MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI

 

Bl-UE se mmorru aktar ħażin

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Fis-snin 50 il-maġġoranza tal-Maltin kien kontra l-‘integration’ mal-Ingilterra.

 

Aħna nemmnu li llum huma wkoll kontra l-‘integration’ mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

 

Għax ‘integration’ tfisser li Malta ma tibqax indipendenti u ħielsa u tintilef bħala rokna żgħira ta’ ħafna pajjiżi ħafna akbar minnha.


L-Unjoni Ewropea miexja lejn l-‘intergration’ tal-pajjiżi membri u l-Prim Minstru Malti qiegħed jieħu sehem fil-ħami ta’ dan u mingħajr ma jgħid lill-poplu x’inhu jiġri.

 

L-Unjoni Ewropea qiegħda tinqeda bil-kriżi hekk imsejħa tal-ewro biex toħloq unjoni fiskali tal-pajjiżi taż-Żona Ewro, u timponi “governanza ekonomika” fuq il-pajjiżi kollha tal-Unjoni.

 

Unjoni fiskali tfisser taxxi l-istess għall-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro. Governanza ekonomika tfisser li l-ekonomiji tal-pajjiżi kollha jkunu kkontrollati mill-Unjoni Ewropea, mhux mill-parlament nazzjonali tal-pajjiżi membri.

 

Parlament 'rubber stamp'


Kemm fil-każ tal-unjoni fiskali, kif ukoll fil-każ tal-governanza ekonomika, ir-rappreżentanti eletti demokratikament mill-poplu fil-Parlament Malti ma jkunu jiswew għal xejn, ħlief biex jittimbraw id-deċiżjonijiet meħudin mill-Unjoni Ewropea.

 

Malta tkun tilfet l-awtonomija tagħha u minflok ‘self-government’, ikollna ‘dictated government’.


Ma nkomplux nidħku bil-poplu billi ngħidulu li l-Prim Ministru tagħna jieħu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet li l-Unjoni Ewropea tagħmel, għax id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-pajjiżi kbar tal-Unjoni li għandhom saħħa biex jiksbu maġġoranza favur dak kollu li jridu huma.


X’jiġri minn pajjiżna m’għadux f’idejn ir-rappreżentanti maħturin mill-maġġoranza tal-poplu, iżda mill-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.


Pajjiżna ma għadux immexxi demokratikament, iżda huwa ggvernat mill-barranin li ma jirrappreżentawx lill-Maltin u l-Għawdxin.

 

Malta tista' tkun hielsa


Mhux minnu li Malta ma tistax tkun politikament indipendenti u ħielsa f’dinja globalizzata.

 

F’dinja fejn hawn madwar 109 stati, mhux bilfors li pajjiżna għandu jkun integrat fl-unjoni ta’ 27 stat li jagħmlu l-Unjoni Ewropea bħalissa.

 

Jista’ jibqa’ politikament indipendenti u ħieles u ma jitqannax bil-problemi kbar tal-pajjiżi kbar tal-Ewropa, kif qed ikollu jagħmel bħala membru taż-Żona Ewro u tal-Unjoni Ewropea.


Mhux biss is-sħubija ta’ pajjiżna fiż-Żona Ewro u fl-Unjoni Ewropea qiegħda ttaqqal il-mixja tal-poplu tagħna b’dejn ġdid (il-€100 miljun li qegħdin insellfu lill-Greċja, l-Irlanda u lill-Portugall), u b’għoti ta’ garanzija (ta’ €704 miljun lill-Fond ta’ Stabbiltà Finanzjarja tal-UE), għal pajjiżi oħrajn, iżda issa Malta se tirċievi inqas fondi mill-Unjoni, waqt li tibqa’ tħallas lill-Unjoni ammonti li jibqgħu jiżdiedu kull sena.

 

Il-Kummissarju Ewropew għall-politika reġjonali, Johannes Hahn, il-ġimgħa l-oħra qal lill-Prim Ministru Gonzi li Malta m’għadhiex intitolata għall-ogħla fondi mill-Unjoni Ewropea, għax m’għadx għandha l-istatus ta’ ‘objective one’, billi l-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta qabeż il-75% tal-medja tal-Prodott Gross Domestiku tal-Unjoni Ewropea kollha.

 

Dan qiegħed iseħħ għax bid-dħul fl-Unjoni Ewropea ta’ pajjiżi bi Prodott Gross Domestiku baxx (il-Bulgarija u Rumanija), tbaxxiet il-medja tal-Prodott Gross Domestiku tal-Unjoni kollha.

 

Malta sejra minn taħt


Dan kollu jfisser li jekk s’issa Malta rċeviet mill-Unjoni d-doppju ta’ kemm Malta ħallset lill-Unjoni, ’il quddiem Malta se tirċievi inqas fondi u se tħallas aktar ammonti kull sena lill-Unjoni.

 

Dan il-fatt issa jkompli jħażżen il-qagħda ta’ pajjiżna li barra l-ħlasijiet li jagħmel kull sena lill-Unjoni, jonfoq spejjeż ħafna aktar minnhom biex ikun jista’ jlaħħaq mad-direttivi kollha u mal-politika tal-Unjoni Ewropea.

 

Pajjiżna kien imur minn taħt meta kellu status ta’ ‘Objective One’.

 

Issa li tilef dan l-istatus, se jmur aktar minn taħt.

 

Sabiex ikun aċċertat li dan huwa minnu, nerġgħu nisfidaw lill-Gvern li jagħmel ‘cost-benefit analysis’ tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.


Iżda l-Prim Ministru Malti jkompli jipprova jiddieħak bil-poplu billi jgħidlu li pajjiżna għandu biex jiftaħar li tant mar ’il quddiem, li l-Prodott Gross Domestiku qabeż il-75% tal-medja tal-Prodott Gross Domestku tal-Unjoni, meta fil-fatt dan ġara għax il-medja tal-Prodott Gross Domestiku tal-Unjoni tbaxxiet.

 

Laqghat hela tal-hin


Il-laqgħat spissi ħafna tal-mexxejja u l-ministri tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi taż-Żona Ewro huma ħela ta’ ħin prezzjuż għall-Prim Ministru u għall-Ministru tal-Finanzi ta’ pajjiżna li jkollhom iqattgħu ħafna żmien barra minn pajjiżna u jittraskuraw il-problemi urġenti ta’ pajjiżna, biex joqogħdu jisimgħu diskussjonijiet li ma jintemmu qatt dwar il-problemi kbar tal-pajjiżi kbar tal-Unjoni Ewropea.


Mhux fl-interess nazzjonali li l-Prim Ministru u l-Ministri Maltin jinħlew f’problemi ta’ pajjiżi oħrajn mingħajr ma jistgħu jikkontribwixxu xejn għas-soluzzjoni tagħhom.

 

L-interess nazzjonali jitlob li l-Prim Ministru u l-Ministri Maltin jiddedikaw l-ħin kollu tagħhom ħalli jipprovaw imexxu aħjar lill-pajjiżna, mhux jieħdu sehem fid-diskussjonijiet dwar il-problemi ta’ pajjiżi li dwarhom il-Prim Ministru u l-Ministri tagħna ma jafu xejn u għalhekk qajla jistgħu jgħinu jsolvu.


M’għandniex bżonn inkunu fl-Unjoni Ewropea biex nadottaw f’pajjiżna l-liġijiet u l-politika tal-pajjiżi tal-Unjoni, li aħna nqisu jkunu tajbin għalina.

 

Dan nistgħu nagħmluh minn barra l-Unjoni.

 

Dejjem hekk imxejna ’l quddiem billi rajna x’inhu jseħħ barra minn pajjiżna, u kellna l-għaqal u d-dehen li nagħżlu minnu dak kollu li qisna kien ta’ vantaġġ għall-pajjiżna, mingħajr ma ntrabatna b’restrizzjonijiet u b’politika li jxekklu, minflok jgħinu, il-progress tal-poplu tagħna.

 

Fil-gwerra fil-Libja il-Gvern kiser il-Kostituzzjoni


IL-KAP tal-Kunsill Transitorju Libjan, Mustafa Abdel Jalil, irringrazzja lill-Gvern Malti għall-għajnuna li Malta tat lir-ribelli mill-bidu tal-gwerra ċivili Libjana.

 

Huwa qal dan lill-Prim Ministru Gonzi meta kien f’Kastilja fil-bidu ta’ Settembru, u Gonzi ma ċaħadx li ta għajnuna militari lir-ribelli Libjani.

 

Baqa’ sieket, u “chi tace, consente”.


L-għotja tal-għajnuna militari lir-ribelli Libjani hi tradiment tal-poplu Malti.

 

Għax il-Gvern ħeba mill-poplu billi dejjem qal li Malta kienet qiegħda tagħti għajnuna umanitarja biss lil-Libjani, u għax il-Gvern mar kontra d-dmir kostituzzjonali li jħares li attivament jilħaq il-paċi fost il-ġnus, kif ukoll għax ħalla l-faċilitajiet militari f’Malta jiġu użati mill-ajruplani u bastimenti tal-gwerra tal-pajjiżi tan-NATO biex jaggredixxu lil-Libja.

 

Heġġew il-gwerra


Fil-gwerra tal-Libja l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta kellhom id-dmir li jaħdmu biex jieqaf il-ġlied u jkun hemm ftehim politiku li jiżgura tmexxija demokratika, ħarsien tal-liġi u rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

 

Iżda huma mhux biss naqsu li jaħdmu għall-paċi, imma saħansitra ħeġġew li jkompli l-ġlied, b’konsegwenzi ta’ eluf ta’ mwiet u ferimineti u qerda kbira tal-pajjiż.


Il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin injoraw kompletament l-appelli ripetuti tal-Qdusija Tiegħu l-Papa għall-waqfien mill-ġlied fil-Libja u għal negozjati għal ftehim politiku, u minflok għamlu kif riduhom jagħmlu l-barunijiet tal-gwerra, Obama, Sarkozy u Cameron.

 

Għax dawn il-mexxejja fil-pajjiżi tagħhom għandhom industriji kbar li jagħmlu l-armi u l-armamenti.


Dawn il-pajjiżi jirnexxielhom jesportaw l-armi u l-armamenti tagħhom kemm-il darba jkun hawn talba għalihom mill-pajjiżi barranin.

 

Aktar ma jkun hemm gwerer, aktar tkun kbira l-esportazzjoni tal-armi u l-armamenti mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Ingilterra u minn Franza.


Għalhekk huwa fl-interess ta’ dawn il-pajjiżi li jfaqqgħu l-gwerer ’l hawn u ’l hinn minn ħin għall-ieħor.

 

L-imwiet mhux importanti


Mhux importanti għall-esportaturi tal-armi u l-armamenti kemm jinqatlu nies u kemm nies jiġu feruti bihom fil-gwerer.


L-importanti li l-armi u l-armamenti jinqerdu fil-ġlied ħalli jerġa’ jkun hemm talba għal aktar armi u armamenti.


Għax b’hekk isir qligħ enormi mill-bejgħ tagħhom, u dħul kbir għall-pajjiżi li jesportawhom.


Il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin appoġġjaw l-aggressjoni tal-pajjiżi tan-NATO kontra l-Libja għax il-bumbardamenti min-NATO tal-ibliet ta’ Tripli, Sirte, Bani Walid u Sabha ma twettqux biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili iżda bi ħsara kbira għaliha.

 

In-NATO għamlu 9,618 air-raid fuq il-Libja, u parti kbira minnhom saru fuq inħawi fil-pajjiż fejn hemm popolazzjoni ċivili.

 

Għalhekk il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin meta appoġġjaw u għenu lin-NATO, saru kompliċi man-NATO fid-distruzzjoni li twettqet fil-Libja u fl-imwiet u l-ferimenti li l-bumbardamenti tan-NATO kkaġunaw.


Il-mexxejja tan-NATO u tal-Istati Uniti tal-Amerika, ta’ Franza u tal-Ingilterra kellhom kliem ta’ tifħir għall-għajnuna kemm umanitarja, kif ukoll militari li l-Gvern Malti ta fil-gwerra tal-Libja.

 

Il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin mhux jiftaħru għandhom bil-kliem ta’ ftaħir ta’ dawn, iżda jmisshom jistħu li jċappsu u ċappsu l-isem ta’ Malta mal-magna tal-gwerra tan-NATO.

 

Għax illum in-NATO ma tistax titqies tarka tad-difiża tal-pajjiżi tal-Punent wara l-aggressjoni li kkommettiet fil-Kosovo, fl-Afganistan u fil-Libja.

 

Ksur ta' non-allinjament


Il-Gvern Malti lanqas kellu d-dehen li jagħmel kif għamlu pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, bħall-Ġermanja, li ma appoġġjatx l-intervent militari tan-NATO fil-Libja, minkejja li hi msieħba fin-NATO, u hi wkoll membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.


Meta għamlu dan, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin fil-fatt allineaw l-politika ta’ pajjiżna mal-politika tal-Istati Uniti tal-Amerika, tal-Ingilterra u ta’ Franza u kontra l-politika tar-Russja u taċ-Ċina li ma qablux mal-intervent militari tan-NATO fil-Libja, u għalhekk marru kontra l-obbligu kostituzzjonali ta’ Malta li tħaddan politika ta’ non-allinjament.


Il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin lanqas ma jistgħu jsostnu li l-għan tan-NATO fil-gwerra tal-Libja kien tajjeb, u allura l-intervent militari kien ġustifikat.


L-ewwel nett għax huwa prinċipju tal-etika li “the end does not justify the means”, u fit-tieni lok, għax l-għanijiet tal-Istati Uniti, ta’ Franza u tal-Ingilterra li ġegħlu lin-NATO tindaħal fil-gwerra fil-Libja ma kienu tajbin xejn, billi kienu biex jissodisfaw l-interessi politiċi u kummerċjali ta’ dawk it-tliet pajjiżi kolonjalisti.


Hu għajb kbir li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin irmew il-politka tan-non-allinjament u l-politka ta’ ħidma attiva għall-paċi biex iservu lis-sidien tagħhom fl-Unjoni Ewropea u fin-NATO.

 

Il-Ħamis, 27 ta’ Ottubru 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ