MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Aktar tagħrif dwar l-Unjoni Ewropea
Xi snin ilu l-Unjoni Ewropea ddeċediet li tnaqqas
l-ammont ta’ qamħ li l-pajjiżi ta’ l-Unjoni jistgħu jipproduċu,
għax qalet li kien hawn produzzjoni żejda tal-qamħ.
Għalhekk iddeċidiet li għaxra fil-mija
tar-raba ma kellux jinħadem u jinżera.
L-Unjoni ma tatx każ tal-miljuni bil-ġuħ li hawn fid-dinja u
lanqas ma mpurtaha li aktar ma jkun hawn qamħ, ikun orħos il-prezz
tiegħu.
Issa hawn nuqqas ta’ qamħ u l-prezz tiegħu għola ħafna.
Il-Ministri tal-Biedja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni
aktar tard dan ix-xahar se jiddiskutu jwarrbux id-deċiżjoni ta’ l-għaxra
fil-mija tar-raba’ ma jinħadimx, bit-tama li s-sena d-dieħla
l-produzzjoni tal-qamħ tiżdied bejn għaxar u 17-il miljun
tunellata.
Skond il-Politika Komuni tas-Sajd ta’ l-Unjoni Ewropea,
hemm kwota ta kemm ħut jista’ jitniżżel l-art u x’daqs ikun.
Ħut li jkun iżgħar mid-daqs deċiż mill-Unjoni u ħut
li jinqabad aktar mill-kwota, irid jintrema lura fil-baħar.
Disa’ u disgħin fil-mija tiegħu jmut.
Fir-reġjun ta’ l-English Channel u l-ibħra ta’ Wales u l-Irlanda,
madwar 60 fil-mija tal-ħut li jinqabad, jintrema lura mejjet, skond dak li
trid l-Unjoni.
Kull sena, eluf ta’ tunellati ta’ bakkaljaw jintrema lura mejjet.
Is-sena l-oħra, fil-North Sea, 8,000 tunellati
intremew lura.
Dan huwa ħela skandaluż u telf ta’ ikel bnin u wkoll inaqqas
ir-riproduzzjoni tal-ħut li kieku ma jintremix mejjet.
Il-Finlandja qiegħda tipprotesta kontra l-proposta
ta’ l-Unjoni Ewropea li tesiġi li fl-Unjoni kollha min jingħata
permess li jkollu senter, irid ikun għalaq it-18-il sena.
Il-Finlandja, fejn l-età legali hija ta’ 15-il sena, qiegħda ssostni li
din il-proposta ta’ l-Unjoni tippenalizza lill-kaċċaturi
“teenagers” u se tqajjem reazzjoni qawwija kontra l-Unjoni Ewropea.
Minħabba l-politika industrijali u kummerċjali
ta’ l-Unjoni Ewropea, prodotti li qabel kienu jinħadmu fil-pajjiżi
ta’ l-Unjoni, issa m’għadhomx jinħadmu.
Dan ifisser telfien ta’ mpjiegi.
Nofs l-ammont kollu tal-ġugarelli li jinbiegħu
fis-swieq ta’ l-Unjoni, huma impurtati miċ-Ċina, fejn il-kumpaniji
tal-pajjiżi tal-Punent qegħdin jisfruttaw ix-xogħol irħis
tal-ħaddiema, nisa u tfal Ċiniżi.
Il-Kummissjoni Ewropea ta’ l-Unjoni l-ġimgħa
l-oħra, instabet mill-Qorti ta’ l-Unjoni ħatja li kkommettiet żball
meta ċaħdet lill-ġurnalisti milli jkollhom aċċess għal
dokumenti li l-Kummissjoni ssottomettiet lill-Qorti f’kawżi bejn għadd
ta’ kumpaniji kummerċjali u l-Kummissjoni.
Il-Qorti għalhekk ikkanċellat id-deċiżjoni
tal-Kummissjoni Ewropea.
Iċ-ċaħda tad-dokumenti lill-ġurnalisti wriet kemm ma kienu
jiswew xejn ir-regolamenti li l-Unjoni għamlet fl-2001 dwar it-trasparenza
tad-dokumenti ta’ l-Unjoni.
L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti, li kienet ħarrket
lill-Kummissjoni Ewropea, sostniet wara s-sentenza tal-Qorti, li se tkompli tagħfas
lill-Unjoni għal trasparenza f’ħidmitha, għax skond
id-demokrazija, l-Unjoni m’għadhiex tkun sigrieta ħlief fejn jidħol
tagħrif kunfidenzjali kummerċjali.
Il-Kummissjoni Ewropea kienet tgħid li “partnership” ma jeżistix.
Issa f’Ottubru li ġej l-Kummissjoni Ewropea u
l-Ukrajna se jagħmlu taħdidiet biex isaħħu l-“Partnership
agreement” li kienu għamlu xi snin ilu.
Dan il-“Partnership Agreement” kien sar wara dik li
kienet magħrufa bħala l-“Orange Revolution” fil-2004 li tat lil
Victor Yushcenko t-tmexxija tal-pajjiż.
Il-“Partnership Agreement” ta’ l-Ukrajna huwa parti mill-politika magħrufa
bħala “Neighbourhood Policy” li l-Unjoni Ewropea tapplika għall-pajjiżi
li huma ġirien tagħha.
Huwa adattat għal Malta meta terġa’ tkun
indipendenti.
Kritika
f’waqtha tat-trattat ta’ riforma
Il-ġurnalist Ingliż Christopher Booker huwa magħruf
bħala wieħed mill-aqwa kritiċi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Kull ġimgħa jikteb fil-ġurnali prominenti artikli fuq l-Unjoni.
Ma setax jonqos li jikkummenta fuq it-trattat il-ġdid
(magħruf bħala Trattat ta’ Riforma) li l-mexxejja tal-pajjiżi
ta’ l-Unjoni ftehmu dwaru fl-aħħar laqgħa għolja li
kellhom f’Berlin, f’Ġunju li għadda.
Booker qajjem ħafna punti importanti dwar it-Trattat ġdid ta’
Riforma ta’ l-Unjoni.
Punt ewlieni huwa dwar it-tibdil li se jseħħ
fil-Kunsill Ewropew ta’ l-Unjoni, li jiġbor fih il-mexxejja tal-pajjiżi
kollha tagħha, li jiltaqgħu kull tant xhur f’laqgħat għolja
(summits).
Sal-lum il-Kunsill Ewropew serva biex fih kull mexxej jirrappreżenta
l-Gvern tal-pajjiż u jħares l-interessi nazzjonali ta’ pajjiżu
fil-kwistjonijiet kollha li jiġu diskussi u deċiżi.
Għalhekk il-laqgħat jitqisu intergovernattivi,
jiġifieri, bejn il-gvernijiet.
Christopher Booker ifisser kif it-Trattat il-ġdid se jbiddel l-istatus
tal-Kunsill Ewropew.
It-Trattat se jagħmel lill-Kunsill uffiċjalment
wieħed mill-istituzzjonijiet jew organi ta’ l-Unjoni, l-istess bħalma
huma l-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.
Bis-setgħat u d-doveri li se jingħata,
il-Kunsill Ewropew se jiffunzjona bħall-Kabinett tal-Gvern ta’ l-Unjoni
l-ġdida li se tinbet jekk it-Trattat jidħol fis-seħħ.
Booker isostni dan għax, fil-waqt li sal-lum kull mexxej ta’ pajjiż ta’ l-Unjoni, fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew jirrappreżenta lil pajjiżu u jħares l-interessi nazzjonali tiegħu, bit-Trattat il-ġdid il-lealtà ta’ kull mexxej tkun lejn l-Unjoni Ewropea.
L-iskop ewlieni tal-ħidma tiegħu fil-laqgħat
tal-Kunsill Ewropew issa se jkun li jippromwovi l-valuri ta’ l-Unjoni, li
jmexxi ’l quddiem l-għanijiet tagħha, jaqdi l-interessi tagħha
u li dan l-iskop jiġi qabel kull lealtà għal pajjiżu.
Skond Booker, l-għanijiet ta’ l-Unjoni Ewropea, fit-Trattat il-ġdid
huma mfisser b’mod tant wisa’ li tista’ tgħid m’hemm xejn li ma
jistax jitqies li jagħmel sehem mill-għanijiet ta’ l-Unjoni.
It-Trattat jagħmilha ċara li l-Unjoni Ewropea
s’issa jkollha s-setgħa li tfassal politika fuq kważi kollox,
fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew.
It-Trattat il-ġdid jagħmilha possibbli li l-Kunsill Ewropew jagħti
setgħat ġodda lill-Unjoni Ewropea li m’għandhiex illum
fit-trattati tagħha.
Il-Kunsill Ewropew qiegħed bit-Trattat il-ġdid
jingħata bħal “cheque” vojt (blank cheque) li fih jista’
jinkiteb l-ammont ta’ flus li l-kunsill ikun irid u meta jrid.
Bħala eżempju ta’ kif il-Kunsill Ewropew jista’ juża din
is-setgħa mogħtija lilu mit-Trattat il-ġdid, Booker isemmi l-każ
li l-Kunsill jiddeċiedi li l-Unjoni Ewropea tibda tikseb fondi direttament
mingħand iċ-ċittadini tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni billi
timponi fuqhom taxxa.
Illum l-Unjoni dan m’għandhiex setgħa tagħmlu,
iżda bit-Trattat il-ġdid jekk jidħol fis-seħħ,
il-Kunsill jista’ jagħti lill-Unjoni li tagħmel taxxa bħal din.
Għalhekk Christopher Booker għandu raġun jistqarr li t-Trattat
il-ġdid jixhed ir-rieda ta’ l-Unjoni Ewropea li tiggverna hija aktar u
aktar lill-pajjiżi membri u li jagħtiha setgħat kważi bla
limiti fuqhom.
Huwa jqis li dan it-Trattat, jekk iseħħ, ikun ifisser “kolp ta’
stat” li jdgħajjef il-qagħda tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri
ta’ l-Unjoni u jġib fix-xejn id-demokrazija fihom.
Nemmnu li l-maġġoranza tal-Maltin ma japprovawx
li t-Trattat il-ġdid jidħol fis-seħħ.

Ilna ngħidu li jridu jaħslu moħħ
it-tfal u l-istudenti fl-iskejjel tagħna dwar ħwejjeġ li għandhom
x’jaqsmu mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Konna għedna li jridu jdaħħlu l-istudju dwar l-Unjoni wara li
kienu daħħlu l-istudju dwar l-Ewropa (European Studies) fl-iskejjel
tagħna.
Għalkemm s’issa għadhom ma ddaħlux
fil-kurrikulu ta’ l-iskejjel l-istudju dwar l-UE, sabu x-xoqqa f’moxta
ħalli mill-bidu ta’ din is-sena skolastika t-tfal u l-istudenti jsibu suġġett
ġdid li jridu jistudjaw – dak kollu li għandu x’jaqsam mal-munita
Ewro.
Skond il-gazzetta li joħroġ kull tant żmien il-Kumitat
responsabbli mid-dħul ta’ l-Ewro f’pajjiżna – in-NECC –
it-tfal u l-istudenti Maltin u Għawdxin “mhux biss se jitgħallmu
dwar il-muniti u l-karti ta’ l-Ewro, jew il-valur ta’ l-Ewro fil-ħajja
ta’ kuljum, iżda se jiskopru wkoll l-istorja ta’ l-Ewro, għax inħolqot
din il-munita ġdida fl-Ewropa u l-benefiċċji ta’ l-adozzjoni
ta’ din il-munita internazzjonali għal pajjiżna”.
Kieku l-iskop ta’ l-introduzzjoni ta’ dan is-suġġett ġdid
kien biss li t-tfal u l-istudenti jitgħallmu dwar il-valur tal-muniti u
l-karti ta’ l-Ewro ħalli jkunu jistgħu jqabbluhom mal-valur
tal-muniti u l-karti tal-lira Maltija li se tispiċċa, wieħed
jifhimha.
Iżda li jridu jdaħħlu f’moħħ it-tfal u l-istudenti
anke “l-istorja ta’ l-Ewro, għax inħolqot u l-benefiċċji
ta’ l-adozzjoni ta’ din il-munita”, huwa biss eżerċizzju ta’
“brain-washing”, jew ħasil tal-moħħ, tat-tfal u l-istudenti
Maltin u Għawdxin.
Lanqas għal mument wieħed biss m’aħna se nemmnu li se jgħallmu lit-tfal u l-istudenti l-verità għaliex inħolqot l-Ewro.
Jew li se jgħidulhom ukoll l-iżvantaġġi tal-munita waħdanija għall-pajjiżi kollha ta’ l-UE, barra li sejrin jgħidulhom x’inhuma l-benefiċċji.
Aktar minn tgħalim, dan se jkun eżerċizzju
ta’ propaganda, li għax mhux se jkollu t-tagħrif sħiħ, se
jkun misinformazzjoni misqija lit-tfal u l-istudenti tagħna.
Barra dan in-nuqqas, irridu nagħmlu kumment ieħor serjissimu.
Biex daħħlu fil-kurrikulu ta’ l-iskejjel ta’
pajjiżna dan is-suġġett ġdid, bilfors kellu jitnaqqas il-ħin
fuq xi suġġett jew suġġetti oħrajn.
Tajjeb ukoll li wieħed ikun jaf jekk dan is-suġġett ġdid
ta’ propaganda ta’ l-UE, hux se jibqa’ parti mill-kurrikulu anki fis-snin
li ġejjin.
La d-Dipartiment u lanqas il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ma taw tagħrif
dwar dan is-suġġett ġdid.
Fil-Parlament għadu ma ntqal xejn.
Nistennew li r-rappreżentanti tal-poplu jinsistu li t-tagħrif meħtieġ jingħata bla dewmien.
Il-Ħamis, 27 ta' Settembru, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ