MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Immoralita` ta’ l-Unjoni Ewropea
F’PAJJIŻNA
l-kritika kontra l-Unjoni Ewropea qiegħada tiżdied u tiħrax u
mhux ġejja biss mis-CNI.
Skond l-aħħar Ewrobarometer ta’ l-Unjoni Ewropea, fl-aħħar sitt xhur in-numru tal-Maltin li għandhom fiduċja fl-UE naqas b’10 fil-mija.
Dan jirriżulta minn stħarriġ ta’ l-opinjon pubblika li sar qabel ma l-Unjoni ddeċidiet li ma tafdax lill-popli tal-pajjiżi membri, għax tibża’ li l-maġġoranza jivvotaw kontra t-Trattat li għamlet.
Il-ġimgħa l-oħra żewġ kittieba kellhom kliem ta’ tmaqdir għall-Unjoni Ewropea f’dan il-ġurnal.
Inħossu li huwa mportanti li nfakkru lill-qarrejja x’kitbu dawn iż-żewġ korrispondenti serji.
Il-korrispondent taħt il-psewdonomu “Platernian”, fil-15 tax-xahar kiteb hekk:
“…li dik li kellha tkun kostituzzjoni ġdida nbidlet fi trattat, għax il-mexxejja beżgħu li ċ-ċittadini jirrifjutawha, kif għamlu f’xi pajjiżi u xorta wħud mill-mexxejja jsostnu li l-ingredjenti essenzjali tal-kostituzzjoni għadhom integrati fit-trattat. Dik li kellha tkun Kostituzzjoni biex tagħti liċ-ċittadini Ewropej iżjed leħen fl-istituzzjonijiet li jirregolaw u jinfluwenzaw ħajjithom, inbidlet fi strataġemma immorali fi trattat li m’għandu ebda mandat popolari.”
“Mhux ta’ b’xejn li politiċi bħal Michael Frendo jibżgħu li ċ-ċittadini jitħawdu. Iżda Frendo u l-politiċi l-oħrajn Ewropej imisshom jibżgħu mill-ġudizzju tal-poplu.”
Tlett ijiem wara l-kitba ta’ “Platernian”, dehret ittra miktuba minn Monsinjur Anton Gauci, li qal li qabel ma qara x’kiteb “Platernian”, kien qara x’kiteb artiklu f’ġurnal Kattoliku barrani Ingliż li wera ruħu tassew imħasseb dwar l-istess immoralita` ta’ l-Unjoni Ewropea msemmija minn “Platernian”.
Mons. Gauci kiteb li dak il-ġurnal qal li wara li l-Franċiżi u l-Olandiżi kienu vvotaw kontra l-Kostituzzjoni ġdida għall-Ewropa, il-mexxejja “għaddew sentejn ifittxu l-mod kif iġibuna qrib l-abbiss”.
Il-ġurnal Kattoliku Ingliż irrimarka li “din hija d-demokrazija stil Ewropew – jekk il-poplu jgħid ‘le’, sus warajh sa ma jgħid ‘iva’! Osserva wkoll li t-Trattat ta’ Lisbona ħa post il-Kostituzzjoni u nkiteb b’diċitura legali għall-aħħar bit-tama li l-poplu tant jitħawwad li jinjorah”!
Il-kittieb wera li dwar it-Trattat ta’ Lisbona l-poplu se jkollu inqas vuċi għax kull ma huwa meħtieġ huwa vot fil-Parlament, mhux referendum ħalli jiddeċiedi l-poplu.
U kompla kiteb hekk:
“Illum l-Unjoni Ewropea għandha numru enormi ta’ uffiċjali li ma ġewx magħżulin mill-popli, imma li jiggvernaw il-ħajja ta’ dawn l-istess popli”
Imbagħad Mons. Gauci rrefera għal xi studjużi li
“waslu għall-konklużjoni li l-Ewropa se tkun tixbah il-verżjoni ta’ Ħitler ta’ Ewropa pagana magħquda. Ewropa b’politiċi li jgħollu lihom infushom, burokratiċi għatxana għas-setgħa”.
Iżda wara l-kittieb semma li studjużi Kattoliċi
“kellhom xi osservazzjoni oħra.
Qalu li ġejna mogħtijin l-Ewropa li tistħoqqilna, wara li lagħabna
ħafna bil-liberaliżmu u l-materjaliżmu, Lestejna s-
sodda tagħna
u issa wasal iż-żmien li norqdu fiha.”

Dawn l-istess studjużi Kattoliċi qalu li “l-Ewropa l-ġdida hija fi gwerra ma l-imgħoddi tagħha u għalhekk il-futur tagħha huwa fil-periklu.”
“Din hija l-Unjoni Ewropea li daħħluna fiha l-mexxejja nsara tagħna” jirrimarka Monsinjur Gauci.
Aħna min-naħa tagħna ngħidu li Eddie Fenech Adami u Gwido DeMarco huma ħatja ta’ dan.
TRID tkun
irrisponsabbli jew baħnan biex tneħħi l-kontrolli fuq min jidħol
f’Malta minn xi pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea, meta l-kriminalita’
organizzata qiegħda tinfirex minn pajjiż għall-ieħor u meta
t-traffikanti tad-droga qegħdin jiżdiedu kullimkien.
Trid tkun baħnan biex tifraħ għax il-Maltin jistgħu jsiefru fl-UE ħielsa bħal meta jmorru Għawdex, meta l-prezz ta’ dan huwa li l-Isqallin u l-Ewropej oħrajn jistgħu jiġu Malta bla ħadd ma jkun jaf bid-dħul tagħhom, qishom sejrin minn tarf s’ieħor fi Sqallija.
Biex ikollna stampa ċara xi tfisser għalina li jitneħħew il-kontrolli fuq min jidħol f’pajjiżna mill-UE u fuq min minna jmur fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni, ejjew nieħdu li f’kull elf persuna hemm waħda biss li tikser il-liġi.
Dan ikun ifisser li għall-pajjiżi ta’ l-UE hemm ir-riskju li 400 Malti (fuq popolazzjoni ta’ 400,000) jistgħu jmorru fihom, jiksru l-liġi.
Għalina jfisser li aħna dħalna għar-riskju li 400,000 (fuq popolazzjoni ta’ 400,000,000 tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni li daħlu fiż-Żona Schengen), jistgħu jiġu Malta u jiksru l-liġi tagħna.
Anki jekk wieħed ma jagħtix kas tal-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni u jżomm f’moħħu li l-eqreb pajjiż għalina hija Sqallija, ir-riskju għall-Isqallin bit-tneħħija tal-kontrolli fuq il-Maltin li jmorru hemm hu li jidħlulhom 400 Malti li jistgħu jiksru l-liġi, fil-waqt li għalina r-riskju hu li jiġu 7,000 Sqallli (fuq popolazzjoni fi Sqallija ta’ 7,000,000) li jiksru l-liġijiet tagħna.
L-irresponsabbli jew il-baħnana fostna jriduna nserrħu rasna li bil-ftehim Schengen se nsaħħu s-sigurta` għax se jikber il-kontroll fuq min jidħol f’xi pajjiż ta’ l-UE mill-pajjiżi barra l-Unjoni.
Bħallikieku biex issaħħaħ il-fruntieri esterni ta’ l-Unjoni għandek tneħħi l-fruntieri interni bejn pajjiż u ieħor ta’ l-UE, mhux tista’ u għandek, issaħħaħ il-fruntieri esterni u ssaħħaħ ukoll il-kontrolli fuq it-traffiku intern ta’ l-UE.
Ġew jiftaħru li bis-saħħa tal-ftehim Schengen, pajjiżna saħħaħ dawn l-oqsma:
* ‘data protection’,
* l-external border management’,
* Police Cooperation’,
* ‘implimentation and management of the Schengen Information System’ (SIS),
* ‘Supplementary Information Request at National Entry’ u
* ‘issuing if visas by consulates in third countries’.
It-tweġiba tagħna hija li dawn l-oqsma kollha stajna ntejbuhom u nsaħħuhom mingħajr ma nneħħu l-kontrolli fuq min jidħol f’pajjiżna mill-UE.
Din mhix kwistjoni li ridna nagħżlu jew dawn il-ħwejjeġ jew inżommu l-kontrolli.
Immissna ddeċidejna li nsaħħu u ntejbu dawn il-miżuri fl-istess waqt li nżommu l-kontroll meħtieġ għas-sigurta` tal-poplu tagħna.
Minflok issagrifikajna s-sigurta` tal-poplu tagħna għall-kilba ta’ l-integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
L-INFIEQ esaġarat
ta’ mijiet ta’ eluf ta’ liri moħlijin fi propaganda bla bżonn għad-dħul
ta’ l-Ewro f’pajjiżna għandu jqanqal l-istmerrija ta’ kull min għandu
sens ta’ responsabbilta` u mhux igawdi minn tant sparpaljar ta’ taxxi mħallsin
mill-poplu Malti.
Din il-kritika ta’ l-infieq skandaluż u fondi pubbliċi fi propaganda fiergħa qiegħda ssir indipendenti mill-kwistjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-bidla għall-Ewro.
Għax il-propaganda żejda favur l-Ewro m’hemmx bżonnha u l-mijiet ta’ eluf minfuqin fuqha jmisshom jintużaw għall-qadi ta’ bżonnijiet għall-kura tal-mard, bħalma huma l-magni tal-kliewi li n-nuqqas tagħhom irridu ntaffuh b’maratoni ta’ ġbir filantropiċi jew aħjar jingħataw lid-Dar tal-Providenza ħalli tkun tista’ tipprovdi alloġġ għal 70 applikant bi bżonnijiet speċjali li m’għandhiex post u fondi għalihom.
Tajjeb li nfakkru li bil-ftehim ta’ l-2003 tas-sħubija ta’ Malta fl-UE, l-Unjoni obbligat lil pajjiżna li jdaħħal il-munita komuni tagħha minflok il-Lira Maltija u l-Gvern Malti ma setgħax jgħid le għal dik il-kundizzjoni ladarba ried li akkost ta’ kollox li l-Unjoni sseħibna magħha.
Tajjeb li
nfakkru wkoll li minn ħafna snin qabel ma sseħibna fl-UE, il-Lira
Maltija kisbet saħħa kbira u prova ta’ dan kellna r-rata tal-kambju
tal-Lira Maltija aktar minn lira u nofs Sterlina Ingliża u aktar minn tliet
Dollari Amerikani.
Il-munita Maltija ma kellhiex bżonn il-munita komuni ta’ l-Unjoni biex tissaħħaħ u dan ngħiduh independentament mill-vantaġġi u l-iżvantaġġi li l-Ewro tista’ ġġibilna.
Għalhekk huwa għal kollox barra minn loku u bla raġuni dan il-ftaħir u ferħ kollu għax se nwarrbu l-Lira tagħna biex minflokha nużaw l-Ewro ta’ l-UE.
Min huwa ta’ l-affari tiegħu u mhux bla ġieħ u ruħu mibjugħa lill-barranin, imissu juri dispjaċir li se jkollna nwarrbu biċċa oħra mill-identita` nazzjonali u s-sovranita` politika tagħna u b’hekk se nagħtu lill-barranin tal-Bank Ċentrali Ewropew aktar għodda biex jikkontrollaw il-ħajja ekonomika u kummerċjali tal-poplu tagħna.
It-telfien tal-Lira Maltija hu pass ieħor fil-proċess mibni bis-sħubija tagħna fl-UE biex minn nazzjon indipendenti nsiru reġjun integrat fil-blokk Ewropew.
Ftit jilħaq jgħaddi żmien mid-dħul ta’ l-Ewro fl-Ewwel tas-Sena d-dieħla li l-poplu ma jibdiex iħoss iż-żieda fl-għoli tal-ħajja kaġun ta’ l-Ewro.
Id-daqq tal-kunċerti u l-ħsejjes u d-dawl tal-logħob tan-nar ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena jinbidlu fit-tgergir u l-korla tal-kotra li ssib li għal darb’oħra, min kellu jħares l-interess tagħna, reġa’ ttrradiha ħalli jaqdi lill-barrani.
Imbagħad jikber l-għadd ta’ dawk li bħalna jemmnu li aħjar nerġgħu niksbu l-indipendenza u l-ħelsien ħalli nkunu nistgħu nieħdu l-passi meħtieġa ħalli nrażżnu l-għoli tal-ħajja.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis, 27 ta' Dicembru, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ