MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Il-Baġit
u l-UE
L-Unjoni Ewropea bierket il-Baġit għas-sena 2007 li l-Gvern Malti ressaq fil-Parlament il-ġimgħa l-oħra.
Il-Prim Ministru Gonzi u s-Segretarju Parlamentari Fenech kemm-il darba f’dawn l-aħħar tliet xhur marru jiddiskutuh biex jaqblu dwaru ma’ l-UE.
Għalhekk
m’hemm xejn fil-baġit li l-Unjoni ma approvatx, kemm it-tnaqqis, kif
ukoll iż-żidiet li fih.
L-Unjoni qablet li għall-għoli tal-ħajja tingħata s-sena
d-dieħla zieda ta’ Lm1.25c fil-ġimgħa, li tfisser Lm91
fis-sena, wara li aktar kmieni din is-sena ngħatat żieda ta’ 50ċ
fil-ġimgħa.
Fl-istess ħin l-Unjoni approvat li fil-2007 is-Segretarji Parlamentari jingħataw
żieda fis-salarju ta’ Lm426, is-salarji tal-Ministri jiżdiedu bi
Lm446 u l-Prim Ministru jkollu żieda ta’ Lm506 fis-salarju.
Il-pensjonanti, iżda għandhom jingħataw żieda għall-għoli
tal-ħajja ta’ Lm1.17ċ biss fil-ġimgħa, li tfisser Lm60.84ċ
fis-sena.
Aktar dħul mit-taxxi
Skond il-baġit maqbul ma’ l-Unjoni Ewropea, il-Gvern is-sena d-dieħla se jdaħħal mill-Income Tax (wara it-tibdil fil-faxex tad-dħul taxxabbli u fir-rati tat-taxxa) u mill-VAT, Lm48, 835,000 aktar milli jkun daħħal din is-sena.
Waqt
li se jżid in-nefqa totali bi Lm23, 625,000 se jispiċċa jagħmel
dejn li l-Unjoni hija kuntenta bih ta’ Lm54, 464,000.
Ftit tal-ġimgħat ilu l-Unjoni Ewropea saħqet mall-pajjiżi
membri biex ma jnaqqsux it-taxxi jew il-‘levies’ fuq il-prodotti taż-żejt.
Bi
qbil ma’ din id-deċiżjoni fil-baġit hemm li l-Gvern se jdaħħal
is-sena d-dieħla, f’dażji u sisa, is-somma ta’ Lm38,300,000 li
tfisser żieda ta’ Lm8,600,000 fuq l-ammont li jkun daħħal din
is-sena mid-dażji u s-sisa fuq il-prodotti taż-żejt u b’hekk
it-tama ta’ roħs fir-rati għolja ta’ l-elettriku u ta‘ l-ilma
taret.
L-estimi mhux bħad-diskors
Mad-diskors tal-baġit mill-Prim Ministru tħabbru l-estimi tad-dħul u l-ħruġ għas-sena 2007.
Meta tiflihom it-tnejn issib li jekk iċ-ċifri ta’ l-estimi huma korretti, il-ftaħir tad-diskors hu falz.
Jekk
il-ftaħir mhux falz, iċ-ċifri ta’ l-estimi m’humiex korretti.
Fid-diskors tal-baġit intqal li fis-snin 2007-2013 se jkollna medja ta’
Lm50,400,000 fis-sena mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni
ta’ l-Unjoni.
Iżda l-estimi ppubblikati juru li miż-żewġ fondi fis-sena 2007 se nirċievu biss Lm42, 730,000.
Imkien
fid-diskors ma jissemma kemm se nħallsu lill-Unjoni fil-2007, fil-waqt li
l-estimi juru li
l-Unjoni
se tirċievi mingħandna Lm22,030,000 fil-2007.
Lanqas fid-diskors tal-baġit ma jissemmew ċerti spejjeż li se
jsiru fil-2007 minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, fosthom l-ispiża
minħabba d-dħul ta’ l-Ewro li skond l-estimi se tkun ta’ Lm700,000
u l-ispiża ta’ Lm420,000 għaċ-ċentru tal-propoganda favur
l-Unjoni Ewropea, il-Forum Malta fl-Ewropa li ħa post il-MIC.
Proġetti mhux maqbula
Kemm fid-diskors tal-baġit, kif ukoll fl-estimi jissemmew il-proġetti li għalihom se jintużaw l-għotijiet mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Iżda
fl-istess ħin jingħad fid-diskors li għalkemm hemm qbil fil-prinċipju
mal-Kummissjoni Ewropea dwarhom, “issa wieħed jistenna li nibdew
in-negozjati finali. Meta l-programmi jiġu maqbula, jkunu jistgħu
jibdew il-proġetti. Fl-istess ħin qegħdin jiġu mħejjijin
wkoll l-istrateġiji fil-qasam ta’ l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali
u dik tas-sajd”.
Fid-diskors tal-baġit jingħad li aktar kmieni din is-sena l-Gvern
nieda skemi li ġabu lejn pajjiżna linja ta’ l-ajru ‘low cost’
(Rynair) b’nefqa ta’ Lm1,000, 000, iżda mkien ma jingħad li
l-Unjoni Ewropea għadha ma tatniex il-permess ħalli jibdew
it-titjiriet.
L-UE tissemma wkoll fid-diskors tal-baġit dwar l-immigranti illegali li
jingħad joħolqu sfida kbira għalina.
Intqal li pperswedejna lill-Unjoni tidħol magħna f’din il-kwistjoni ħalli tgħina.
Iżda
fil-fatt, jidher li l-UE hija aktar ta’ xkiel għalina f’din
il-kwistjoni, għax f’ħafna każijiet jkollna nagħtuhom
status ta’ refuġjati u allura jkunu se jibqgħu f’Malta għal
żmien twil u jkollna ngħinuhom jibnu ħajjithom mill-ġdid.
Id-dħul ta’ l-Ewro
Għalkemm id-diskors tal-baġit jammetti li fil-waqt li l-ekonomija dinjija f’din is-sena kibret bi 5.5 fil-mija, l-ekonomija tal-pajjiżi li daħħlu l-Ewro kibret biss b’2.5 il-mija, jintqal fid-diskors li d-dħul ta’ l-Ewro f’pajjiżna se jżid l-istabbiltà, jiftaħ orizzonti ġodda u opportunitajiet ġodda għal min irid jaħdem f’pajjiżna.
Iżda t-tliet pajjiżi ta’ l-Unjoni li ma daħħlux l-Ewro, marru aħjar ekonomikament minn dawk li daħħluh.
Li ma
ntqalx huwa li l-Unjoni imponiet fuqna li ndaħħlu l-Ewro bħala waħda
mill-kundizzjoni tas-sħubija fl-Unjoni, anki jekk dan ma jkunx ta’ ġid
għalina u jiġrilna bħal ma ġara lit-Taljani li ġarrbu
dannu bid-dħul ta’ l-Ewro.
Ebda azzjoni effettiva kontra l-immigrazzjoni illegali
Fid-diskors tal-Bagit tat-18 ta’ Ottubru l-Prim Ministru qal li kien irnexxielu jipperswadi lill-UE tidħol magħna u tgħinna fl-isfida kbira ta’ l-immigranti illegali, u kompla jgħid:
“fil-fatt
għada fil-għodu se mmur il-Fillandja għal ‘summit’
tal-mexxejja ta’ l-UE li fost l-oħrajn se niddiskutu l-immigrazzjoni
illegali” – paġna 7).
Mid-diskussjoni fil-Filandja ma jidher li ħareġ xejn konkret u pożittiv
u jidher li l-Prim Ministru mar għalxejn, ħlief għar-ritratti u
l-ikliet tas-soltu.
Tant hu hekk li jumejn ilu daħlu f’pajjiżna numru ieħor ta’
immigranti illegali u jum qabel marru mijiet oħrajn f’Lampedusa.
Għalxejn
qed isiru r-rondi minn pattulji Taljani, Franċiżi u Maltin u ma sar
xejn effettiv mill-UE biex twaqqaf l-immigrazzjoni illegali.
F’din il-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali qegħdin nimxu b’politika ħażina li tagħmel ħsara l-interessi nazzjonali basta ma nagħmlux xi passi li ma jogħġobx lill-UE.
Il-Gvern
Malti dejjem jittama li tittieħed azzjoni komuni mill-UE li mhix se tasal
qatt biex issolvilna l-problema tagħna.
Anzi qed jiġri li l-Gvern Malti qata’ jiesu dwar din il-problema, għax fid-diskors tal-Baġit (f’paġna 31) il-Prim Ministru qal:
“Il-qasam
soċjali qed jiffaċċja l-isfida ta’ l-immigranti illegali li
jingħataw status ta’ refuġjati u allura jkunu se jibqgħu
f’Malta għal żmien twil. Minbarra l-impatt finanzjarju, hemm xogħol
kbir għaddej biex jgħin lil dawn ir-refuġjati jerġgħu
jibdew jibnu ħajjithom mill-ġdid, jew f’Malta jew inkella barra minn
xtutna, b’attenzjoni speċjali fuq it-tfal.”
M’hemmx dubju li l-maġġoranza l-kbira tal-poplu Malti ma taqbilx
ma’ politika li tinkoraġġixxi l-immigranti illegali jibqħu
f’Malta bħala refuġjati u jibnu ħajja ġdida f’pajjiżna.
Pajjiżna
m’għandux wisgħa biex barranin jiġu jaħdmu u jieħdu
post il-ħaddiema Maltin li jispiċċaw qegħda.
M’għandniex xogħol biżżejjed għaż-żgħażagħ
tagħna u għalhekk huwa kontra l-interess nazzjonali li nħallu
barranin jieħdu post il-Maltin.
Lanqas nistgħu ninkoraġġixxu refuġjati li jibqgħu
f’pajjiżna basta ma jaħdmux.
M’għandniex
faċilitajiet ta’ ‘housing’ u lanqas nistgħu nipprovdu s-servizzi
soċjali b’xejn, kura b’xejn tas-saħħa u edukazzjoni b’xejn.
Inkunu qegħdin niżirgħu problemi soċjali jekk lir-refuġjati
nagħtuhom jagħmlu l-agħar xogħol fil-pajjiż, kif
sfortunatament jidher li diġà qed jiġri, bħal każ tal-ġbir
tar-‘refuse’.
L-UE tagħmel kif jaqblilha
L-Unjoni Ewropea mis-7 ta’ Ottubru bdiet timponi dazju ta’ 16.5 fil-mija fuq żraben tal-ġilda importanti miċ-Ċina, biex tipproteġi l-produzzjoni taż-żraben tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni.
Din il-miżura ta’ l-Unjoni għandha tifsira kbira għalina.
Tiftakru li l-Unjoni Ewropea kienet ġagħlitna nneħħu
l-‘import levies’ li kienu ta’ protezzjoni għall-prodotti maħdumin
f’Malta u għall-impjiegi tal-ħaddiema li jipproduċuhom.
Il-propogandisti ta’ l-Unjoni faħħru t-tneħħija
tal-‘levies’ biex il-konsumaturi Maltin igawdu minn prezzijiet orħos.
Issa li l-Unjoni mponiet dazju ta’ 16.5% fuq iż-żraben
Ċiniżi tal-ġilda, ħadd mill-propogandisti ta’ l-Unjoni
ma’ lmenta li b’din il-miżura l-konsumaturi Maltin se jbagħtu minħabba
ż-żieda fil-prezzijiet taż-żraben.
Tajjeb li nfakkru li l-‘import levies’ kien daħħalhom il-Gvern
Malti u kienu jintefqu għall-ġid tal-poplu Malti, waqt li issa d-dazju
taż-żraben se ddaħħlu l-UE u jħallsuh il-konsumaturi
Maltin u minnu se jgawdu l-produtturi taż-żraben mhux f’Malta iżda
f’pajjiżi ta’ l-UE.
Il-ħlas ta’ dan id-dazju lill-UE huwa żieda ġdida
mal-kontribuzzjonijiet li Malta tħallas kull sena lill-Unjoni li jammontaw
għall-miljuni kbar.
Ir-rappreżentant tal-Gvern Malti ma vvotax kontra l-impożizzjoni
tad-dazju fuq iż-żraben Ċiniżi u d-deċiżjoni ttieħdet
minkejja li 12-il pajjiż membru vvotaw kontriha.
Apparti l-fatt li din il-miżura ta’ l-Unjoni se tgħolli l-prezz taż-żraben
miċ-Ċina, id-dazji jiksru l-prinċipju tal-kummerċ ħieles
li l-UE tant tgħajjat bih.
Fejn jaqblilha, l-Unjoni tinsa l-prinċipji u timxi skond
l-interessi tagħha.
Lilna l-UE ma ħallitniex inħarsu l-interessi ta’ l-industrija tagħna ħalli nipproteġuha kontra l-prodotti barranin b’iskużi tal-kummerċ ħieles u tal-ġid għall-konsumaturi.
Dawn
issa l-Unjoni nsithom fil-każ taż-żraben Ċiniżi.
Huwa xieraq li lill-poplu jgħidulu kemm qegħdin nikkontribwixxu
lill-UE kull sena u jnaqqsuh mis-somma li l-UE tatina.
Hu
wkoll xieraq li nkunu nafu l-ispiża enormi li qegħdin nagħmlu
kull sena minħabba s-sħubija fl-Unjoni u anki din innaqqsuha mis-somma
mogħtija mill-Unjoni.
Jekk nagħmlu dan, insibu li sejrin minn taħt.
Għalhekk
dan it-tagħrif qatt ma jingħata lill-pubbliku, għax inkella
l-poplu jintebah li jaqblilna ma nibqgħux imseħbin fl-UE.
Il-Ħamis, 26 ta’ Ottubru, 2006.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ