MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI CNI

 

Bis-sħubija fl-UE, Malta tilfet ruħha

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Tlett ijiem ilu n-NATO bbombardjat il-kwartieri residenzjali fi Tripli tal-Mexxej Libjan Gaddafi u għamlu ħerba kbira, qatlu għadd ta’ nies u darbu ħafna oħrajn.

 

Iżda Gaddafi rnexxielu jeħlisha ħafif.

 

Dan l-attakk tan-NATO ma sarx biex titwettaq ir-riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda li awtorizzat li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili mill-attakki tal-forzi governattivi Libjani.

 

L-attakk sar biex ikun maqtul il-Mexxej Libjan u mhux biex titħares il-popolazzjoni ċivili Libjana.

 

Għalhekk ma kienx attakk awtorizzat mill-Ġnus Magħquda, u kien att sfaċċat ta’ aggressjoni li għandha tkun ikkundannat minn kull min ma japprovax li pajjiż ikun attakkat militarment.


L-attakk tan-NATO fuq il-kwartieri residenzjali tal-Mexxej Libjan seħħ 25 sena wara l-attakk li kien sar fl-1986 fuq l-istess kumpless mill-ajruplani Amerikani fuq ordni tal-President Reagan, bi ftehim mal-Prim Ministru Ingliża Thatcher u l-President Franċiż Mitterand.

 

Dakinhar ukoll Gaddafi rnexxielu jeħlisha ħafif, waqt li nqatlet it-tifla adottata.

 

Fl-1986, Malta, għax kienet ħelisa u mhux kolonja tal-Unjoni Ewropea, ikkundannat dak l-attakk u ressqet riżoluzzjoni ta’ kritika fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, permezz tar-rappreżentant ta’ Malta li dak iż-żmien kien George Agius.

 

F’dik l-okkażjoni l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Ingilterra u Franza vvotaw kontra r-riżoluzzjoni li, għalkemm kisbet maġġoranza favuriha. m’għadditx minħabba l-veto tal-Amerikani, l-Ingliżi u l-Franċiżi.


L-imġiba ta’ Malta ta’ kundanna għall-aggressjoni li seħħet fl-1986, tikkuntrasta bil-kbir mal-imġiba ta’ Malta llum li approvat l-aggressjoni tan-NATO ta’ tlett ijiem ilu, u b’hekk qerdet il-politika kontra l-gwerra u favur il-paċi li Malta ħielsa kienet ħalfet li tħaddan.

 

Is-serviliżmu għall-Unjoni Ewropea wassal lil Malta biex tapprova l-aggressjoni tan-NATO u tal-pajjiżi magħrufin bħala ‘war mongers’, li fid-demm għandhom li jagħmlu gwerer, u li jridu jimponu fuq pajjiżi oħrajn bis-saħħa militari li għandhom, li tinkludi wkoll is-saħħa nukleari li l-Amerika, l-Ingliżi u l-Franċiżi qatt ma rrifjutawha.

 

L-Unjoni Ewropea qiegħda tappoġġja lin-NATO fl-aggressjoni kontra l-Libja, u Malta qiegħda taqbel mal-Unjoni Ewropea, u għalhekk qiegħda tappoġġja l-aggressjoni min-naħa tan-NATO.


L-Istati Uniti, l-Ingilterra u Franza stqarrew uffiċjalment li l-bombardamenti tan-NATO mhux se jieqfu qabel mal-mexxej Libjan iwarrab.

 

Dan ifisser li l-għan tal-attakki tan-NATO mhux li jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili Libjana iżda li jeqirdu l-Gvern Libjan.

 

Dan ma kienx l-għan tar-riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda li awtorizzat li jittieħdu miżuri militari biex tiġi mħarsa l-popolazzjoni ċivili Libjana.

 

Iżda n-NATO li qegħdin jagħmlu dak li Franza, l-Ingilterra u l-Istati Uniti jriduhom jagħmlu, mhux qegħdin jattakkaw biex jipproteġu l-poplozzjoni ċivili biss skont ma qalu Ġnus Magħquda, għax qegħdin jibbombardja ukoll l-ibliet, fosthom Tripli u Sirte u qegħdin jagħtu appoġġ mill-ajru lill-forzi tar-ribelli fl-offensiva tagħhom kontra l-forzi governattivi Libjani u qed jiġri li ħafna nies ċivili qegħdin jinqatlu u ħafna oħrajn jinqerdu bil-bombardamenti tan-NATO.


Malta li għandha xiehda tal-istraġi li n-NATO qegħdin iwettqu, qiegħda tapprova din l-aggressjoni, la darba l-Unjoni Ewropea qiegħda tapprovha, skont l-istqarrijiet li għamlu l-President tal-Kunsill Ewropew, Van Rompuy, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso u Lady Ashton li hi r-rappreżentanta tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin.

Filwaqt li Malta qiegħda tapprova l-attakki tan-NATO fuq il-Libja, għadd ta’ pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea ma jaqblux, għax iqisu l-attakki huma indħil mhux ġustifikat fl-affarijiet interni ta’ pajjiż.

 

Fost dawn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hemm il-Ġermanja u Ċipru, li mhumiex obbligati bil-kostituzzjoni biex jaħdmu attivament għall paċi kif Malta għandha d-dmir kostituzzjonali li tagħmel, iżda qiegħda tonqos li tagħmel, basta tagħmel kif tgħidilha l-Unjoni Ewropea.


Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea fgat il-leħen ta’ Malta li taħdem attivament għall-paċi fost il-ġnus.

 

Malta msieħba fl-Unjoni Ewropea, tilfet l-identità tagħha għax ċediet il-politika ta’ newtralità u ta’ favur il-paċi, biex tħaddan il-politika barranija komuni li l-Unjoni Ewropea qiegħda tapprova l-aggressjoni ta’ Franza, l-Ingilterra, l-Istati Uniti u issa anki tal-Italja li qatgħet li tieħu sehem fil-bombardamenti tal-ibliet Libjani.


Jekk pajjiż ewlieni tal-Unjoni Ewropea, bħalma hija l-Ġermanja, li hija msieħba fin-NATO u ma tħaddanx politika ta’ newtralità, opponiet l-intervernt militari kontra l-Gvern Libjan, għax Malta, li tipprofessa politika li taħdem attivament għall-paċi fost il-ġnus u mhix imsieħba fin-NATO, ma kellhiex il-ħila almenu tagħmel bħall-Ġermanja u topponi l-intervent militari kontra l-Libja?

 

Wara kollox fil-Kunsill tas-Siġurtà tal-Ġnus Magħquda opponew mal-Ġermanja erba’ pajjiżi oħrajn kbar, iċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u l-Brażil, li lkoll flimkien jagħmlu tliet kwarti tal-popolazzjoni totali tad-dinja kollha.


Għalhekk Malta, kieku opponiet l-intervent militari fil-Libja, kienet tkun qiegħda taqbel mal-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni dinjija.

 

Iżda s-serviliżmu għall-Unjoni Ewropea wassal lil Malta biex tiċħad il-konvinzjoni tagħha li l-indħil militari barrani qatt ma jwassal għal soluzzjoni tajba u dejjiema għat-tilwim intern ta’ pajjiż.


Malta setgħet mal-ewwel tintebah li dik li f’Benghazi bdiet bħala protesta popolari saret f’inqas minn 48 siegħa ribelljoni vjolenti biex jitwarran il-Gvern Libjan u li Franza għaġġlet biex issostni r-ribelljoni, tant li unilateralment u mingħajr qbil ma’ ebda pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, qabdet u għarget lir-ribelli f’Benghazi bħala l-Gvern li jirrappreżenta lil-Libja kollha, flok il-Gvern Libjan fi Tripli.

 

Malta imissha fehmet li r-rapporti li l-Gvern Libjan kien se jwettaq ġenoċidju u li l-ajruplani Libjani kienu se jisparaw fuq dimostranti paċifiċi, kienu kollha allegazzjonijiet foloz maħsubin biex iqanqlu lill-pajjiżi tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda biex jgħaddu riżoluzzjonijiet ta’ kundanna kontra l-Gvern Libjan u biex jimħolqu sanzjonijiet ħorox u jawtorizzaw li jittieħdu miżuri militari ħalli titħares il-popolazzjoni ċivili, inkluż l-impożizzjoni ta’ ‘no fly zone’.


Malta, minflok quddiem din il-konfoffa, baqgħet pass lura u ma qalet xejn, għaġġlet tappoġġja s-sanzjonijiet u l-intervent militari fil-Libja, biex kif intqal uffiċjalment, jiġi evitat “ġenoċidju”, u b’hekk Malta għamlet tagħha l-iskuża li l-pajjiżi bħal Franza u l-Ingilterra ħolqu biex ikunu jistgħu jattakkaw lill-Gvern Libjan.


L-iskuża tat-theddida tal-ġenoċidju, il-Gvern Malti skandalizza lid-dinja meta irrifjuta t-talba darba, darbtejn tal-Gvern Libjan, biex jidħol jipprova jġib waqfien mill-ġlied u waqfien mill-imwiet u l-ferimenti.

 

Għax l-UE u l-aktar Franza u l-Ingilterra, ma jridux waqfien mill-ġlied u mhux wara bħala riżultat tal-ftehim li jintlaħaq wara n-negozjati bejn ir-ribelli u l-Gvern Libjan.


Minn tassew jimportah mill-popolazzjoni ċivili, għandu jinsisti li jieqaf il-ġlied mill-aktar fis ħalli jieqfu t-tbatijiet li l-poplu Libjan qed iġarrab bil-gwerra.

 

Min iżda jinteressah li ibiegħ aktar armi u armamenti, jaqbillu li l-ġlied ikompli sejjer ħalli jinqerdu aktar armi u armamenti.


Il-qdusija tiegħu l-Papa aktar minn darba għamel sejħa biex id-djalogu u d-diplomazija jieħdu l-post tal-armi fil-Libja.

 

Iżda Malta, bil-qdusija kollha tagħha, mhux is-sejħa tal-Papa tisma, għax is-sħubija fl-UE tellfitha ruħha, għax waqqgħatha biex tappoġġja l-gwerra u nessitha taħdem attivament għall-paċi.

 

Id-‘double standards’ ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea

 

Mhux kulħadd fil-kamp Nazzjonalista jaħsibha bħal Gonzi dwar il-kwistjoni tal-Libja.

 

Hemm min qiegħed juri dubji serji dwar l-atteġġjament tal-pajjiżi tal-UE, bħal Franza u l-Ingilterra, għal dak li qed iseħħ fil-Libja.

 

Xhieda ta’ dawn id-dubji hija l-kitba li dehret fil-ġurnal uffiċjali Nazzjonalista tal-21 ta’ April, fil-kolonna tal-opinjoni ta’ Mario Azzopardi.

Jidhrilna li huwa ta’ interess li nwasslu lill-qarrejja x’deher fil-ġurnal Nazzjonalista dwar il-kwistjoni tal-Libja, u nittamaw li anke Gonzi jiflih sewwa u jara kemm mar żmerċ.

 

Il-kittieb tal-kolonna Mediarama beda biex tkellem dwar il-koalizzjoni militari li twaqqfet kontra Gaddafi, bħala waħda mill-ironiji tal-politika, għax Gaddafi f’dawn l-aħħar snin, u l-aktar wara li wiegħed li jabbanduna l-programm nukleari paċifiku.

 

Meta Sarkozy żar il-Libja, qabel li jgħin lil Gaddafi jibni impjant nukleari għad-disalinazzjoni tal-ilma baħar, u Franza biegħet lil-Libja b’kemm jiswew biljuni ta’ ajruplani tal-gwerra.


Iżda l-kittieb innota li skont sorsi tal-‘intelligence’ fuq l-Internet, fosthom il “Voltare Network” u s-sit elettroniku tal-ComeDonChiscotte, Sarkozy kien qed jilgħab logħba doppja, billi kien ilu minn Ottubru tal-2010 jippjana ma’ dissidenti Libjani kif se jkun likwidat ir-reġim ta’ Gaddafi.


Il-kittieb semma li l-intelletwali Vittorio Sgarbi qal li l-gwerra militari kontra l-Libja hi konflitt żbaljat, filwaqt li bosta osservaturi oħrajn fil-midja internazzjonali kkummentaw dwar l-iskizzofrenija li wera u qed juri l-Punent fil-konfront ta’ Gaddafi.

 

Hawn ġie kkwotat x’kiteb Brian Reade fid-Daily Mirror:


“We now hate Gaddafi even though a couple of years ago we freed one of hiss mass murderers just so he would buy lots of our weapons, which we knew he would use against anyone who threatened his dictatorship. Our justification for topplin him now, is that his neighbouring dictators think he’s worse dictator than them. We passionately believe no-fly zones should be used to deal with aggressors bombing innocent civilians, except when it is Gaza, and we claim the world backs our moral crusade despite more than a half of it (China, India, Brazil, Russia, Germany, being repulsed by it.”


Il-kittieb tal-ġurnal Nazzjonalista kompli jgħid li l-ġurnalista tal-BBC Stephen Stuckar, f’intervista f’“Hard Talk” li għamel lil P.J. Crowley, li kien Assistent Segretarju tal-Istat Amerikan, fetaħ baraxx sħiħ kontra l-politika ta’ gwerra tal-Istati Uniti u tan-NATO, u repetutament akkuża lill-alleati b’‘double standards’: jibbumbardjaw il-Libja iżda mbagħad jittolleraw lir-reġim monariku fil-Bahrain, li mhux biss fetaħ in-nar fuq id-dimostanti ċivili, iżda importa truppi militari kontra l-poplu mill-Arabja Sawdita.

 

Stuckar fakkar lil Crowley li anke d-dittatur Mubarak kien ripressiv u brutali mal-oppożizzjoni tiegħu, iżda l-Istati Uniti kienu jgħidu li hu ankra importanti għall-politika ta’ barra Amerikana.

Il-ġurnalista tal-BBC kompla jissikka lil dak li kien Assistent Segretarju tal-Istat Amerikan billi qallu li Obama kien wiegħed li se joħroġ mill-Iraq, iżda mhux talli ma ħariġx, talli żied it-truppi u issa beda gwerra oħra fil-Libja u l-azzjoni militari fil-Libja kienet determinata mill-interventi ħorox tal-qawwiet barranin, u l-qawwiet tar-ribelli għamlu r-rebħiet tagħhom bis-saħħa tal-Amerika u tan-NATO, jiġifieri l-waqgħa tar-reġim ta’ Gaddafi saret possibbli bis-saħħa ta’ attakki minn qawwiet barranin, u f’kull xenerju li jiżviluppa fil-Libja, l-Istati Uniti u n-NATO għandhom responsabbilità massima f’dak li jista’ jiġri u kif jgħid il-qawl, “If you break it, you owe it”.

 

Dak hu eżattament dak li ġara fl-Iraq.

 

X’se jagħmlu l-alleati f’każ ta’ gwerra ċivili interna u twil fil-Libja, staqsa Stephen Stucker.

 

L-istess kummenti u mistoqsijiet nagħmluhom lil Gonzi u lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, u bħal Stucker, nibqgħu min­għajr tweġiba sodisfaċenti.

 

Il-Ħamis, 28 ta’ April, 2011

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ