MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Il-poplu mqarraq dwar l-UE

 

Waqt li l-oppożizzjoni popolari għall-Unjoni Ewropea u għall-politika tagħha qiegħda dejjem tikber, il-President, l-eks-President, il-Prim Ministru u propagandisti oħrajn tal-Unjoni nisġu paniġierki ta’ tifħir għal dan il-blokk Ewropew u għas-sħubija ta’ Malta fih, fl-għeluq il-ħames snin tas-sħubija li seħħ fl-1 ta’ Mejju, 2004.

 

Il-kelliema kollha f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ftaħru kemm irċevejna fondi mill-UE u kemm għamilna proġetti bil-fondi tagħha.

 

Ħadd ma kellu l-onestà li jgħid kemm ħallasna lill-UE u kemm infaqna minħabba s-sħubija tagħna fl-UE.

Lanqas ma kellhom id-diċenza jsemmu x’telf ġarrabna minħabba s-sħubija tagħna fl-UE.

 

Ma fakkrux kemm,

* b’konsegwenza tal-politika u

* r-regolamenti Ewropej,

* għalqu fabbriki u

* kemm-il ħaddiem tilfu l-impjieg.

 

Lanqas ma qalu

* kemm għoliet il-ħajja,

* mingħajr ma l-pagi u s-salarji żdiedu biżżejjed

* biex ilaħħqu maż-żieda fl-għoli tal-ħajja.

 

Minħabba dan,

* ħafna familji qegħdin isibuha impossibbli li jlaħħqu mal-ħajja,

* aktar u aktar wara li rċevew il-kontijiet esaġerati

* tad-dawl u tal-ilma bir-rati għoljin

* għax l-UE ġiegħlet lill-Gvern ma jkomplix jissussidja dawn is-servizzi essenzjali.


Il-kelliema protagonisti tal-UE

* ma spjegawx għaliex,

* wara s-sħubija fl-Unjoni,

* l-esportazzjoni minn pajjiżna naqset.

 

Ma semmewx

* kemm żdiedu l-ispejjeż tal-produzzjoni u

* għalhekk sirna inqas kompetittivi.

 

Ħbew

* li d-dħul tal-ewro kompliet tgħolli l-ħajja u

* żżid l-ispejjeż u

* tagħmilna inqas kompetittivi.

 

Ħadd mill-kelliema ma fakkar

* kif is-sħubija fl-UE ħarbtet l-industrija li taħdem għas-suq lokali,

* kabbritilna d-dejn nazzjonali u

* kabbritilna l-“ġdim morali” tal-korruzzjoni f’kull livell tas-soċjetà.

 

Lanqas ilmentaw għaliex wara s-sħubija

* t-tmexxija ta’ oqsma importanti għaddew għand il-barranin,

* bħall-portijiet u

* l-ajruport, u

* ċaħħadna lill-poplu Malti minn impriżi ewlenin,

* bħall-akbar bank,

* it-Telemalta,

* il-Posta,

* il-Lottu u

* t-trasport tal-merkanzija bil-baħar mis-Sea Malta.


Intqal minn aktar minn kelliem wieħed li kieku ma daħħalniex l-ewro, kieku l-finanzi u l-ekonomija tagħna ntlaqtu ħafna aktar bil-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija.

 

Dan mhux minnu.

 

Ma ntlaqatniex daqstant mill-kriżi finanzjarja mhux għax daħħalna l-ewro, imma għax il-banek Maltin ma tilfux flus fil-banek barranin li fallew.

 

Xorta waħda dan kien jiġri kieku żammejna l-Lira Maltija.

 

Wara kollox, pajjiżi oħrajn tal-UE li għandhom l-ewro ntlaqtu ħażin ħafna bil-kriżi finanzjarja.

 

L-istess żball għamlu l-kelliema li sostnew li kieku ma konniex imseħbin fl-UE konna nintlaqtu aktar mir-riċessjoni ekonomika.

 

Dan kollu mhux minnu.

 

Pajjiżna ġarrab riċessjoni għax il-pajjiżi li lejhom nesportaw naqsu li jimportaw minħabba tnaqqis fid-domanda u x-xiri u għax naqsu t-turisti f’Malta minn pajjiżi milqutin mill-istess riċessjoni.

Għalhekk ir-riċessjoni f’pajjiżna tiddependi għal kollox fuq ir-riċessjoni fil-pajjiżi barranin u bl-ebda mod ma kienet tkun agħar kieku konna barra mill-UE.

Biex aktar jgħaxquha, kien hemm min, bħal Eddie Fenech Adami, li sostna li xorta waħda konna niffaċċjaw eluf ta’ immigranti illegali kieku ma konniex fl-UE u ma kienx ikollna l-għajnuna li qiegħda tagħtina l-Unjoni f’din il-kwistjoni.

 

Din hija falsità.

 

Għandna l-invażjoni tal-immigranti illegali proprju minħabba s-sħubija tagħna fl-UE.

 

Għax kienet l-istess UE li ġiegħlet lill-Gvern Malti, immexxi minn Fenech Adami, biex iħassar ir-riservi kollha li l-Gvern Malti taħt George Borg Olivier kien għamel għall-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati u b’hekk ftaħna l-bibien ta’ pajjiżna għall-immigranti illegali.

Minbarra hekk l-UE ġiegħlet lil pajjiżna jaċċetta d-direttivi tal-UE, magħrufin bħala Dublin II, inkella l-UE ma kinitx taċċetta li Malta tissieħeb fl-2004.

 

Għalhekk kieku m’aħniex fl-Unjoni Ewropea, kieku m’aħniex marbutin la bill-provvedimenti kollha tal-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati u lanqas bid-direttivi kollha tad-Dublin II.

 

U konna nkunu ħielsa li nirrifjutaw immigranti illegali.


Dan kollu jagħtina raġun ngħidu li l-ħames anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-UE serva biex jissokta l-eżer­ċizzju ta’ qerq u misinformazzjoni tal-poplu Malti.


Il-poplu Malti jixraqlu aħjar!

 

Għaliex Austin Gatt imissu jirriżenja

 

L-UE riedet toqtol it-Tarzna u sabet lill-Ministru Austin Gatt li jagħmilha ta’ bojja.

 

Minflok bħala Ministru responsabbli mit-Tarzna għamel li seta’ ħalli tissaħħaħ, approva li din tieħu żewġ kuntratti għall-konverżjoni ta’ żewġ bastimenti tal-Fairmount bi prezzijiet u kundizzjonijiet ħżiena ħafna tant li l-ażjenda ġarrbet telf enormi ta’ miljuni ta’ liri.

 

Kemm huwa kbir it-telf baqa’ moħbi!


Il-Ministru, minflok kellu d-diċenza li jirriżenja minħabba l-iskandlu tal-Fairmount, tefa’ l-ħtija għad-diżastru finanzjarju fuq il-ħaddiema.

 

Il-ħtija hija tiegħu

* għax bħala l-Ministru responsabbli

* naqas li jiżgura li t-Tarzna titmexxa b’mod effiċjenti

* mill-uffiċjali eżekuttivi mqabbdin mill-Gvern u

* għax hu qatt ma ta widen għat-twissijiet li l-GWU għamlitlu

* dwar dan u l-ħafna abbużi li seħħew,

* kemm bl-impjieg ta’ ħaddiema barranin,

* kif ukoll dwar ix-xogħlijiet li ngħataw lill-kuntratturi,

* minflok inħadmu mill-ħaddiema tat-Tarzna.


Il-Prim Ministru Gonzi, meta ra d-diżastru li wettaq il-Ministru Gatt, naqas billi ma neħħihx minn Ministru ladarba ma kellux id-diċenza li jirriżenja minn jeddu.

 

Gonzi saħansitra sagħtru meta qal li mhux iż-żmien li wieħed jipponta subgħajh lejn min għandu tort għat-telf enormi li sar mill-kuntratti tal-Fairmount.

 

Gonzi ukoll ħafirha lil Gatt għax ma tax widen għall-insistenza tal-GWU biex issir inkjesta pubblika indipendenti dwar l-iskandlu tal-Fairmount.


It-tort ta’ Gonzi dwar it-Tarzna jmur lura seba’ snin ilu,

* meta hu aċċetta pjan għar-ristrutturar tagħha mfassal mill-UE

* li flok saħħaħha,

* dgħajjifha,

* ċekkinha u

* tellef l-impjieg ta’ mijiet ta’ ħaddiema tas-sengħa.

 

Iżda l-akbar tort li Gonzi għandu dwar it-Tarzna hu li fdaha f’idejn Gatt, li donnu wera ħeġġa biex jistradikaha u ħareġ ta’ tifel lil Gonzi li qal l-elezzjoni wiegħed lill-ħaddiema li mhux se jċekken it-Tarzna.


Jekk Gonzi ħafirha lil Gatt, il-ħaddiema tat-Tarzna u l-poplu mhux se jħalluh kwiet dwar l-iskandlu tal-Fairmount.

 

Gatt kien qal li f’Diċembru tal-2007 kien ordna inkjesta interna dwar il-kuntratti tal-Fairmount.

 

Għaddew 17-il xahar u għadu ma kixifx l-abbużi u n-nuqqasijiet li seħħew dwar dawk il-kuntratti li tellfu miljuni kbar ta’ liri lill-poplu Malti.

 

Jeħtieġ li l-pubbliku jkun jaf x’irriżulta mill-inkjesta interna u lil min sabet ħatja.


L-iskandlu tal-Fairmount hu kbir,

* iżda aktar minnu huma l-iskandlu li twettaq mal-ħaddiema tat-Tarzna li ngħataw it-tort għad-dejn tagħha,

* meta l-akbar tort hu ta’ min mexxa ħażin u

* minn abbuża, u

* min kien responsabbli tat-Tarzna u

* m’għamel xejn biex tmur ’il quddiem.


Minkejja l-inġustizzji li twettqu magħhom, il-ħaddiema xorta lesti li jerġgħu jibnu t-Tarzna u jridu jmexxuha permezz ta’ koperattiv.

 

Appoġġ għal dan il-pass, il-ħaddiema sabu anke barra l-klassi tagħhom.


Fost dawk li jappoġġjaw li l-koperattiva tal-ħaddiema tieħu t-tmexxija tat-Tarzna ristrutturata, insibu lill-Professur Peter Serracino Inglott, li meta staqsewh x’seħħ mill-proposta tiegħu ta’ koperattiva tal-ħaddiema tat-Tarzna, f’ġurnal bl-Ingliż, kiteb hekk:

 

“Much more progress has been made in the direction I envisaged than i had imagined was possible. It is on other fronts of the matter that developments do not seem to me to have been entirely positive. The sad development taking place is that management of the shipyard is deciding to close down certain sectors, such as the galvanising plant, with the result that quite profitable opportunities of the work for both local and international clients are being lost.”


Dan il-kliem tal-Prof. Seraccino Inglott juri li għad hawn min irid ikompli jħott it-Tarzna, filwaqt li hemm min qed jaħdem biex jirristrutturaha u jagħtiha ħajja ġdida.

 

Austin Gatt hu responsabbli għal dak li qed jiġri fit-Tarzna, inkluż l-għeluq tal-‘galvanising plant’.


Gonzi m’għandux kuraġġ ma jħallix lil Gatt ikompli jħott it-Tarzna?

 

Għaliex it-Tarzna mhix tieħu xogħol li jista’ faċilment isir mis-700 ħaddiem li għad hemm, biex issa qiegħda tagħti s-sensji lil xi uħud minnhom?

 

Hekk trid l-Unjoni Ewropea?

 

Dan żgur ma jaqbilx għal Malta.

 

Nuqqas ta’ tagħrif dwar l-immigrazzjoni illegali

 

Fil-kwistjoni tal-klandestini tirrenja konfużjoni sħiħa, misinformazzjoni kbira u ħabi tal-fatti vera.

 

L-aħħar kumment li sar fuq il-mezzi tax-xandir kompla ħawwad l-imħuħ tal-poplu meta ntqal li l-immigranti klandestini qegħdin viċin ħafna ta’ armerija tal-Forzi Armati u tal-ajruport u dan il-fatt hu ta’ nkwiet għax jista’ jkun ta’ theddida għas-sigurtà tal-pajjiż.

Dwar il-fatti bażiċi ukoll ma hemmx ċertezza.

 

Kemm hawn immigranti illegali fil-pajjiż?

 

Kull darba jingħataw ċifri li ma jaqblux.

 

Kemm minnhom ingħataw l-istatus ta’ refuġjati u kemm huma meqjusin li għandhom dritt għall-protezzjoni umanitarja?

 

Lanqas dwar dawn m’hemm qbil.

 

Għalhekk l-ewwel pass li jrid isir huwa li jiġu stabbiliti darba għal dejjem u għal kulħadd il-fatti dwar l-għadd ta’ immigranti illegali li hawn fostna, kemm hawn refuġjati u kemm jistħoqqilhom protezzjoni umanitarja.

 

It-tieni pass li għandu jittieħed minnufih huwa li titwettaq politika bis-serjetà ta’ ripatrijazzjoni tal-immigranti illegali li la huma intitolati għall-istatus ta’ refuġjati u lanqas għall-protezzjoni umanitarja.

 

Hija ħaġa ċara li din il-politika ġiet ittraskurata u tħallew f’pajjiżna mijiet, jekk mhux eluf, li jmisshom ittieħdu lura lejn il-pajjiżi tagħhom.

Deċiżjoni immedjata li għandha tittieħed hi li ma jiġux aċċettati aktar immigranti f’pajjiżna.

 

Fuq kollox tista’ tgħid li dawn kollha ma jridux joqogħdu hawn u jridu jmorru fl-Ewropa.

 

Għalhekk m’għandniex insibuha bi tqila biex ma nħalluhomx joqogħdu hawn u ngħinuhom biex jitilqu minn hawn, wara li nkunu tajnihom il-bżonnijiet kollha tagħhom.

M’hemmx dubju li ninsabu fil-kriżi li għandna dwar l-immigrazzjoni għax ittraskurajna li nibgħatuhom lura jew inħalluhom imorru fejn iridu.


Hemm lok ta’ inkjesta pubblika biex tistabbilixxi kif intefqu l-miljuni li ngħataw dwar l-immigranti illegali u kif l-aħjar jintużaw il-miljuni kbar li ġew allokati għalihom.

Żgur li l-ambjent fejn jinżammu l-immigranti illegali ma jurix li bbenefikaw mill-fondi kbar li ngħataw u li hemm allokati għal din il-problema.

 

Miżura urġenti oħrajn hi dik dwar ix-xogħol li qegħdin jitħallew jieħdu l-klandestini, meta għandna eluf ta’ ħaddiema Maltin li huma qgħeda.

 

M’għandhomx jinħarġu permessi ta’ xogħol u għandu jsir kontroll strett biex ma jitħallewx jaħdmu dawk li m’għandhomx permess.

 

M’hemmx dubju li dawn l-abbużi saru u qegħdin isiru bil-barka tal-awtoritajiet għall-benefiċċju tas-sidien u b’dannu għall-ħaddiem Malti.

 

Il-Ħamis, 28 ta’ Mejju, 2009

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ