MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Flok ġejjin aktar turisti, ġejjin inqas minn qabel
Tajjeb nerġgħu nfakkru dwar wegħda oħra ta’ Dr Eddie Fenech Adami u Dr Lawrence Gonzi qabel ir-Referendum.
Il-wegħda tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea ferm aktar turisti kienu se jiġu f’pajjiżna, għax se jkun aktar faċli minħabba li t-turisti mill-UE ma jkollhomx bżonn il-passaport. Qisu l-passaport jiżen xi wiżna biex iġġorru fuqhek.
Aħna konna għednielkom li dawn it-taparsi raġunijiet kienu kollha ħmerijiet għax li jgħodd fit-turiżmu hu kemm pajjiżna jkun kompetittiv u joffri prodott li jħabbatha ma’ dak ta’ pajjiżi kompetituri tagħna.
Mid-dehra l-istess Prim Ministru Gonzi kien bela’ din il-propaganda għax kien stqarr li se jibdew jiġu 50,000 turist aktar kull sena.
Flok bdew jiġu aktar turisti, fil-21 ta’ Lulju, 2006, “The Times” ippubblikat rapport ta’ l-Eurostat (l-istituzzjoni ta’ l-UE inkarigata mill-Istatistika) li wera li Malta kienet l-uniku pajjiż fl-UE li kellu tnaqqis fit-turiżmu.
Fil-fatt sidien ta’ lukandi u operaturi fis-settur turistiku qegħdin jgħidu li f’pajjiżna għandna krizi fit-turiżmu.
Tgħid dan hu wieħed mill-benefiċċji li daqu l-40,000 ħaddiem fis-settur turistiku?
Nistaqsu: fejn huma dawk il-bravi li ġennew lill-poplu Malti kemm se niggwadanjaw fit-turiżmu bis-sħubija?
Lil dawk l-40,000 ħaddiem u l-familji tagħhom, li l-għixien tagħhom hu mit-turiżmu, żgur li l-GWU ma ngannathomx meta wissiet li l-Gvern u l-MIC kienu qegħdin jaħbu l-qagħda vera li kienet se ssib ruħha Malta fioha bis-sħubija.
Biex illum nisimgħu eks-segretarja ta’ Taqsima tal-GWU tgħid li l-GWU ma messhiex iggwidat lill-ħaddiema bil-pożizzjoni li ħadet, iżda messha ħalliethom jiddeċiedu waħedhom (bħal li kieku xi uffiċjal tal-GWU kien se jidħol mal-votanti membri tal-GWU biex jara kif jivvotaw!) meta dawn il-ħaddiema kienu taħt bombardament kontinwu għal numru ta’ snin, ta’ propaganda qarrieqa u sfaċċata li kellu l-għan li jgħatti l-iżvantaġġi kollha li s-sħubija kienet se ġġib għall-ħaddiema u l-poplu Malti u Għawdxi!
Ma jridux jagħtu garanzija li ma jżidux it-taxxi
Biex inkomplu ftit ma dak li ktibna ġimgħatejn ilu, dwar il-pjani li għandu l-Gvern biex jirkupra l-miljuni ta’ liri li se jitlef bitt-ibdil fil-faxxi tat-taxxa tad-dħul (l-income tax), għandna prova oħra.
Kemm il-Prim Ministru kif ukoll is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech, kull meta qegħdin jiġu mistoqsijin jekk il-Gvern hux lest li jagħti garanzija li mhux se jkompli jżid it-taxxi, kemm il-Prim Ministru u anki Tonio Fenech, jagħmluha ċara li m’humiex lesti li jagħtu garanzija bħal din.
Ma tridx tkun għaref wisq biex tinduna bil-logħba li se jilgħab il-Gvern Nazzjonalista (kif spjegajna ġimgħatejn ilu) billi l-ewwel inaqqas l-income tax qabel l-elezzjoni.
U jekk b’din il-mossa jerġa’ jirnexxilu jinganna lill-maġġoranza tal-votanti u jirbaħġ l-elezzjoni, wara l-elezzjoni jżid it-taxxa tal-VAT għal 20 fil-mija kif żvelajna ġimgħatejn ilu.
Tinsewx li llum il-Gvern Malti m’għadux ħieles li jagħmel dak li jrid hu.
Ikollu bilfors jinforma lill-Unjoni Ewropea b’dak li se jagħmel fil-baġit.
U allura jkollu jispjega kif se jagħmel biex il-flus li se jitlef mill-income tax se jirkuprahom minn xi naħa oħra.
Aħna ċerti li l-Unjoni Ewropea se tħallih jilgħab din il-logħba, jekk xejn, bħala rikonoxximent tal-fatt li kien il-Gvern Nazzjonalista li ta lil pajjiżna lill-UE fuq platt tal-fidda bid-dħul ta’ Malta fl-UE!
Josephine Attard Sultana u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea
Mhux il-kompitu u lanqas il-ħsieb tagħna li nidħlu fil-mertu tat-tneħħija ta’ Josephine Attard Sultana mill-karig atagħha bħala Segretarja tat-Taqsima Servizz Pubbliku tal-General Workers Union.
Nixtiequ nikkummentaw biss dwar dak li qalet Attard Sultana lil “Malta Today” dwar il-pożizzjoni tagħha rigward is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea qabel ir-referendum u l-elezzjoni ġenerali.
Skond kif ġiet irrapurtata fil-“Malta Today” tal-Ħadd, 12 ta’ Awissu, Attard Sultana qalet li l-problema bdiet qabel ir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE fl-2003.
Hi kienet kontra l-pożizzjoni li ħadet il-GWU kontra s-sħubija. Ir-raġuni li tat kienet din: “Din (il-kwistjoni) ilha sejra minn żmien il-kwistjoni ta’ l-UE.
In-nies li kont nirrappreżenta mis-Servizz Pubbliku, meta jien ikkonsultajthom u staqsejthom x’theddid kienu jaraw fis-sħubija fl-UE, il-maġġoranza tagħhom kienu jarawha bħala ħaġa pożittiva.
Numru sostanzjali minnhom (ma qalitx maġġoranza) kienu favur is-sħubija u jiena kont qiegħda nirrapprezentahom.”
Josephine Attard Sultana kompliet tgħid lil “Malta Today”:
“Jiena kont kontra li l-Unjin toħroġ kontra s-sħubija b’dak il-mod. Nemmen li l-unjin kellha tinforma lill-membri tagħha x’setgħu jibbenefikaw u x’setgħu jitilfu bis-sħubija u jħallu lill-membri fil-liberta’ li jiddeċiedu.”
L-ewwel kumment:
B’liema mod kienet “ikkonsultat” lin-nies li kienet tirrappreżenta?
Bagħtet xi kwestjonarju lil kull membru tat-Taqsima tagħha biex jgħidu kif jaħsbuha dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, jew “ikkonsultat” biss lil ta’ madwarha?
Sa fejn nafu aħna, qatt ma qrajna jew smajna li l-membri kollha tat-Taqsima tas-Servizz Pubbliku kienu ġew mistoqsijin minn Josephine Attard Sultana jaqblux jew le mas-sħubija.
U jekk dan hu l-każ, kif setgħet tgħid lill-ġurnal ta’ nhar ta’ Ħadd “Malta Today” kemm mill-membri tagħha kienu favur is-sħubija jew li kienu jaraw is-sħubija bħala ħaġa pożittiva?
Dwar dak li qalet, li l-unjin kellha tinforma lill-membri tal-General Workers Union bit-tajjeb u l-ħażin tas-sħubija, imbagħad tħalli lilhom biex jiddeċiedu, ma jidhrilhiex li l-unjin kienet tkun qiegħda tonqos minn dmirha li tiggwida lill-membri tagħha li l-GWU kellha l-mandat tal-maġġoranza kbira tad-delegati tagħha li kienu konvinti li “bis-sħubija l-ħaddiema ma kienx jaqblilhom”, u mhux dak li setgħu riedu xi membri – anki jekk kienu “numru sostanzjali” – ta’ taqsima waħda biss?
Possibbli Josephine Attard Sultana kellha xi dubju li l-membri tagħha ma kellhomx informazzjoni biżżejjed dwar l-aspett suppost pożittiv tas-sħubija, meta minn kmieni, meta jisbaħ fil-għodu sa tard bil-lejl, setgħu jisimgħu lil Elaine Cordina tal-MIC, għaddejja b’kantaliena waħda, fuq kull stazzjon tar-radju ħlief fuq Super One, dwar dak li l-MIC kienet tqis li kien pożittiv dwar is-sħubija, waqt li dwar l-aspetti negattivi ma kien kważi jinstema’ xejn?
U meta jsemmu xi ħaġa, dejjem kien jingħad li pero se jkollna xi deroga li teħlisna minn dak in-negattiv, almenu għal numru ta’ snin eċċ?
Allura mhux bilfors li kien id-dover tal-GWU li titkellem l-aktar dwar dak li l-Gvern Nazzjonalista u l-MIC u anki l-ġurnali bl-Ingliż, kienu qed jaħbu mill-poplu u speċjalment mill-ħaddiema?
Illum ilna aktar minn sentejn fl-UE.
Tista’ tgħidilna Attard Sultana kemm aktar qegħdin igawdu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin – inklużi l-mwembri tas-Servizz Pubbliku – bis-sħubija fl-UE?
Tghid it-taxxi kollha li ġiegħlitna ndaħħlu l-UE – biex insemmu waħda biss – li la l-Gvern u lanqas l-MIC ma kienu jsemmu qabelir-referendum – bħat-taxxa fuqkull prodott ta’ l-enerġija, l-‘eco-tax’, il-VAT fuq mijiet ta’ prodotti u servizzi oħrajn li qabel ma konniex inħallsu VAT fuqhom qabel is-sħubija, eċċ, qegħdin iqisuhom bħala ‘benefiċċji’ l-ħaddiema Maltin u Għawdxin, inklużi l-membri tat-Taqsima li kient tmexxi hi?
Xtaqna li kellna aktar spazju, ħalli nkomplu nuru bil-provi kemm tilfet Malta u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, iżda għandna suġġetti oħrajn li xtaqna nikkummentaw dwarhom.
Is-Sibt, 26 ta’ Awissu, 2006.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ