MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

L-għoli tal-ħajja minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea

 

Jekk nistaqsu lill-mara tad-dar x'ħadet mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, tgħidlek li tħossha se tiġġennen bil-ħajja li għoliet immens, kull ma tixtri għoli Infern, l-ispejjeż żdiedu ħafna.


L-affarijiet se jkomplu sejrin għall-agħar. 

 

Dan l-aħħar tħabbar li borża zokkor issa saret tiswa 35 ċenteżmu, dalwaqt se tgħola għal 50 ċenteżmu. 

 

Din iż-żieda fil-prezz taz-zokkor tfisser piż fuq il-mara tad-dar u l-familja. 

 

Se żżid ukoll l-ispejjeż tad-dolċiera u ta' l-industrija tal-ħelu li jkollhom jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti li jbiegħu. 

 

Huwa magħruf li aktar ’il quddiem il-prezz taz-zokkor se jerġa' jiżdied.

 

Il-prezz għoli taz-zokkor huwa konsegwenza tas-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. 

 

L-Unjoni rabtitna li jew nixtru z-zokkor mill-produtturi tiegħu fl-Unjoni, u dawn għandhom l-ogħla prezzijiet taz-zokkor fid-dinja, jew jekk nixtruh minn barra l-Unjoni fejn hu ħafna orħos, l-Unjoni ġġiegħelna nħallsu levy (skond il-Common External Tariff), li tgħolli ħafna l-prezz taz-zokkor, u l-levy teħodha kollha l-Unjoni, mhux il-Gvern.


Għalhekk, is-sħubija fl-Unjoni qiegħda ġġiegħel lin-nisa tad-dar, lid-dolċiera u lill-industrijalisti, iħallsu għaz-zokkor prezz ogħla minn dak li kieku jħallsu kieku m'aħniex fl-Unjoni. 

 

Bir-raġun dawn jilmentaw li mis-sħubija fl-Unjoni ma ħadu xejn ħlief għoli fil-prezzijiet u żieda fl-ispejjeż. 

 

Dan huwa eżempju ċar ta' għoli tal-ħajja dovut għas-sħubija fl-Unjoni.


L-Unjoni Ewropea ma jimportahiex li żżid il-piż fuq il-mara tad-dar u għalhekk ma tippermettix min jipprova jnaqqas il-piż tal-prezzijiet ogħla. 

 

Lil xi importaturi, li qabel is-sħubija fl-Unjoni ħasbu biex jixtru kwantitajiet taz-zokkor aktar min-normal ħalli jiffrankaw li jħallsu l-levy, l-Unjoni qabżet fuqhom u mponiet multa kbira. 

 

Dan il-fatt jixhed il-kontroll assolut li l-Unjoni għandha fuq pajjiżna. 

 

Kontroll daqs dak meta konna kolonja, jekk mhux aktar.


Stħarriġ li sar mill-Unjoni Ewropea ftit taż-żmien ilu, wera li ż-żidiet li ngħataw għal żieda fl-għoli tal-ħajja, huma inqas minn kemm għoliet il-ħajja f'dawn l-aħħar snin. 

 

Għalhekk il-mara tad-dar li trid tgħaddi bil-paga jew salarju ta' żewġgħa, għandha raġun tilmenta li ma tistax tlaħħaq ma' l-ispejjeż tal-ħajja. 

 

Minħabba dan, il-livell ta' l-għixien ta' ħafna familji tbaxxa minn mindu sseħibna fl-Unjoni Ewropea.

 

L-istess jista' jingħad għal min jgħix bl-għajnuna soċjali jew b'pensjoni inqas mill-paga minima. 

 

Il-livell ta' l-għixien ta' dawn tbaxxa u se jkompli jitbaxxa sakemm nibqgħu mexjin bil-politika anti-soċjali ta' l-Unjoni li ġġiegħel lill-Gvern inaqqas in-nefqa fuq l-għajnuna soċjali u fuq il-pensjonijiet. 

 

Minflok nagħmlu kif trid l-Unjoni, imissna nżidu n-nefqa fuq l-għajnuna soċjali u l-pensjonijiet baxxi.

 

It-Trattat ta’ Riforma huwa oġġezzjonabbli u ħażin

 

Il-kummiedja tad-diskussjonijiet dwar il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea intemmet bi ftehim ħalli l-Kostituzzjoni tindifen u minflokha jsir Trattat ta' Riforma.

Il-fatt li l-mexxejja tal-pajjiżi ta' l-Unjoni rrassenjaw ruħhom li jinsew il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni li b'solennità kbira ffirmaw f'Ruma f'Ottubru ta' l-2004, huwa sinifikattiv ħafna. 

 

Dan il-fatt ifisser li r-rieda tal-maġġoranza tal-Franċiżi u l-Olandiżi li qalu “le” għall-Kostituzzjoni għelbet ir-rieda tal-mexxejja tal-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni u tal-Membri tal-Parlament Ewropew li approvaha.


Dan il-fatt tad-dfin tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea jagħti tagħlima wkoll lilna l-Maltin. 

 

Il-Parlament Malti f'Lulju ta' l-2005, approva unanimament il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni. 

 

Għalhekk inħossu li għandna nsabbru lill-Parlament Malti għan-niket li ġarrab bid-dfin tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni qiegħda tindifen u tintesa, mhux se tinħafer u tintesa l-azzjoni żleali ta' l-akbar għajb meta l-Parlament Malti approva li l-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta' l-Unjoni jegħlbu l-Kostituzzjoni ta' Malta.


Għadu ma ntqalx x'se jkun fih eżatt it-Trattat ta' Riforma. 

 

Iżda ntqal li għat-trattat il-ġdid ma jkunx meħtieġ li jsir referendum biex jiġi rratifikat. 

 

Ir-ratifika ssir mill-Parlament ta' kull pajjiż membru ta' l-Unjoni. 

 

Dan ukoll huwa fatt li jfisser ħafna. 

 

Għax ifisser li l-mexxejja ta' l-Unjoni Ewropea jibżgħu li l-maġġoranza tal-poplu ma tkunx taqbel mat-trattat il-ġdid, u biex jevitaw telfa popolari oħra bħal dik li seħħet fir-referendi ta' Franza u ta' l-Olanda, skartaw il-mezz demokratiku li jaraw x'jgħid il-poplu dwar it-trattat ġdid li se jagħmlu. 

 

Ma setgħux jagħtu ċertifikat akbar tan-nuqqas ta' appoġġ popolari għall-Unjoni Ewropea.

 

Minkejja l-fatt li l-UE ma tridx tirriskja referendum fuq it-Trattat ta' Riforma, xorta waħda nittamaw li f'xi pajjiżi tirbaħ id-demokrazija u jistaqsu f'referendum x'irid il-poplu, u ma jħallux lill-politiċi fil-Parlament jivvotaw favur dak li l-maġġoranza tal-poplu tkun kontrih bħal ma jiġri f'pajjiżna.


Diġà jidher li f'pajjiżna d-diskussjoni dwar it-Trattat ġdid ta' Riforma se jirriduċuha għall-propaganda fiergħa ta' ebda siwi, bħal ma hija li se jkollna 6 deputati fil-Parlament Ewropew flok il-5 li għandna llum. 

 

Fl-istess ħin, mhux se jagħtu l-istess importanza li mhux f'kull sena se jkun hemm Kummissarju Ewropew minn Malta, bħal ma għandna llum.


La kemm ikollna deputati fil-Parlament Ewropew, u lanqas jekk ikollniex Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea, ma huma importanti. 

 

Li huwa importanti hu li Malta ma ssibx ruħha f'minoranza f'deċiżjonijiet li l-Unjoni Ewropea tieħu bis-sistema tal-maġġoranza. 

 

Għax dan ikun ifisser li l-poplu Malti jkollu jibla' xi ħaġa li ma jaqbillux, la darba r-rappreżentant Malti jkun ivvota kontriha iżda xorta għaddiet. 

 

F'każ bħal dan, ir-rieda tal-maġġoranza ta' l-Unjoni Ewropea tegħleb ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu tagħna, u l-prinċipju tad-demokrazija ikun tar mar-riħ f'pajjiżna, minħabba s-sħubija tagħna fl-Unjoni.

 

Din il-kwistjoni tad-deċiżjonijiet bil-maġġoranza u mhux bil-kunsens tal-pajjiżi kollha, kienet u għadha l-akbar ostaklu biex l-Unjoni Ewropea tikseb l-appoġġ popolari. 

 

Il-maġġoranza tal-pajjiżi fl-Unjoni m'għandhom ebda dritt jimponu r-rieda tagħhom fuq il-pajjiżi l-oħrajn membri ta' l-Unjoni. 

 

Huma jistgħu jiddeċiedu li jimxu kif jaqblilhom, bla ma jippretendu li jġagħlu lill-pajjiżi l-oħra membri jimxu bħalhom mingħajr ma jridu jagħmlu dan. 

 

Ikun ġust li kull deċiżjoni ta' l-Unjoni trid ikollha l-kunsens tal-pajjiżi membri kollha, u fejn ma jintlaħaqx kunsens, il-pajjiżi membri għandhom ikollhom id-dritt li jimxu kif trid il-maġġoranza tal-poplu tagħhom.


It-trattat il-ġdid ta' l-Unjoni Ewropa se jkollu dan id-difett fondamentali u għalhekk huwa oġġezzjonabbli u ħażin.

 

Frontex – taħwida bla qies!

 

Kull min sema' lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Josè Manuel Barroso, iwieġeb għal għadd ta' mistoqsijiet li sarulu waqt il-programm Bondi Plus, smajtuh jgħid li "l-Unjoni Ewropea m'għandhiex la ajruplani u lanqas vapuri". 

 

Qal li dawn iridu joffruhom il-pajjiżi membri ħalli Frontex tista' tibda topera biex trażżan l-immigrazzjoni llegali lejn l-UE.


Barroso kien qiegħed jgħid il-verità. 

 

Li però ħadd ma jgħid hu li lanqas flus m'għandha tagħha l-UE, għax kull Ewro li hija tibgħat lill-pajjiżi membri jkun l-ewwel ġie mill-istess stati membri. 

 

Iżda ħlief nisimgħu b'fondi "ġejjin mill-UE" u proġetti "mħallsin mill-UE" ma nisimgħux.


Meta jiena staqsejt lil Barroso jaqbilx li Frontex tista' sservi aktar ta' inċentiv milli ta' deterrent għall-immigrazzjoni illegali – billi l-immigranti illegali jkollhom aktar ċans li jaslu f'xi pajjiż ta' l-UE meta jiġu miġburin mill-vapuri tal-Frontex, Barroso ma tantx deher li jaf x'se jiġri, u tgħidx kemm dar mal-lewża.


Xtaqt li ta' Bondi Plus ma qatgħulix l-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħi, fejn staqsejtu jaqbilx li jekk verament l-UE trid tgħin lil Malta, jmisshomx jistaqsu lil kull immigrant illegali li diġà hawn f'Malta, u dawk li għad jaslu fil-futur, f'liema pajjiż riedu jaslu meta telqu mill-kosta tal-Libja. 

 

U jeħduhom hemm jekk veru jirrispettawhom u jħennu għalihom. 

 

Verament xtaqt nisma' x'kien se jwieġeb Barroso. 

 

Forsi għalhekk ħallew dik il-parti tal-mistqosija barra, biex ma jimbarazzawhx!

 

Minn EDDY PRIVITERA

 

Il-Ħamis, 28 ta' Ġunju, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ