wkoll bis-sħubija fl-Unjoni: 

* l-industrija tat-turiżmu bħal ma seħħ fil-każ ta’ l-industrija tal-manifattura.

Id-dħul mill-esportazzjoni tal-prodotti u mill-bejgħ tas-servizzi naqas flok ma żdiedu kif kienu jwegħduna li se jiġri meta nissieħbu fis-suq kbir komuni ta’ l-Unjoni Ewropea. 

Impriżi barranin ħadu taħt idejhom impriżi Maltin u l-qligħ tagħhom imur barra minn pajjiżna u mhux ikabbar l-ġid tal-Maltin kif qabel is-sħubija fl-Unjoni kien isir billi l-qligħ ta’ l-impriżi kien għall-Maltin u mhux għall-barranin.

L-akbar eżempji ta’ impriżi Maltin li spiċċaw għand il-barranin huma:

* il-Mid-Med Bank u 

* l-Maltacom. 

L-HSBC xtara bir-ribass il-bank tal-poplu Malti, il-Mid-Med u issa l-qligħ ta’ l-HSBC imur għand il-barranin u barra minn pajjiżna. 

Dan l-aħħar l-isħma tal-poplu Malti tilef il-qligħ li kull sena l-Maltacom kienet tagħmel u d-dividendi li kull sena kienu jitħallsu lill-azzjonisti Maltin.

It-telf għall-poplu tagħna mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea se jkompli jikber fiż-żmien li ġej, bħal ma se jiġri fl-1 ta’ Jannar, 2008, meta r-riservi barranin u d-deheb tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jgħaddu għand il-Bank ta’ l-Unjoni Ewropea kif indaħħlu l-Ewro flok il-lira Maltija. 

B’hekk se nġarrbu t-telf tal-qligħ li l-Bank Ċentrali ta’ Malta jagħmel kull sena u jgħaddieh lill-Gvern Malti, li fis-sena 2007 huwa stmat fil-Baġit u li għandu jkun ta’ 11-il miljun lira Maltin.

L-Unjoni Ewropea mhux tgħina dwar l-immigranti illegali

Fil-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali f’pajjiżna, nikkonċentraw l-attenzjoni kollha tagħna dwar l-immigranti barranin u ninsew lil dawk hutna li

* jgħassuhom, 

* jieħdu ħsiebhom, 

* iwasslulhom l-ikel u 

* inaddfulhom,

fil-waqt li joqgħodu: 

* għall-insulti u 

* l-azzjonijiet ħżiena tagħhom.

Għalkemm kultant jitħabbar li x’uħud mill-immigranti ħarbu minn fejn huma miżmuma, huma ħafna aktar id-drabi li immigranti joħorġu kemm iridu u meta jridu u jmorru lura biex jieklu u jorqdu, mingħajr ma jingħata tagħrif lill-pubbliku dwar dawn l-abbużi. 

L-immigranti jaqtgħu x-xibka li ddawwar il-post fejn jinżammu u mit-toqob fix-xibka joħorġu u jidħlu mingħajr ħadd ma jżommhom. 

It-tiċrit fix-xibka jintrabtu b’biċċa plastik li l-immigranti malajr ineħħu mingħajr tbatija u jerġgħu jqegħduha f’postha wara li jgħaddu mix-xibka.

Is-suldati għassiesa huma ordnati li joqgħodu:

* f’kabini ta‘ l-injam 

* fil-kesħa u fis-sħana 

madwar il-post ta’ l-immigranti, mingħajr m‘għandhom is-setgħa jisparaw fuq l-immigranti biex iwaqqfuhom meta dawn joħorġu mingħajr permess.

Is-suldati li jieħdu ħsieb it-tindif ta’ fejn joqgħodu l-immigranti u jagħtuhom l-ikel qegħdin f’qagħda agħar minn tas-suldati għassiesa, għax huma iħabbtu wiċċhom ma’ l-imġieba ħażina u l-insulti ta’ ħafna mill-immigranti li huma ostili u kultant aggressivi u ta’ dawk l-immigranti li jilmentaw mill-ikel u minn kollox. 

Mhux wieħed jew tnejn minn dawk is-suldati laqqtu infezzjoni jew marda bi ħsara għalihom u b’periklu għal tad-dar tagħhom.

Jekk tmur fil-post fejn qegħdin l-immigranti, jolqtok l-ambjent ikraħ li fih jinsabu, iżda ma jolqtok xejn anqas ċ-ċirkostanzi mill-agħar li jinsabu s-suldati li jieħdu ħsiebhom. 

B’dan kollu, meta s-suldati jiġbdu l-attenzjoni għall-istat ħażin tagħhom, il-voluntiera malajr iwieġbuhom li huma m’għandhomx x’jaqsmu magħhom iżda jimpurthom biss mill-qagħda ta’ l-immigranti.

It-tul taż-żmien miżmuma fl-istess post jħarrax aktar lill-immigranti u fil-waqt li dejjem jiżdied il-piż kbir kemm tas-suldati li huma magħhom, kif ukoll l-ispiża kbira għall-pajjiż f’dawk li huma 

* pagi tas-suldati, 

kif ukoll għas-servizzi b’xejn ta’:

* l-ilma u dawl, 

* kura medika, 

* ikel u ilbies.

M’għandux ikun hemm tama li xi immigranti f’xi żmien jitħallew jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna. 

Għalhekk huwa fl-interess tagħhom li l-ġejjieni tagħhom ikun jafuh mingħajr ħafna dewmien. 

Huma jew jintbagħtu lura f’pajjiżhom jew jiġu mhejjunin biex imorru fil-pajjiżi fejn kienu sejrin meta niżlu jew inġiebu f’pajjiżna, mingħajr ebda ħsieb tagħhom li jibqgħu hawn.

Huwa għajb għall-poplu tagħna li m’għandniex mexxejja ta’ l-affari tagħhom li għandhom il-“guts” u l-ħila jieħdu dawn il-passi deċiżi dwar l-immigranti illegali, għax jibżgħu mill-kritika. 

M’hemmx dubbju li l-maġġoranza kbira tal-Maltin u l-Għawdxin iridu li tittiħed azzjoni konkreta ħalli mhux biss ma nħallux din il-problema tiggrava, izda ħalli ngħelbuha mingħajr aktar dewmien u ħsara li qiegħda ssir lil niesna u lill-pajjiżna.

Fuq kollox, naqtgħu jiesna li l-Unjoni Ewropea sejra tħollilna din il-problema. 

Kieku trid tagħmel dan, tħallina ngħinu lill-immigranti illegali li sabu ruħhom f’pajjiżna, jkomplu fi triqthom lejn il-pajjiżi ta’ l-UE.

Il-Ħamis, 28 ta’ Diċembru, 2006.

<< Lura << 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ