MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kif l-UE toħdilna €376 miljun

 

Il-mexxejja tal-UE qegħdin jgħidu li ħerġin mir-riċessjoni ekonomika, iżda l-qgħad mhux se jonqos.

 

Minbarra l-problema gravi tal-qgħad, ħafna pajjiżi tal-Unjoni qegħdin jiffaċċjaw inkwiet kbir finanzjarju li jista’ jwassalhom biex ifallu.

 

Għat-theddida ta’ falliment finanzjarju, il-politika tal-UE ma tidhirx li għandha tweġiba.

 

Il-pajjiżi membri, li jinsabu fl-inkwiet finanzjarju, huma ħafna.

 

Dawn huma

* l-Portugall,

* Spanja,

* il-Greċja,

* l-Italja u

* l-Irlanda,

* li kollha daħħlu l-ewro.

 

Hemm ukoll

* ir-Renju Unit,

* l-Ungerija,

* il-Latvija u

* l-Litwanja,

li għad għandhom il-munita tagħhom.

 

It-taħlita ta’ pajjiżi bl-ewro u mingħajrha turi li l-ewro ma tagħmilx differenza għall-qagħda finanzjarja tal-pajjiż, u mhux kif il-propagandisti Maltin tal-UE (fosthom il-Prim Ministru), iħobbu spiss jgħidu li Allaħares pajjiżna ma daħħalniehx fiż-Żona Ewro.

 

F’pajjiżna, bis-sħubija fl-UE u bid-dħul tal-ewro b’kollox, id-dejn nazzjonali kompla kiber minn sena għall-oħra.

 

Il-qgħad kiber ukoll.

 

B’danakollu l-qagħda finanzjarja tal-banek tagħna ma ħżinitx

* u ma kienx hemm ħtieġa li l-Gvern jagħtihom xi fondi,

* bħalma ġara fil-parti l-kbira tal-Unjoni,

* mhux biss fid-disgħa li ssemmejt diġà,

* iżda wkoll fil-Ġermanja,

* Franza,

* l-Awstrija u

* l-Belġju,

li lkoll għandhom l-ewro.

 

Għadd ta’ pajjiżi tal-UE li ma daħħlux l-ewro,

* fosthom l-Isvezja u

* d-Danimarka,

mhumiex milqutin mill-kriżi finanzjarja tal-lum.

 

Dan il-fatt juri li l-ewro mhux meħtieġ biex pajjiż iħares il-qagħda finanzjarja tiegħu.


Żewġ pajjiżi fl-UE – Spanja u l-Irlanda – jagħtuna tagħlima importanti ħafna.

 

Għal numru ta’ snin it-tnejn ħadu fondi kbar Ewropej u l-propagandisti Maltin tal-UE kienu jiftaħru mal-poplu tagħna bihom bħala eżempji kemm sħubija sħiħa u l-politika tal-UE jagħmlu ġid lill-pajjiż.

 

Il-qagħda mwegħra ħafna tal-lum taż-żewġ pajjiżi turina

* li l-politika tal-Unjoni u l-fondi tagħha

* ma jiżgurawx lill-pajjiż sostenibilità ekonomika

* u lanqas stabilità finanzjarja fit-tul,

* u l-avvanz li pajjiż jagħmel bihom huwa artifiċjali,

* mhux sod

* u li maż-żmien iġib gwaj kbir

* u inkwiet soċjali aktar

* milli l-pajjiż kellu qabel beda jwettaq il-politika tal-UE,

bil-fondi kollha tagħha.


Allaħares li l-poplu Malti, bħala membru sħiħ fl-UE, ikollu jgħaddi minn dak li l-popli ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi qegħdin iġarrbu.


Jidher ċar ħafna li s-sħubija fl-UE hija ta’ piż finanzjarju kbir fuq il-poplu tagħna.

 

L-ispejjeż li qegħdin nagħmlu biex inlaħħqu ma’ dak li l-UE trid minn pajjiżna huma enormi, tant li l-Gvern ma jridx jgħarraf lill-poplu kemm l-ispejjeż ilaħħqu.

 

Minbarra l-ispejjeż,

il-poplu Malti jkollu wkoll iħallas direttament lill-UE ammont kull sena.

 

Bejn l-2004 (l-ewwel sena tas-sħubija) u l-aħħar tal-2010,

* skont l-estimi uffiċjali tal-Gvern,

* il-poplu Malti jkun ħallas direttament lill-UE

total ta’ €376 miljun.

 

Biex jitħallsu dawn il-flus,

* il-Gvern Malti kellu jissellef,

* ladarba kull sena spiċċa b’telf jew żbilanċ

* li jagħmel tajjeb għalih billi jissellef.

 

Kieku jissellef b’imgħax ta’ 5% (fil-fatt jissellef b’imgħax ogħla) fuq is-somma ta’ €376 miljun, il-poplu Malti mit-taxxi tiegħu jħallas żejjed €14.3 miljun f’imgħax kull sena.


Dan juri kemm hu kbir il-piż finanzjarju li l-poplu Malti qed ikollu jġorr minħabba l-aġir irresponsabbli u ta’ għajb ta’ dawk li ngannawh biex jivvota favur is-sħubija fl-UE u ta’ dawk li llum qegħdin iqarrqu bih billi jgħidulu li issa ma nistgħux noħorġu u ma jaqblilniex noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

 

Il-valuri tal-Unjoni ma jgħoddux għall-Maltin

 

Dawk mogħmijin wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (fosthom il-Prim Ministru u l-Membri tal-Parlament Malti) qegħdin jinsistu li s-sentenza kontra l-kurċifissi fil-klassijiet tal-iskejjel ingħatat minn qorti li mhix tal-Unjoni Ewropea.

 

Iżda dawn jinsew li ftit ta’ żmien ilu l-Parlament tal-UE ivvota bi 363 favur u 226 kontra l-proposta ta’ Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea li tgħid li l-kurċifiss u simboli oħrajn reliġjużi ma jistgħux ikunu mwaħħlin f’postijiet pubbliċi.


Għalhekk jidher ċar li l-UE taqbel mas-sentenza tal-qorti li qatgħetha kontra l-kurċifissi fl-iskejjel.

 

Jidher għalhekk ċar ukoll li dawk f’Malta mogħmijin wara s-sħubija fl-UE qegħdin jipprovaw iqarrqu bil-poplu Malti billi jserrħulu rasu li s-sentenza tal-kurċifissi ma tgħoddx għal pajjiżna.


Il-poplu għandu jkun jaf ukoll li bis-saħħa tat-Trattat ta’ Lisbona,

* il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għandha tagħti kas ta’ dak li l-Qorti tal-Kunsill tal-Ewropa tiddeċiedi

* u li l-Konvenzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa

* tgħodd ukoll għall-UE

* u li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem,

* li huma parti mit-Trattat ta’ Lisbona,

huma bħad-drittijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa.


Is-sentenza tal-qorti kontra l-kurċifissi fl-iskejjel

* hija bbażata fuq il-Konvenzjoni Fundamentali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill,

* għalhekk tolqot ukoll lill-UE,

* minkejja li l-propagandisti Maltin tal-UE

jitqanżħu biex jilludu lill-poplu li s-senten­za ma tgħoddx għalina.


F’dan il-kuntest

* jista’ jingħad li fis-swali u l-kmamar tal-Isptar Mater Dei

* ma tħallewx is-simboli reliġjużi li kien hemm fl-Isptar San Luqa

u ħafna jsostnu li dan huwa minħabba s-sħubija fl-UE.

 

Fl-Ingilterra waslu biex ma jħallux infermiera jkollha salib mal-ġiżirana tagħha u l-istess seħħ ma’ ‘air hostess’.


Ta’ min ifakkar ukoll li l-UE m’aċċettatx li jissemma Alla fil-Kostituzzjoni tagħha

* u li l-Parlament tal-UE

* m’approvax li persuna tinħatar Kummissarju Ewropew

* minħabba t-twemmin reliġjuż li tħaddan,

minkejja li l-UE tippriedka kontra diskriminazzjoni fuq bażi ta’ twemmin reliġjuż.

 

Min ma jridx ma jarax li l-valuri tal-UE mhumiex il-valuri tal-Maltin.

 

Għall-Unjoni,

* il-qerda tat-tarbija bl-abort hu dritt tal-mara,

* raġel għandu dritt jiżżewweġ raġel ieħor

* u mara għandha dritt tiż­żewweġ mara oħra.


U l-Unjoni lanqas hija kuntenta li hi tħaddan dawn il-“valuri”,

* iżda trid timponihom fuq il-Maltin

* u żżeblaħna jekk ma naċċettawhomx.

 

Meta qiegħed jara dan kollu,

* il-poplu Malti għandu jqum fuq saqajh

* u jgħid lill-UE żżomm dawn id-“drittijiet” u l-“valuri” għaliha,

* għax għalina ma jgħoddux,

billi l-Maltin u l-Għadxin mhumiex pagani.

 

Bit-Trattat ta’ Lisbona aktar jew inqas effiċjenti?

 

Minn Eddy Privitera

 

Fit-Trattat ta’ Nizza kienu qalu li l-Unjoni Ewropea ma tistax titmexxa b’effiċjenza wara t-tkabbir jekk kull stat membru jibqa’ jkollu Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea.

 

U għalhekk iddeċidew li l-Kummissjoni ma jkollhiex aktar minn 20 Kummissarju meta l-UE tikber għal 27 stat membru.


Fit-Trattat ta’ Lisbona aċċettaw li kull stat membru jibqa’ jkollu Kummissarju.

 

U b’hekk l-għadd ta’ Kummissarji mhux se jonqos għal 20.

 

Fl-istess ħin itambru li bit-Trattat ta’ Lisbona “se ttejjeb il-mod kif taħdem biex jiġi assigurat li l-UE tmexxi x-xogħol tagħha bl-aktar mod effiċjenti u effettiv possibbli fis-Seklu 21”.


Nistaqsi:

Allura meta fit-Trattat ta’ Nizza ntqal li l-UE ma setgħetx titmexxa b’effiċjenza jekk ikollha aktar minn 20 Kummissarju, ma kinux jafu x’qegħdin jgħidu?

 

Jew forsi issa ma jafux x’qegħdin jagħmlu li ddeċidew li kull stat membru jibqa’ jkollu Kummissarju u qegħdin jgħidu li b’dan it-Trattat ta’ Lisbona, l-UE se tkun aktar effiċjenti?

 

Dar l-Ewropa miftuħa …Ejjew oqogħdu!

 

Dan l-aħħar ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’pajjiżna fetħet dar fil-Belt, li semmewha Dar l-Ewropa u nfetħet mill-President tar-Repubblika.

 

Saret ukoll kampanja qasira fil-ġurnali dwar dan il-fatt.

 

It-titlu ta’ dawn ir-reklami kien “Dar l-Ewropa miftuħa… Ejja oqgħod!”

 

Intqal li din id-dar se sservi biex l-UE tkun “aktar viċin iċ-ċittadin Malti u Għawdxi”.


Jien lil min imexxi l-propaganda tal-UE ninżagħlu/ha l-kappell.

 

Għandhom ħabta kif jagħmu lill-poplu b’affarijiet ta’ importanza żgħira li però jkabbruhom b’ċerta manjiera li min ma jużax moħħu kif suppost faċli jibla’ l-propaganda tal-UE u jibda jsir jemmen li s-sħubija ta’ pajjiżna hija ħaġa tajba u qiegħda tħalli l-frott.


Lil min biħsiebu jmur jagħti titwila lid-Dar l-Ewropa, nagħtih il-parir biex joqgħod attent x’jgħid u x’jistaqsi lill-uffiċjali li jmexxu d-dar.

 

Ara ma jfettilux jistaqsihom għaliex l-UE ma tridx tħalli liċ-ċittadini Ewropej li jkollhom il-possibbiltà juru fehmthom permezz ta’ referendum kull meta jkun se jsir xi trattat ġdid, bħalma ma kien it-Trattat ta’ Lisbona, meta l-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjonijiet f’kull pajjiż membru dejjem urew li jridu li jiġu kkonsultati b’dan il-mod.


Għax jekk tistaqsu xi mistoqsija bħal din, minflok “Ejjew oqogħdu!” jgħidulkom “Itilqulna ’l barra minn hawn!”.

 

Il-Ħamis, 26 ta’ Novembru, 2009

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ