MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

   

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Kontradizzjonijiet kbar fl-UE

 

L-Unjoni Ewropea hija miżgħuda b’kontradizzjonijiet kbar.

 

Waħda minnhom kixfithielna l-kummiedja tal-baġit ta’ l-Unjoni għas-snin 2007-2013.

 

Fit-tfassil tal-baġit ta’ l-Unjoni nsibu l-ħrafa ta’ kif l-Unjoni tagħmel il-kalkoli u l-kontijiet tagħha.

 

L-Unjoni tagħmel il-kalkoli u kontijiet għal medda ta’ seba’ snin f’daqqa u dan tagħmlu mill-inqas madwar sentejn qabel il-bidu tas-seba’ snin.

 

Tajjeb li nfakkru li l-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni kellhom jaqblu f’Ġunju ta’ l-2005, taħt il-presidenza tal-Prim Ministru tal-Lussemburgu, Juncher, dwar il-baġit tas-snin 2007-2013.


Ma qablux, u wara ħafna tiġbid, taħt il-presidenza tal-Prim Ministru Ingliż, Blair, il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni ftehmu dwar il-baġit, qrib l-aħħar jiem tas-sena.


Infakkru wkoll li l-baġit miftiehem fl-aħħar tas-sena l-oħra mill-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, kien inqas minn dak li l-Parlament Ewropew approva madwar disa’ xhur qabel.

 

Meta issa l-baġit miftiehem mill-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni reġa’ tressaq fil-Parlament Ewropew, il-maġġoranza tal-membri parlamentari vvotaw kontrih.

 

Min jitkellem għall-poplu?


Dan il-fatt, li l-Parlament Ewropew ma approvax il-baġit miftiehem mill-Kunsill Ewropew magħmul mill-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, ħawwad lil ħafna nies.

 

Għax il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni jirrappreżentaw lill-maġġoranza tal-poplu ta’ kull pajjiż ta’ l-Unjoni u flimkien jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-popli kollha ta’ l-Unjoni.

Min-naħa l-oħra, il-membri tal-Parlament Ewropew jirrappreżentaw ukoll l-istess poplu ta’ kull pajjiż ta’ l-Unjoni.
B’danakollu, il-Membri Parlamentari Ewropej ma qablux mal-mexxejja ta’ l-istess popli ta’ l-Unjoni.

 

Għalhekk ħafna jistaqsu min jitkellem għall-popli tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni: il-Prim Ministri, jew il-Membri Parlamentari Ewropej tal-popli ta’ l-Unjoni?


F’kull pajjiż demokratiku, il-Gvern ikollu joqgħod għar-rieda tal-Parlament nazzjonali u l-Kap tal-Gvern irid jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Parlament.

 

Għalhekk il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni kellhom l-appoġġ tal-maġġoranza fil-Parlamenti nazzjonali meta waslu fil-ftehim dwar il-baġit ta’ l-Unjoni.

 

B’danakollu, issa sabu ruħhom li m’għandhomx l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Parlament Ewropew.

 

Il-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni se jkollhom ibaxxu rashom għar-rieda tal-Membri Parlamentari Ewropej, jew il-Membri Parlamentari Ewropej ikollhom iċedu għar-rieda tal-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni?

 

Min se jagħmel tajjeb?

 

Jekk il-baġit ta’ l-Unjoni jiffissah il-Parlament Ewropew, se jkunu l-membri tal-Parlament Ewropew li jiddettaw kemm ikunu l-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi membri u mhux il-membri tal-Parlamenti nazzjonali li jiddeċiedu kemm japprovaw x’kontribuzzjonijiet jagħmlu l-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.


Iżda l-kontribuzzjoni li pajjiż jagħmel lill-Unjoni tiġi mit-taxxi tal-poplu ta’ dak il-pajjiż.

 

Fi kliem ieħor, huwa l-poplu tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni li bil-ħlas tat-taxxi jrid jagħmel tajjeb għal dak li l-pajjiż jikkontribwixxi lill-Unjoni.

 

Għalhekk fl-aħħar mill-aħħar, min għandu dritt jgħid kemm pajjiż jikkontribwixxi lill-Unjoni, il-Membri Parlamentari nazzjonali li minnhom jiddependi l-Gvern tal-pajjiż, jew il-Membri Parlamentari Ewropej ta’ dak il-pajjiż li ma għandhomx setgħa dwar it-taxxi li jitħallsu mill-poplu tal-pajjiż?


Ħafna tħawdu hawn Malta meta qraw l-aħbar li jekk il-baġit ta’ l-Unjoni jiżdied skond ma jrid il-Parlament Ewropew, l-ammont li Malta tirċievi mill-Unjoni jkun inqas mill-ammont li tirċievi skond il-bagit miftiehem mill-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

Ikun inqas, għax filwaqt li dak li Malta tirċievi mill-Unjoni jibqa’ l-istess, il-kontribuzzjoni li Malta tagħmel lill-Unjoni tkun akbar.


Dan kollu jwassal għall-qagħda anomala għall-aħħar.

 

Il-Membri Maltin tal-Parlament Ewropew ivvotaw biex il-baġit ta’ l-Unjoni jkun akbar filwaqt li dak li tikseb Malta mill-Unjoni jkun inqas.

 

Huma vvotaw kontra dak li l-Prim Ministru Malti ftiehem fil-Kunsill Ewropew ta’ l-aħħar tas-sena li għaddiet.

 

Kontribuzzjoni akbar ta’ Malta lill-Unjoni tfisser ħlas aktar mit-taxxi tal-poplu Malti.

 

Taħwid kbir


L-istorja tal-baġit hija xempju tat-taħwid kbir li hemm fl-Unjoni.

 

Il-baġit approvat mill-Parlament Ewropew ma kienx dak propost mill-Kummissjoni Ewropea.

 

U l-Kummissjoni Ewropea spiċċat biex qablet mal-baġit miftiehem mill-mexxejja fil-Kunsill Ewropew, li issa l-Parlament Ewropew ma aċċettax.


F’pajjiż immexxi minn demokrazija parlamentari, meta l-baġit tal-Gvern ma jgħaddix, il-Gvern ikollu jirriżenja għax ikun sfiduċjat.


Il-Kummissjoni Ewropea li l-baġit maqbul minnha ma għaddhiex mill-Parlament Ewropew, mhix se tirriżenja minkejja li jmissha tħossha sfiduċjata.

 

Ir-regoli tad-demokrazija parlamentari ma jghoddux għall-Unjoni Ewropea.

 

Is-sena 2005 kienet waħda mill-agħar għall-Unjoni.

 

Kellna mhux biss it-taħwida kbira dwar il-baġit tas-snin 2007-2013, iżda kellna wkoll l-istraġi tal-Kostituzzjoni għall-Ewropa li l-maġġoranza kbira tal-poplu Franċiż u tal-poplu Olandiż ċaħdu, minkejja lil l-Kostituzzjoni kienet miftehma mill-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni.


Huma ġrajjiet bħal dawn li jfarrku lill-Unjoni. Il-bosk, bil-ħatab tiegħu jinħaraq.

 

Aħbarijiet ħżiena mill-UE


F’dawn l-aħħar ġranet kellna żewġ aħbarijiet koroh mill-Unjoni Ewropea.

 

Thabbar li l-Unjoni ddeċidiet li wara s-sena 2010 trid tidħol it-taxxa tal-VAT fuq l-ikel u l-mediċini.

 

Sar magħruf ukoll li l-Unjoni mhix qiegħda topponi li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tuża l-bombi nukleari kontra l-Iran. Iż-żewġ aħbarijiet jinkwetawna ħafna.

Dwar it-taxxa tal-VAT fuq l-ikel u l-mediċini, ma nsibux kliem biex infissru l-għadab tagħna ghan-nuqqas ta’ kuxjenza soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Għax meta tintaxxa l-ikel u l-mediċini, l-Unjoni taf li se tolqot ħażin ħafna lis-setturi tas-soċjetà li għandhom dħul baxx li fil-waqt li jiżdidulhom l-ispejjeż għall-għixien, ma jkollhomx żidiet fil-paga biex jagħmlu tajjeb għalihom.

 

L-Unjoni taf li taxxi fuq il-mediċini jagħfsu l-aktar fuq ix-xjuħ, il-morda u l-familji bit-tfal żgħar.

 

L-Unjoni ma jimpurtahiex minn dawn avolja taf li dawn se jġarrbu tnaqqis fil-livell ta’ l-għixien tagħhom.

Il-propagandisti ta’ l-Unjoni lanqas jimpurtahom li meta riedu jneħħu l-levies fuq l-oġġetti ta’ barra, kienu jgħidulna li għax iridu jraħħsu l-prezzijiet.

 

Bit-taxxa tal-VAT, se jgħollu l-prezzijiet ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u tal-mediċini.


Diġà l-poplu qiegħed isofri żieda fl-għoli tal-ħajja minħabba li sseħibna fl-Unjoni.

 

Se jkollna żidiet oħrajn fil-prezzijiet, meta naqilbu għall-Ewro.

 

Jerġa’ jkollna qabża oħra fil-prezzijiet ta’ l-ikel u tal-mediċini meta tidħol it-taxxa tal-VAT fuqhom.

 

Dal-gwaj kollu nsibuh ma’ wiċċna sakemm nibqgħu mseħbin fl-Unjoni Ewropea.


It-tieni aħbar, dwar l-użu tal-bombi nukleari kontra l-Iran, hija xokkanti u turina li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex kuxjenza meta taċċetta li jintużaw dawk l-armi qerrieda li huma delitt kontra l-umanità.

 

Huwa minnu li żewġ pajjiżi ta’ l-Unjoni, jiġifieri l-Ingilterra u Franza, għandhom ħażniet ta’ bombi nukleari u li dawn jistgħu jintużaw mill-armata ta’ l-Unjoni, jekk l-Unjoni hekk tiddeċiedi.

 

Iżda konna nittamaw li dawn iż-żewġ pajjiżi qatt ma jduru għal bombi nukleari jekk ma jintużawx qabel kontrihom.


Dak li sar issa magħruf huwa li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, id f’id ma’ l-Iżrael u bl-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea u tat-Turkija, ħejjiet pjan biex tattakka lill-Iran u tuża bombi nukleari, bl-iskuża li trid twaqqaf lill-Iran milli jagħmel bomba nukleari huwa.

 

Aħna ma nistgħu naċċettaw qatt li jintużaw il-bombi nukleari.

 

Bħala membri ta’ l-Unjoni Ewropea jmissna nheddu li mmorru kontra l-Unjoni jekk hija taċċetta li jintużaw il-bombi nukleari.

 

Mhux biżżejjed ngħidu li ma naqblux, iżda għandu jkollna l-kuraġġ li nikkundannaw lill-Unjoni u nibbojkottjawha jekk hija taqbel li jintużaw il-bombi nukleari.


Il-morali Nisranija tagħna timponi dan bħala obbligu fuqna u anki politikament, il-poplu tagħna kien iddeċieda li neħduha kontra l-użu ta’ l-armi nukleari.

 

Is-sħubija fl-Unjoni ma tiskonġraniex minn dan id-dnub.  

 

Is-Sibt, 28 ta’ Jannar, 2006

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ