MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

Ebda ftehim dwar il-Bagit ta’ l-Unjoni

Għal darb’oħra ma ntlaħaq ebda ftehim fil-laqgħa li l-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea kellhom fi Brussels kmieni din il-gimgħa, bil-għan li jaslu għal qbil dwar il-baġit ta’ l-Unjoni għas-seba’ snin bejn il-2007 u l-2013.

Il-laqgħa tal-Ministri tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni falliet minkejja l-appell imqanqal li għamlilha l-President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barroso, li mar għal-laqgħa ħalli jheġġeġ lill-Ministri jilħqu ftehim.

Barroso seħaq dwar il-ħtieġa urġenti li jkun hemm qbil dwar il-baġit għax ħadd ma jista’ jemmen lill-Unjoni meta titkellem dwar tkabbir billi jissieħbu magħha pajjiżi oħrajn ġodda, jekk l-Unjoni lanqas tista’ tiftiehem kif se tiffinanzja lilha stess kif inhi llum.

Aptit imperjali

Kif huwa magħruf, l-aptit ta’ l-Unjoni ħalli taħtaf fl-imperu tagħha pajjiżi oħrajn, huwa kbir hafna.

Hija trid negozjati mat-Turkija.

Qablet li tiddiskuti mal-Kroazja.

U tixtieq tegħleb l-oppożizzjoni għas-sħubija fl-Unjoni tal-popli tan-Norveġja u ta’ l-Isvizzera.

Insomma, m’hemmx limitu għall-kilba ta’ l-Unjoni biex taħkem il-pajjiżi kollha ta’ l-Ewropa, kif għamlet lil Malta.

L-Unjoni trid tkompli tikber, minkejja li l-Franċiżi u l-Olandiżi qatlu l-Kostituzzjoni tagħha, u minkejja li l-oppożizzjoni għall-Unjoni qiegħda tikber f’ħafna mill-pajjiżi li huma membri tagħha, bħalma qed jiġri f’Malta.

Differenzi dwar il-baġit

In-nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi ta’ l-Unjoni dwar il-baġit tas-snin 2007-2013 mhux żgħir.

Il-pajjiżi membri kollha, barra l-Ingilterra, iridu li l-Ingilterra ma tibqax tingħata skont (“rebate”) fuq dak li hija tħallas kull sena lill-Unjoni. Is-sena l-oħra l-iskont leħħaq mal-ħames biljun Euro.

Min-naħa tagħha l-Ingilterra ma tridx tiddiskuti li tnaqqas l-iskont jekk l-Unjoni ma tintrabatx li ‘l quddiem jonqos il-ħlas li l-Unjoni tagħmel kull sena f’sussidji fil-qasam tal-biedja.

Franza, li tgawdi l-aktar mis-sussidji tal-biedja, ma tridx li tiddiskuti tnaqqis għal dak li kien ġie miftiehem fis-sena 2002. Skond dak il-ftehim, madwar 40 fil-mija tal-baġit ta’ l-Unjoni jmur fuq is-sussidji tal-qasam tal-biedja.

Fis-Summit tal-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni li kien sar f’Ġunju ta’ din is-sena, il-Lussemburgu, li kellu l-Presidenza ta’ l-Unjoni, fassal kompromess dwar il-baġit, iżda la l-Ingilterra u lanqas l-Olanda, l-Isvezja, il-Finlandja u Spanja ma qablu miegħu. 

Tbażwir ta’ l-Unjoni

Waqt li l-ħames pajjiżi, l-Ingilterra, l-Olanda, l-Isvezja, il-Finlandja u Spanja ma qablux li jħallsu lill-Unjoni skond kemm ippropona l-Lussemburgu fil-kompromess li ressaq, l-għaxar pajjiżi, fosthom Malta, li ssieħbu l-aħħar fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju, 2004, aċċettaw li jitnaqqsulhom l-għajnuniet imwiegħda lilhom mill-Kummissjoni Ewropea għas-snin 2007-2013.

Dan għamluh ħalli jħajru lil pajjiżi oħrajn jilħqu ftehim fuq il-baġit.

Iżda kien għalxejn u l-intoppi għadhom hemm sal-lum.

Ħafna jikkritikaw bl-aħrax il-mod imbażwar tal-finanzjament ta’ l-Unjoni Ewropea.

Eżempju ta’ dan huwa l-ftehim li l-Unjoni għandha ma’ l-Ingilterra, li bih kull pajjiż ta’ l-Unjoni jħallas kull sena sehmu mill-ammont ta’ l-iskont (rebate) mogħti lill-Ingilterra.

B’hekk Malta tispiċċa kull sena tħallas miljun lira lill-Ingilterra bħala sehemha ta’ dan l-iskont.

Eżempju ieħor ta’ l-arranġamenti finanzjarji assurdi ta’ l-Unjoni huma l-mod kif titmexxa l-politika komuni dwar il-biedja.

Skond din, l-Unjoni tħallas sussidju ta’ żewġ Euro kuljum għal kull baqra li hawn fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

Il-kontradizzjonijiet fl-UE huma kbar u hafna.

Eżempju ta’ dawn huwa li waqt li fl-Unjoni kollha ssir pubbliċità kbira biex jinqata’ t-tipjip minħabba l-ħsara li jagħmel għas-saħħa tal-bniedem, l-Unjoni tħallas miljuni ta’ Euro kull sena biex tissussidja lill-produtturi tat-tabakk.

Bir-raġun ħafna jsostnu li l-Unjoni Ewropea teħtieġ taqliba sħiħa kemm kif inhi magħmula, kemm kif titmexxa, u fuq kollox, fil-politika żbaljata tagħha f’ħafna oqsma.

Huwa sfortuna għall-poplu Malti li l-Parlament, fis-6 ta’ Lulju li għadda, minflok seħaq ma’ l-Unjoni li titbiddel kif meħtieġ, ivvota favur il-Kostituzzjoni tagħha li żżomm dak kollu li huwa ħazin fl-Unjoni u l-politika tagħha.

B’saħtet l-UE

Mhux żball li qed ngħidu “bis-saħta” ta’ l-Unjoni Ewropea, minflok “bis-saħħa” ta’ l-Unjoni.

Għax waqt li ħafna jiftaħru bil-ġunġlien li ksibna bis-sħubija fl-Unjoni, ħadd ħlifna ma jilminta biz-zkuk li weħilna bihom minħabba s-sħubija fl-Unjoni.

Biex joqgħod għal dak li l-Unjoni trid minnu, il-Gvern ikollu jħares ċass u impotenti jara l-ħerba ta’ l-industrija tal-manifattura ta’ pajjiżna u l-għoti tas-sensji lil mijiet ta’ ħaddiema.

Biex iwettaq il-politika ta’ l-Unjoni, il-Gvern qiegħed ibiegħ l-impriżi tal-poplu Malti lill-barranin:

il-Mid Med Bank lill-HSBC,

il-Freeport lil kumpanija Franċiża,

l-Air Terminal lil kumpanija Awstrijaka,

l-Air Supplies lil kumpanija Ingliża,

is-Sea Malta lil Grimaldi, barra oħrajn.

Il-Gvern ikollu jħarbat il-biedja ta’ pajjiżna ħalli jimxi fit-triq ikkundannata minn kulħadd tal-politika komuni agrarja ta’ l-Unjoni.

Fuq l-altar tal-kompetizzjoni u tas-suq ħieles ta’ l-Unjoni, il-Gvern ikollu jissagrifika l-impriżi lokali u l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin.

Għax hekk tammar l-Unjoni, il-Gvern ikollu jilliberalizza l-importazzjoni ta’ ħwejjeġ essenzjali għall-komunità, bħall-prodotti taż-żejt u tal-qamħ, u b’hekk jitlef is-setgħa li jikkontrolla l-prezzijiet tagħhom għall-pubbliku.

Bl-istess mod il-Gvern ikollu jintaxxa l-importazzjoni minn barra l-pajjiżi ta’ l-Unjoni, ta’ prodotti essenzjali, bħal-laħam, iz-zokkor u l-butir, akkost li l-ħajja tkompli togħla mas-smewwiet għall-konsumatur.

L-Unjoni ġġiegħel lill-Gvern jagħmel it-taxxa tal-VAT fuq kollox, anki fuq l-ikel, il-mediċini u l-kotba.

Iġġagħlu jnaqqas is-servizzi soċjali li jagħti bla ħlas u li jbaxxi l-kundizzjonijiet tal-pensjonijiet.

Iġġagħlu jiftaħ beraħ lill-pajjiż għall-irwiefen tal-globalizzazzjoni, minflok jagħmel l-ilqugħ ħalli ma jintmisslux kull ma bena fl-imgħoddi.

Bir-riżultat ikraħ li jingħataw aktar sensji, li l-qgħad jikber, il-ħajja togħla, it-taxxi jiżdiedu u l-faqar jinfirex.

Dan kollu mhux saħta kbira għall-poplu Malti?

Huwa għajb li meta nifhmu dan u naraw il-ħsara kbira li s-sħubija fl-UE qiegħda tagħmlilna, x’uħud fostna tonqsilhom ir-rieda u jitilfu l-kuraġġ li niġġieldu ħalli l-ħerba ma tkomplix issir.

Biex inwaqqfu din is-saħta, rridu nbiddlu l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni, u nfittxu nagħmlu magħha ftehim ieħor li jkun tajjeb għall-poplu Malti, u speċjalment għall-ħaddiema.

Ftehim li qabel kollox jiżgura xogħol produttiv u mpjiegi ġodda għaż-żgħażagħ tagħna.

X’nirbħu bil-ħruġ mill-UE

Il-politika ekonomika ta’ l-Unjoni Ewropea qiegħda tnaqqas l-impjiegi mhux iżżidhom.

F’pajjiżna jeħtieġilna nżidu l-impjiegi.

Għalhekk il-politika ekonomika ta’ l-UE ma tgħoddx għal pajjiżna.

Il-ftehim tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea jorbotna nimxu bil-politika ekonomika ta’ l-Unjoni.

Il-politika ekonomika ta’ l-Unjoni ma tgħoddx għalina.

Għalhekk jeħtieġilna ninħallu mill-ftehim tas-sħubija li għamilna.

Il-ftehim tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE seta’ jsir bis-saħħa tal-maġġoranza tal-poplu.

Għalhekk bis-saħħa tal-maġġoranza tal-poplu l-ftehim jista’ jerġa’ jitħassar.

La ma qablilniex bil-ftehim tas-sħubija li sar, jaqblilna li nħassruh.

La huwa ta’ ħsara għalina, jaqblilna nwaqqfu l-ħsara mill-aktar fis.

Il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni ma ġabilniex investiment produttiv.

Għalhekk jekk inħassru l-ftehim, ma nitilfux investiment produttiv li ma ġiex.

Qabel isseħibna fl-Unjoni, konna kapaċi nattiraw investiment produttiv.

Għalhekk meta noħorġu mill-Unjoni, nistgħu nerġgħu nattiraw investiment produttiv.

Bis-saħħa fl-Unjoni Ewropea qegħdin igawdu ħafna l-ftit, u l-kotra qiegħda tbati.

Jekk ma nibqgħux imseħbin fl-Unjoni, il-kotra ma tkomplix tbati u l-ftit ma jkomplux igawdu ħafna.

Bis-sħubija fl-UE tlifna l-indipendenza u l-ħelsien.

Meta noħorġu mill-Unjoni, nerġgħu niksbu l-indipendenza u l-ħelsien.

Imseħbin fl-UE m’għandniex is-sliem tal-politika ta’ newtralità.

Jekk ma nibqgħux marbutin bil-politika komuni ta’ l-Unjoni Ewropea, nerġgħu niżguraw is-sliem tal-politika ta’ newtralità.

L-Unjoni Ewropea tinsisti li l-pajjiżi membri jnaqqsu s-servizzi soċjali u l-pensjonijiet.

Jekk pajjiżna ma jibqax membru ta’ l-Unjoni, inkunu nistgħu naħdmu biex ma jonqsulniex is-servizzi soċjali u l-pensjonijiet.

L-UE ma tħallix lill-Gvern joħloq ix-xogħol u jżid l-impjiegi.

Jekk noħorġu mill-Unjoni, il-Gvern ikollu s-setgħa joħloq ix-xogħol u jżid l-impjiegi għall-ħaddiema u ż-żgħażagħ Maltin

Barra mill-Unjoni, x’nirbħu ħafna għandna.

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

Il-Sibt, 26 ta’ Novembru, 2005.

<< Lura    http://www.cnimalta.org/2005

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ..................................................

ID Numru...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ