MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

L-akbar problema għal Malta: is-sħubija fl-UE

 

L-ewwel u l-aktar problema li pajjiżna għandu hija s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, li sfortunatament il-politiċi tagħna mhux qegħdin jagħtuha l-importanza li tixirqilha, jekk mhux għal kollox, ma jaqblux li teżisti. 

 

Għax f'kull qasam il-politika li l-Unjoni ġġiegħlna nħarsu mhiex l-aħjar u li l-aktar tixraq liċ-ċirkostanzi tagħna.

Il-politika industrijali li l-Unjoni tippermettilna li nwettqu,

* tagħlqilna l-fabbriki u 

* tnaqqsilna l-impjiegi. 

 

Il-politika fiskali li l-Unjoni tippermettilna,

* ittellifna u 

* tgerrxilna impriżi finanzjarji milli jiġu f'pajjiżna. 

 

Is-sħubija fl-Unjoni

* żżidilna l-ispejjeż u 

* tgħollilna l-ħajja u 

* tagħmilna inqas kompetittivi 

* fil-prodotti li nagħmlu u 

* s-servizzi li nagħtu, mhux l-inqas, 

* fl-industrija turistika.

Il-Prim Ministru u l-Ministri tagħna jkollhom jagħtu aktar minn nofs il-ħin tagħhom fi 

* vjaġġi, 

* laqgħat u 

* diskussjonijiet ta’ l-Unjoni, 

 

minflok li jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom ħalli jmexxu kif jixraq l-affarijiet ta’ pajjiżna mingħajr l-infiq enormi li jsir biex ilaħħqu ma’ l-attivitajiet bla siwi għalina ta’ l-Unjoni.

Il-politika agrarja li l-Unjoni imponietilna qiegħda

* tgħaffeġ lill-bdiewa u 

* r-raħħala tagħna, 

* barra li qiegħda tiswilna miljuni kbar f’sussidji.

Il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni ċaħħadna mit-tgawdija ta’ ftehim preferenzjali li konna nagħmlu ma’ pajjiżi ħbieb tagħna,

* bħall-każ tax-xiri taż-żejt mil-Libja bi prezz inqas minn dak tas-suq, u 

* ċaħħadna mid-dritt li nagħmlu ftehim ta' kummerċ reċiproku ma’ pajjiżi 

* li lejhom nesportaw bla dazju u 

* huma jbiegħulna ħwejjiġhom bla dazju.

 

Qabel ma sseħibna fl-Unjoni, kulħadd f’pajjiżna kien tal-fehma li mhux fl-interess tal-poplu tagħna li nħallu lill-barranin jiġu u jieħdu x-xogħol tagħna jekk għandna min kapaċi jagħmlu huwa. 

 

Bis-sħubija,

* il-barranin mill-Unjoni jiġu u jieħdu x-xogħol tal-Maltin mingħajr xkiel ta’ xejn.

 

Qabel is-sħubija, 

* ma konna nħallu lil ħadd bla permess jibqa’ f’Malta. 

 

Minħabba s-sħubija fl-Unjoni,

* ikollna naċċettaw eluf ta’ klandestini u immigranti illegali 

* mingħajr la nistgħu nibagħtuhom lura f’pajjiżhom u 

* lanqas inħalluhom imorru fejn iridu huma fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

L-Unjoni Ewropea ma tridx li l-istat ikollu f’idejh impriżi vitali bħal ma

huma

* t-Telemalta u 

* l-Enemalta, 

* il-Posta u 

* l-Ajruport. 

 

Għalhekk il-Gvern għaddihom, jew se jgħaddihom

* lill-privat, u agħar, 

* lill-barranin. 

 

Wara s-sħubija,

* bċejjeċ kbar minn artna qegħdin jispiċċaw għand il-barranin, u 

* l-barranin mill-Unjoni għandhom dritt daqs il-Maltin jieħdu l-ogħla karigi tat-tmexxija f’pajjiżna, u

* fil-fatt, diġà hekk seħħ. 

 

Jekk nibqgħu msieħbin fl-Unjoni għal ħafna snin, Malta ma tibqax tal-Maltin. 

 

Nitilfu artna, bħal ma nitilfu ġieħna.

 

Il-politika anti-soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

 

Il-politika ta' l-Unjoni Ewropea tinkoraġġixxi lill-kumpaniji u l-kapitalisti ta' l-Unjoni 

* jagħlqu l-fabbriki u l-postijiet tax-xogħol tagħhom fl-Ewropa u 

* jiftħuhom fil-pajjiżi barra l-Ewropea fejn il-pagi huma 

* baxxi ħafna u 

* l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ħżiena ħafna. 

 

B’hekk, il-prodotti maħdumin f'dawk il-pajjiżi jqumulhom inqas u jbiegħuhom fis-swieq ta’ l-Unjoni bi qligħ akbar għalihom. 

 

L-Unjoni, il-kumpaniji u l-kapitalisti ma jimpurtahomx mill-ħsara li din il-politika tagħmel

* lill-ħaddiema, fosthom 

* nisa u 

* tfal, 

tal-pajjiżi barra l-Unjoni. 

 

L-aqwa li jsir aktar qligħ.

Biex dan il-qligħ akbar ikun jista’ jsir,

* l-Unjoni tinsisti fuq il-politika tal-kummerċ ħieles tal-prodotti mportati fil-pajjiżi ta' l-Unjoni u 

* fuq il-politika tal-moviment ħieles tal-kapital 

* li joħroġ barra l-Unjoni biex jiġi investit fil-pajjiżi barra l-Unjoni. 

 

Bis-saħħa ta’ l-avvanzi teknoloġiċi kbar fil-mezzi tat-trasport u fil-mezzi tal-komunikazzjoni, 

* splodiet il-globalizzazzjoni li l-Unjoni tinkoraġġixxi ħalli jkompli jikber il-qligħ 

* a spejjeż tal-qgħad tal-ħaddiema Ewropej u 

* ta’ l-isfruttament tal-ħaddiema tal-pajjiżi barra l-Unjoni.

Meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, ħaddan din il-politika anti-soċjali ta’ l-Unjoni.

 

Sirna skjavi u vittmi tal-kummerċ ħieles u ta’ suq bla rażan. 

 

Faret l-importazzjoni u naqset l-esportazzjoni. 

 

Naqas 

* ix-xogħol, 

* għalqu l-fabbriki, 

* kiber il-qgħad. 

 

Iżda s-setturi tal-kummerċ biegħu aktar u għamlu qligħ akbar. 

 

Huma fehmu li qablilhom jagħmlu propaganda qawwija favur il-politika anti-soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u biex pajjiżna jappoġġja aktar lill-Unjoni. 

 

Ħatfu l-mezzi tal-‘mass media’ ħalli jinfluwenzaw lill-poplu favur il-politika ta' l-Unjoni. 

 

Bil-miljuni mħallsin mill-Unjoni fi propaganda, kien possibbli li l-kotra tal-poplu tistordi u tibda taqbel mat-tosku tal-politika ta’ l-Unjoni.

 

Din il-politika anti-soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea hija bħad-droga.

 

Tagħmlek dipendenti aktar tagħha,

* u qatt ma inti kuntent b’dak li għandek, 

* iżda dejjem trid aktar, 

* u tiddejjen biex tipprova tissodisfa l-kilba tiegħek. 

 

Is-setturi tas-soċjetà li qegħdin jagħmlu aktar qligħ minn din il-politika anti-soċjali, il-ħin kollu jibbombardjawk bil-propaganda kemm qiegħed tgħix aħjar u kemm tjiebet il-kwalità tal-ħajja. 

 

Iżda fil-fatt, il-kotra qiegħda tgħix agħar u l-kwalità ta' ħajjitha ħżienet għall-aħħar.

It-traġedja hija li l-ġenituri mingħalihom li qegħdin iħejju futur aħjar għal uliedhom, meta fil-fatt qegħdin jikkundannawhom għal ġejjieni ta' mrar u diżgwid soċjali kbir li jirrenja fl-Unjoni Ewropea. 

 

Għandhom iħarsu lejn il-ħerba ta’ ħajjiet iż-żgħażagħ ta’ l-Ewropa biex jintebħu xi gwaj soċjali u morali l-Unjoni toffrilhom bil-politika tagħha tas-suq u kompetizzjoni bla rażan.

 

L-ingann tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea

 

Il-ħin kollu jiftaħru li ksibna 855 miljun Ewro mill-Unjoni Ewropea iżda qatt ma jgħidu li minnhom qegħdin inħallsu lura lill-Unjoni 420 miljun Ewro dritti dritti. 

 

Għaliex dan ma jgħiduhx? 

 

Għax iridu jkomplu jqarrqu bil-poplu,

* kif ilhom jagħmlu biex maġġoranza tassew żgħira ta’ ftit eluf 

* approvat fl-2003 il-ftehim ta’ sħubija fl-Unjoni, 

* bis-saħħa tal-miljuni li ntefqu fi propaganda favuriha.

Lanqas ma jsemmu l-miljuni li nfaqna u qegħdin nonfqu fi spejjeż kull sena biex nipprovaw inlaħħqu ma’ x’titlob minna s-sħubija fl-Unjoni. 

 

Bħal per eżempju,

* li nżommu 55 uffiċjal taċ-ċivil fl-ambaxxata Maltija fi Brussels, 

* li jkollna 40 uffiċjal tal-Pulizija jħaddmu l-ftehim ta’ Schengen, 

* li nżommu mijiet ta’ uffiċjali oħrajn taċ-ċivil 

* imqassmin mal-ministeri u d-dipartimenti governattivi kollha 

* biex jipproċessaw ix-xmara ta’ dokumentazzjoni li nirċievu kull ġimgħa mill-Unjoni, u 

* l-ispejjeż tal-vjaġġi ta' kull ġimgħa għal mijiet ta' laqgħat ta' l-Unjoni li jsiru matul is-sena.

Għamilna u qegħdin nagħmlu dan l-infiq kollu,

* barra l-miljuni li ħallasna biex daħħalna l-Ewro u 

* biex nissieħbu fil-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni u 

* l-miljuni kbar li tlifna mill-għajnuniet li kellna mill-pajjiżi ħbieb tagħna, 

* li ntemmu mal-ftehim tas-sħubija tagħna fl-Unjoni.

Għax jafu kemm switilna u qiegħda tiswielna s-sħubija fl-Unjoni,

* ma jridux jagħmlu “cost-benefit analysis” tagħha, 

* biex ma jurux lill-poplu li fil-fatt morna minn taħt u 

* li għalhekk il-ftaħir tal-855 miljun Ewro 

* huwa kollu falz u 

* eżerċizzju ta’ ingann, 

* għax minħabba s-sħubija, 

* fil-fatt qegħdin noħorġu aktar milli qegħdin indaħħlu.

 

Dan ma jfissirx li ma għandniex min bis-sħubija fl-Unjoni sejjer tajjeb, u oħrajn, sejrin tajjeb ħafna. 

 

Dawn għandhom kull interess li jagħmlu propaganda favur l-Unjoni li qiegħda żżoqqhom. 

 

Huma ma jimpurtahomx li l-kotra tal-poplu mhix qiegħda tgawdi bis-sħubija, u li l-pajjiż qiegħed aktar jirrofta milli jikseb mill-Unjoni. 

 

Huma qegħdin ifittxu l-interessi personali u politiċi tagħhom, akkost li jittradixxu l-interessi tal-kotra tal-poplu u tal-pajjiż.

Erġajna ġejna bħaż-żmien li konna kolonja Ingliża, meta numru ta’ Maltin kienu jistmaw aktar lir-Reġina milli lil pajjiżna, u kienu jħarsu l-interessi imperjali Ingliżi aktar milli jgħożżu l-interessi ta’ ħuthom Maltin, u ta’ dan kienu mħallsin tajjeb.

L-istess qiegħed jiġri llum. 

 

Għandna Maltin li jew huma mħallsin mill-Unjoni

* u biegħu ruħhom u ġieħhom lilha,

* jew jaraw fiha aktar opportunitajiet ta' avvanz personali

* u li għalihom l-Unjoni tiġi qabel pajjiżhom.
 

* Għalina, Malta tibqa’ dejjem l-ewwel u qabel kollox.

 

Aktar tagħrif dwar l-UE:

 

L-elezzjonijiet Ewropej

 

L-interess popolari fl-Unjoni Ewropea qiegħed dejjem jonqos, kif juru l-persentaġġi ta’ dawk li jivvotaw fil-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

Fl-elezzjoni ta’ l-1979 marru 63 fil-mija jivvotaw. 

 

F‘dik ta’ l-1984 ivvotaw 58.5 fil-mija. 

 

Fl-1994 marru jivvotaw 56.8 fil-mija. 

 

Fl-1999 ivvotaw 49.8 fil-mija, u 

 

fl-aħħar elezzjoni ta’ l-2004, marru jivvotaw 45.6 fil-mija biss.

 

Trattat iżgħar

 

L-Unjoni Ewropea ħadet il-parir tal-President Franċiż Nicolas Sarkozy biex tagħmel trattat iżgħar flok it-Trattat dwar il-Kostituzzjoni li l-Franċiżi u l-Olandiżi vvotaw kontra. 

 

Waqt li t-Trattat dwar il-Kostituzzjoni kien fih 67,850 kelma, it-Trattat ta’ Lisbona fih 76,250 kelma!

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 28 ta’ Frar, 2008

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ