MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

 Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID

LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET

TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA

LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

Is-CNI hija kontra r-ratifika tal-Kostituzzjoni ta’ l-UE

 

'FID-DISKORS ta’ l-għeluq tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-CNI li saret il-Ħadd li għadda fil-Mosta, iċ-Chairman fisser kif il-Kampanja Ħelsien Nazzjonali, it-tliet partiti politiċi, b’mod partikolari l-Partit Laburista u l-Front Maltin Inqumu jħarsu ilkoll b’manjiera differenti lejn il-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u lejn il-kwistjoni tar-ratifika tal-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE.

Karmenu Mifsud Bonnici, li ġie kkonfermat Chairman tas-CNI, spjega li dwar il-ftehim tas-sħubija u dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea il-qagħda f’pajjiżna hija hekk. 

 

l-Partit Nazzjonalista u l-Alternattiva Demokratika jaqblu mal-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-UE u mal-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ din ta’ l-aħħar.

Il-Front Maltin Inqumu jisħaq li l-ftehim li sar bejn Malta u l-Unjoni Ewropea ma jistax jaħdem u huwa ta’ ħsara għal pajjiżna. 

 

L-UE għandha tifhem li jrid jiġi nnegozjat ftehim tajjeb għall-poplu Malti, jekk trid li Malta tibqa’ msieħba fiha.

 

Il-kwistjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea tiġi wara fl-importanza għall-ftehim il-ġdid ibbażat fuq il-politika ta’ newtralità u l-ħidma għall-paċi.

Skond iċ-Chairman tas-CNI, il-Partit Laburista, filwaqt li aċċetta l-fatt li Malta tibqa’ msieħba fl-UE, huwa marbut bid-deċiżjoni meħuda mid-delegati fid-9 ta’ Novembru, 2003, mill-Konferenza Ġenerali Laburista li, waqt li l-partit ikun fl-Oppożizzjoni, huwa għandu jaħdem ħalli jbiddel il-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni Ewropea u għandu jaħdem biex ikun hemm ftehim ma’ l-Unjoni li ma jkunx żvantaġġjuż u ta’ ħsara għall-poplu Malti, speċjalment għall-ħaddiema.

 

Dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea, Karmenu Mifsud Bonnici qal li fil-waqt li l-Partit Laburista għadu ma ħax deċiżjoni u li d-deċiżjoni għandha tittieħed mill-Konferenza Ġenerali Laburista, hemm illum elementi fil-partit li huwa sejjaħ “Il-Klikka Laburista ta’ l-IVA”, li jridu, akkost ta’ kollox, iġiegħelu lill-partit jivvota man-Nazzjonalisti favur il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE.

Iċ-Chairman tas-CNI imbagħad fisser kif il-linja tas-CNI hija differenti kemm dwar il-ftehim tas-sħubija, kif wkoll dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa saħaq li s-CNI kienet kontra, hija kontra u se tibqa’ kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Għax il-ftehim tas-sħubija tellifna l-Indipendenza u l-Ħelsien sħiħ u l-għan tas-CNI issa huwa li dawn jiksibhom lura.

 

Il-ftehim tas-sħubija għamel ħsara lill-klassi tal-ħaddiema u aktar se jagħmel u l-kunsens tal-maġġoranza għall-ftehim inkiseb b’qerq kbir.

Dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE, iċ-Chairman tas-CNI spjega kif din iġġedded il-ftehim tas-sħubija ta’ l-2003 u din għandha tkun raġuni qawwija biex il-Kostituzzjoni ma tkunx approvata.

 

Iżda r-raġuni ewlenija u fundamentali għall-oġġezzjoni għall-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE hija li l-Unjoni trid li l-liġijiet tagħha jkunu superjuri u aqwa mill-Kostituzzjoni ta’ Malta. 

 

Is-CNI topponi r-ratifika tal-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea mill-Parlament Malti.

 

Il-kompromess ta’ l-astensjoni

 

GĦALKEMM is-CNI topponi li l-Parlament Malti jirratifika l-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE, Karmenu Mifsud Bonnici, fil-laqgħa annwali ta’ l-24 ta’ April, fisser għaliex ippropona lill-Partit Laburista triq ta’ kompromess dwar din il-kwistjoni.

Hu qal li ladarba l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti huma marbutin li jivvotaw favur il-Kostituzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea, din se tiġi rratifikata mill-Parlament Malti, tagħmel x’tagħmel l-Oppożizzjoni Laburista.

 

L-Unika kwistjoni hija jekk l-Oppożizzjoni tingħaqadx mal-Gvern Nazzjonalista biex japprovaw il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea b’maġġoranza ta’ aktar minn żewġ terzi tal-Parlament sħiħ.

Jekk il-Membri Parlamentari Laburisti jiftehmu man-Nazzjonalisti, huma jkunu qegħdin jaċċettaw li l-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea jkunu superjuri u aqwa mill-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

 

Ikunu qegħdin jimminaw in-newtralità ta’ pajjiżna skond il-Kostituzzjoni Maltija u jkunu qegħdin jivvotaw favur il-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li huma kienu vvotaw kontra r-ratifika tiegħu fil-Parlament f’Lulju ta’ l-2003.

 

L-MPs Laburisti jkunu wkoll qegħdin jaċċettaw it-tmiem tad-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralità ta’ Malta u t-tmiem tad-Dikjarazzjoni dwar ir-reġjun ta’ Għawdex, li kienu saru mill-Gvern Malti meta ffirma l-ftehim ta’ l-2003, li issa l-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE qiegħda tħassar.

 

Karmenu Mifsud Bonnici qal li hemm ħafna raġunijiet għaliex il-Partit Laburista m’għandux jivvota favur il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea, izda fl-istess ħin huwa jaf li hemm elementi fil-partit li ma jaċċettawx dan għax iħossu li dan itellef lill-partit milli jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

 

Għalhekk, biex il-partit jibqa’ sħiħ, u fl-istess ħin ma jiċħadx lill-votanti tiegħu li sostnewh kontra l-ftehim tas-sħubija, u biex lanqas ikasbar il-Kostituzzjoni ta’ Malta li saret prinċipalment bis-saħħa tal-Partit Laburista, tressqet il-proposta ta’ kompromess.

 

Din il-proposta tgħid li l-Partit Laburista jastjeni fil-Parlament dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea, billi la jivvota favuriha u lanqas kontriha, u jagħti r-raġunijiet sodi tiegħu għaliex fl-interess tal-poplu Malti l-partit qed jagħmel dan.

 

B’dan il-mod, ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea ssir bis-saħħa tal-voti tal-Gvern biss, u billi dawn ma jlaħħqux il-maġġoranza taż-żewġ terzi tal-Parlament kollu, il-Kostituzzjoni ta’ Malta tibqa’ suprema u superjuri għal-liġijiet li l-Unjoni Ewropea tagħmel.

Mifsud Bonnici temm id-diskors tiegħu billi qal li jemmen li l-maġġoranza l-kbira tad-delegati Laburisti jifhmu li l-proposta ta’ l-astensjoni hija fl-aħjar interessi ta’ l-għaqda fil-partit u ma tnaffarx la lil dawk li huma favur is-sħubija fl-UE u lanqas l-eluf kbar li huma kontra l-ftehim li sar ma’ l-UE fl-2003.

 

Jinkixef il-ksur tan-newtralita`

 

TĦABBAR li l-laqgħat dwar is-sigurta` u d-difiża li kienu jsiru kull ħmistax bejn ir-rappreżentanti tal-pajjiżi kollha ta’ l-UE (inkluża Malta) u r-rappreżentanti tan-NATO, twaqqfu.

 

Twaqqfu għax it-Turkija, li hija msieħba fin-NATO, qiegħda toġġezzjoni li tagħrif militari tan-NATO jgħaddi għand Malta u Ċipru, żewġ pajjiżi li m’humiex fin-NATO.

 

Din l-aħbar kixfet il-fatt li Malta qiegħda tieħu sehem fil-laqgħat militari dwar is-sigurta` u d-difiża tal-pajjiżi ta’ l-UE.

 

Il-laqgħat militari dwar is-sigurta` u d-difiża komuni jixhdu li l-Unjoni Ewropea hija wkoll alleanza militari. Għalhekk Malta qieghda tagħmel parti mill-alleanza militari ta’ l-UE.

 

Dan huwa każ ċar ta’ ksur tan-newtralita` ta’ Malta skond il-Kostituzzjoni Maltija.

 

Il-Kostituzzjoni, fl-ewwel artiklu tagħha, tgħid li Malta, bħala pajjiż newtrali, tirrofta li tieħu sehem f’kull alleanza militari.

 

Il-Gvern ħeba mill-poplu Malti li qed jieħu sehem regolarment fil-laqgħat militari dwar is-sigurta` u d-difiża komuni ta’ l-UE.

 

Kieku l-Oppożizzjoni Laburista kellha tingħaqad mal-Gvern Nazzjonalista biex jivvota favur il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE, l-Oppożizzjoni tkun qiegħda tapprova u tbierek l-aġir anti-Kostituzzjonali tan-Nazzjonalisti u t-tkażbir tan-newtralita` tagħna.

Il-valuri tagħna imminati

FI Spanja issa persuni ta’ l-istess sess jistgħu jiżżewġu lil xulxin.

 

Bis-saħħa tal-ftehim tas-Sħubija li l-Gvern għamel ma l-UE fl-2003, tnejn Spanjoli ta’ l-istess sess miżżewġin jistgħu jiġu u jagħmlu stabbiliment f’Malta bi dritt.

 

Jekk, per eżempju, żewġt irġiel Spanjoli li żżewġu lil xulxin u li waqqfu stabbiliment f’Malta, ikunu jridu jaddottaw tarbija Maltija, huma jagħmlu talba lill-Qorti Maltija għal dan.

 

Il-Qorti Maltija ma taċċettax li ż-żewġt irġiel miżżewwġin jaddottaw it-tarbija.

 

Iżda l-istorja ma tiqafx hawn.

 

Jekk il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE tidħol fis-seħħ, iż-żewġt irġiel jistgħu jagħmlu kawża kontra l-liġi Maltija għax din tiddiskrimina fuq il-bażi tas-sess.

 

Huma jsostnu li jekk il-liġi Maltija tippermetti l-adozzjoni minn raġel u mara miżżewġin lil xulxin, il-liġi għandha tippermetti wkoll li żewġt irġiel miżżewġin lil xulxin jaddottaw tarbija.

 

Inkella tkun qiegħda tiddiskrimina kontrihom minħabba s-sess tagħhom li huwa l-istess.

 

Dan hu wieħed mill-konsegwenzi ħżiena tal-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE.

 

U dan it-tħarbit tas-soċjeta` Maltija se jseħħ bis-saħħa tal-PN li kien twaqqaf biex jiddefendi r-reliġjon u l-patria.

Rema lill-patria bil-ftehim tas-sħubija fl-UE, u se jarmi lir-reliġjon bil-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-UE.

 

Din se tintuża biex ikomplu jiddgħajfu l-valuri morali u soċjali tal-poplu Malti.

 

Ta’ dan il-gwaj se jkun responsabbli ex-President ta’ l-Azzjoni Kattolika.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 27 ta' April, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ