MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GHID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGHEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGHEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Il-ftehim tas-sħubija għandu jinbidel malajr

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Araw kif tassew nistgħu nitilqu mill-Unjoni Ewropea

Dan huwa video tal-Parlament Ewropew

 Video Parlament Ewropew

 

Minkejja li l-esponenti ewlenin tal-Gvern, ta’ l-Oppożizzjoni u tal-Knisja f’Malta qegħdin jitkellmu b’mod li jagħtu wieħed x’jifhem li issa l-poplu Malti kollu aċċetta bħala fatt li ma jistax jinbidel li Malta hija msieħba fl-Unjoni Ewropea, huma jmisshom jafu li eluf ta’ Maltin għadhom ma jaqblux mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u li eluf oħra ta’ Maltin ma jaqblux mal-kundizzjonijiet u l-pattijiet tal-ftehim (jiġifieri l-pakkett), li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Dak li kien meqjus fundamentalment ħażin fis-sħubija fl-Unjoni Ewropea ma sarx tajjeb billi ġab favurih maġġoranza ta’ 12,000 vot fl-aħħar elezzjoni. 

 

Dak li kien meqjus ta’ ħsara fil-kundizzjonijiet tal-ftehim magħmul ma’ l-Unjoni Ewropea ma sarx ta’ ġid sempliċiment għax il-maġġoranza approvat li l-Gvern jiffirma l-ftehim.

 

Jagħmlu ħazin ħafna

 

Jagħmlu żball kbir il-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-Knisja f’Malta jekk jibqgħu jagħmlu ta’ bir-ruħhom li issa l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet tal-ftehim li l-Gvern Malti għamel ma’ l-Unjoni Ewropea, u l-kwistjoni l-oħra tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, m’għadhomx jezistu f’Malta.

 

Għal eluf ta’ Maltin u Għawdxin dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma ħajjin u mhux se jispiċċaw la bid-diskorsi sbieħ u lanqas bl-omeliji ferventi li r-rappreżentanti tal-Gvern, ta’ l-Oppożizzjoni u tal-Knisja f’Malta jagħmlu dwar l-opportunitajiet u l-vantaġġi ġodda tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Il-Maltin u l-Għawdxin li se jġarrbu l-konsegwenzi ħżiena, bħalma huma s-sensji, tal-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea se jduru fuq dawk fil-Gvern, fl-Oppożizzjoni, u fil-Knisja li qegħdin ibassru opportunitajiet u vantaġġi u jżommuhom responsabbli għat-tbatija u l-ħsara li se jsofru huma u l-familji tagħhom. 

 

Min se jbati l-konsegwenzi ħżiena tal-ftehim tas-sħubija, mhux se jsir favur il-ftehim. 

 

Anzi, jekk qabel kien favur, wara li jduq l-imrar tal-ftehim tas-sħubija, idur kontra l-Unjoni Ewropea u jisħet lil dawk li jitkellmu favuriha.

 

Ftehim ħażin ta’ sħubija

 

Issa li bdejna nġarrbu l-effetti negattivi tal-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, nistgħu aktar minn qabel nifhmu liema huma l-aspetti negattivi ta’ dak il-ftehim. 

 

In-numru ta’ dawk kontra l-ftehim tas-sħubija qiegħed jiżdied b’dawk li kienu favurih, iżda ntlaqtu bl-effetti negattivi tiegħu, bħalma huma s-sensji, u għalhekk issa daru kontrih. 

 

U aktar ma jgħaddi ż-żmien u aktar ma l-ftehim jitwettaq, aktar nies jintlaqtu bl-effetti ħżiena tiegħu u aktar nies iduru kontra l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Min jintlaqat bl-effetti ħżiena tal-ftehim tas-sħubija mhux se jikkonsla la bil-kliem ta’ l-esponenti ta’ l-Oppożizzjoni li issa ma jridux jikkritikaw il-ftehim, u lanqas bil-kliem ta’ l-esponenti tal-Knisja li issa jridu jieħdu sehem fit-twettiq tal-ftehim. 

 

Il-Kampanja Ħelsien Nazzjonali (CNI) mhux se tkun intimidata minn ħadd u mhux se tibqa’ lura fil-kritika tagħha tal-ftehim tas-sħubija li l-Gvern Malti għamel ma’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Il-ftehim kien ħażin u għadu ħażin għall-poplu Malti u speċjalment għall-ħaddiema. 

 

Aktar ma l-ftehim tas-sħubija jitwettaq, aktar se tkun il-ħsara li ssir lill-poplu tagħna. 

 

Aktar ma dak il-ftehim jinbidel malajr, aktar niffrankaw tbatija u swat lill-poplu u specjalment lill-haddiema.

 

Jonqsu l-investiment u x-xogħol

 

Il-ftehim tas-sħubija li l-Gvern għamel ma’ l-Unjoni Ewropea ma jippermettix li jingħataw inċentivi u għajnuniet lill-investituri li jkunu jridu jwaqqfu l-impriżi tagħhom f’pajjiżna. 

 

Dan huwa wieħed mill-aspetti negattivi tal-ftehim li hemm bżonn li jinbidel urġentement għax għandna bżonn urġentement li niġbdu investiment ġdid lejn pajjiżna. 

 

Mingħajr investiment ġdid ma jinħolqux impjiegi ġodda f’pajjiżna. 

 

Hemm il-ħtieġa li nfehmu lill-Unjoni Ewropea li l-ftehim li sar magħha jrid jinbidel ħalli nerġgħu nkunu f’qagħda li nagħtu għajnuniet u inċentivi lil min ikun lest jinvesti f’pajjiżi f’impriżi li jipprovdulna x-xogħol għall-ħaddiema tagħna. 

 

Min mhux lest jaħdem ħalli nfehmu lill-Unjoni Ewropea li din hija kwistjoni urġentissima u importanissima għalina, ikun qiegħed jagħmel dispett kbir liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema tagħna li jkunu qegħdin ifittxu x-xogħol.

 

Dan għandhom jifhmuh il-mexxejja tat-trade unions kollha, kif ilhom jinsistu l-mexxejja tal-General Workers’ Union li din għandna nqisuha bħala kwistjoni nazzjonali li titlob sforz nazzjonali biex insolvuha. 

 

Is-CNI taqbel li l-kwistjoni tal-ħarsien tax-xogħol u tat-tkattir ta’ l-impjiegi f’pajjiżna għandna nqisuha bħala l-iprem kwistjoni li pajjiżna għandu quddiemu llum. 

 

Is-CNI ma taqbilx ma’ min lest jissagrifika x-xogħol u l-impjiegi għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Is-CNI lanqas taqbel ma’ min irrassenja ruħu li jaċċetta l-ftehim bil-kundizzjonijiet li fih għax jaħseb li l-ftehim ma jistax jinbidel.

 

X’vantaġġi aqwa mix-xogħol?

 

M’hemm ebda vantaġġ fil-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea li minħabba fih għandna nkunu lesti li nissagrifikaw ix-xogħol u l-impjiegi tal-ħaddiema u ż-żgħażagħ tagħna. 

 

U biex inħarsu x-xogħol u l-impjiegi tal-ħaddiema u ż-żgħażagħ tagħna għandna nkunu lesti nissagrifikaw il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Fl-opinjoni tas-CNI dan għandu jkun il-prinċipju li jiggwida lit-trade unions tagħna fl-insistenza li għandhom jaghħmlu ma’ l-Unjoni Ewropea ħalli din tasal biex taċċetta li xxejjen l-aspetti negattivi kollha li hemm fil-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni li għandhom l-effett li jnaqqsu x-xogħol u l-impjiegi f’pajjiżna. 

 

Diġŕ seħħew sensji f’pajjiżna b’konsegwenza tal-ftehim tas-sħubija. 

 

Bil-miżuri li l-Gvern Malti ntrabat ma’ l-Unjoni Ewropea li jkollu jieħu, is-sensji se jiżdiedu. 

 

Jekk dan il-gwaj huwa aċċettabbli għall-Prim Ministru, għall-Ministri, għall-Partit Nazzjonalista, mhux xi ħaġa li t-trade unions jistgħu jaċċettawha, u mhux ħaġa li l-Partit Laburista jmissu jaċċetta. 

 

Għas-CNI din mhix xi ħaġa li naċċettaw, u nibqgħu nsostnu bil-qawwa kollha li kull min għandu kuxjenza soċjali, ma jistax jaċċettaha. 

 

Ma nifhmux kif jista’ jkun hemm xi ħadd fil-Knisja f’Malta li lest jaċċetta li l-ħaddiema u ż-żgħażagħ tagħna ma jkollhomx xogħol basta ma jintilfux il-vantaġġi tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Jekk l-Unjoni Ewropea verament trid il-ġid lill-poplu tagħna, ma tistax twaqqgħu fil-miżerja tal-qgħad kbir li l-ftehim tas-sħubija li l-Gvern irresponsabbilment għamel, se jikkaġunalna.

 

Kriżi fl-Unjoni Ewropea

 

Il-kmandamenti ta’ l-Unjoni Ewropea jinbidlu. 

 

Nhar it-Tlieta l-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Unjoni Ewropea ddeċieda li ma jittieħdux passi kontra l-Ġermanja u Franza li kienu qegħdin jiksru l-kmandament tal-Patt ta’ Tkattir u ta’ Stabilitŕ li l-Unjoni Ewropea għandha li ma jippermettix li pajjiż membru li għandu l-munita komuni, il-Euro, ikollu żbilanċ (defiċit) ta’ iktar minn tlieta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tiegħu. 

 

Din id-deċiżjoni tal-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni ħolqot kriżi fl-Unjoni Ewropea.

 

Il-Kummissjoni Ewropea mill-ewwel ikkundannat id-deċiżjoni. 

 

Il-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni kkritika din id-deċiżjoni. 

 

Numru ta’ pajjiżi membri ta’ l-Unjoni ilmentaw li l-kmandamenti ta’ l-Unjoni ma jorbtux lill-pajjiżi membri kollha bl-istess mod. 

 

Ħafna jaħsbu li din id-deċiżjoni se tolqot ħażin it-tkattir ta’ l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Jaħsbu wkoll li din se ddgħajjef is-saħħa tal-munita l-Euro. 

 

Il-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni jgħid li din id-deċiżjoni se tkabbar l-inflazzjoni (iżżid il-prezzijiet). 

 

X’uħud waslu biex igħidu li din id-deċiżjoni tal-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea se toħloq saram għat-tkabbir ta’ l-Unjoni li għandha ssir fl-1 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla.

 

Kollox jista’ jinbidel

 

Id-deċiżjoni li ma jittieħdux passi kontra l-Ġermanja u Franza li qegħdin jiksru r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tifsira akbar. 

 

Ifisser li m’hemm xejn li ma jistax jinbidel fl-Unjoni Ewropea meta l-interessi nazzjonali jitolbu li għandu jsir tibdil.

 

Ir-regola ta’ l-Unjoni li l-iżbilanċ (defiċit) ma jistax ikun akbar minn tlieta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż kienet meqjusa bħala kmandament li ma jistax jinkiser. 

 

Iżda għax hekk jaqbel lill-Ġermanja u lil Franza, l-Unjoni bidlet il-kmandament tagħha. 

 

U issa l-Kummissjoni Ewropea qalet li qiegħda tikkonsidra jekk tisfidax din il-bidla quddiem il-Qorti ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Għalina f’Malta din il-bidla fir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ żewġ pajjiżi membri tagħha toffrilna tagħlima. 

 

Jekk il-kundizzjonijiet tal-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea li l-Gvern iffirma fis-16 ta’ April f’Ateni huma ta’ ħsara għalina, għandna d-dmir u d-dritt li ngħidu lill-Unjoni Ewropea li dawk il-kundizzjonijiet ma jgħoddux għalina u għandhom jinbidlu.

 

Franza u l-Ġermanja jaċċettaw

 

Meta Malta tgħid lill-Unjoni Ewropea li trid tbiddel l-aspetti negattivi li hemm fil-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni, Malta għandha ssib lill-Ġermanja u lil Franza lesti jaċċettaw li jsir it-tibdil bl-istess mod li sar tibdil fir-regoli tal-Patt ta’ Tkabbir u Stabilitŕ fil-każ tal-Ġermanja u ta’ Franza għax sabu li r-regoli tal-Patt li huma marbutin bih, huma ta’ ħsara għalihom fil-qagħda ekonomika li jinsabu fiha llum. 

 

It-tibdil li Malta għandha bżonn li jsir fil-ftehim tas-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea jridu jaqblu miegħu l-24 pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni. 

 

Iżda t-tibdil li Malta jeħtiġilha tagħmel fil-ftehim ta’ sħubija ma jkunx ta’ ħsara jew dannu lil ebda pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni. 

 

Għalhekk ebda pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandu għalfejn isib oġġezzjoni li jsir tibdil fil-ftehim li Malta għamlet, la darba ħadd minnhom ma huwa se jbati b’dak it-tibdil. 

 

L-eżempju tal-Ġermanja u ta’ Franza, l-akbar żewġ pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, għandu jservi ta’ kif għandna nimxu ma’ l-Unjoni fejn ikun hemm fin-nofs l-interessi nazzjonali.

 

Il-Budget għandu jgħinna

 

Il-mument huwa f’waqtu biex infehmu lill-poplu l-ħtieġa li nbiddlu l-ftehim tas-sħubija li sar ma’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Il-poplu ħa xokk kbir biż-żieda ta’ tlieta fil-mija tat-taxxa tal-VAT. 

 

Il-poplu huwa disturbat bis-sensji li diġŕ ngħataw, bit-theddid ta’ aktar sensji li s-sidien qegħdin ibassru, u bl-aħbar ħażin li xi impriżi qegħdin iħejju li jieqfu li joperaw f’pajjiżna u jmorru jaħdmu f’pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea. 

 

Issa l-poplu sab li l-miljuni li wegħduna li ġejjin mill-Unjoni Ewropea mhux se jeħilsu lill-poplu minn żidiet fit-taxxi, minn qtugħ fis-servizzi soċjali, minn tnaqqis fis-servizz tas-saħħa, u milli jkollu jħallas għall-ħwejjeġ li kien intitolat għalihom mingħajr ħlas. 

 

Għalhekk issa huwa l-mument li nfehmu lill-poplu li l-ftehim tas-sħubija huwa żvantaġġjuż u ta’ ħsara għalih, mhux kif kien imġiegħel jaħseb li se jkun ta’ ġid għalih. 

 

F’dan is-sens il-budget huwa ta’ għajnuna għalina għax jista’ jiftaħ għajnejn dawk li ma kinux qegħdin jaraw tajjeb qabel kemm il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea huwa ta’ ħsara għal pajjiżna. 

 

U m’għandniex għalfejn noqogħdu lura li ngħidu lill-poplu li dak li rajna fil-budget huwa biss il-bidu tas-swat li jkollna nbatu jekk ma naħdmux bla heda ħalli nbiddlu l-ftehim ħażin li sar ma’ l-Unjoni Ewropea.

 

Il-Ħamis, 27 ta’ Novembru, 2003

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

 << Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ