MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
Is-sħubija fl-UE teqred in-nazzjon
IS-SĦUBIJA fl-Unjoni Ewropea
dgħajjef lill-pajjiżna politikament u teqirdu bħala nazzjon billi
tirriduċieh għal sempliċi reġjun.
Ir-relazzjonijiet politiċi ta’ Malta ma’ pajjiżi barranin bil-fors
iridu jkunu skond il-linja politika ta’ l-Unjoni Ewropea la darba Malta hija
marbuta ma’ l-Unjoni.
Il-linja politika ta’ l-Unjoni Ewropea mhux bil-fors tkun l-aħjar linja għal
Malta.
Iżda xorta waħda la
darba pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni, ma jistax jimxi b’linja politika
differenti minn dik ta’ l-Unjoni, avolja din tista’ ma tkunx taqbel għal
pajjiżna.
Dan il-fatt ma jista’ jiċħdu hadd.
Iżda dawk li huma favur sħubija fl-Unjoni Ewropea, jipprovaw itaffuh billi jgħidu żewġ ħwejjeġ.
L-ewwel, li Malta għandha dritt tieħu sehem mal-pajjiżi membri l-oħra ta’ l-Unjoni fit-tfassil tal-politika barranija ta’ l-Unjoni.
It-tieni, li anki jekk inġarrbu
xi żvantaġġi billi nimxu skond il-linja politika ta’ l-Unjoni,
hemm vantaġġi mgħotija mis-sħubija fl-Unjoni li jpattu
ghall-iżvantaġġi.
Dawn l-argumenti ma jiswewx.
Jekk is-sehem ta’ Malta
fit-tfassil tal-politika barranija ta’ l-Unjoni jwassal lill-Unjoni biex tieħu
linja politika li taqbel għal Malta, xorta waħda Malta, li kieku ma
tkunx imsieħba fl-Unjoni Ewropea, tkun tista’ tieħu dik il-linja
politika.
Għalhekk billi tieħu sehem fit-tfassil tal-politika barranija ta’
l-Unjoni, Malta m’hi se tirbaħ xejn.
Min-naħa l-oħra, jekk Malta ma jirnexxilhiex twassal lill-Unjoni biex tieħu linja politika li taqbel għal Malta, Malta tkun se titlef ħafna li jkollha timxi fuq il-linja politika deċiża mill-Unjoni, li ma tkunx taqbel għall-interessi tagħna.
Hemm ħafna żvantaġġi
FIR-RELAZZJONIJIET ta’ pajjiżna
ma’ pajjiżi barranin, m’hemmx vantaġġi għal pajjiżna
li jistgħu jpattu għall-iżvantaġġi li nistgħu nġarrbu
billi nimxu skond il-linja politika deċiża mill-Unjoni Ewropea.
Għax li kieku l-vantaġġi ta’ linja politika jkunu akbar mill-iżvantaġġi
taghħha, kieku Malta tista’ tieħu dik il-linja minghħajr
m’hemm bżonn li tkun imsieħba fl-Unjoni Ewropea.
Jekk m’hemmx vantaġġi għalina meta nimxu skond il-linja
politika ta’ l-Unjoni Ewropea, żvantaġġi hemm kbar għal
pajjiżna.
Nieħdu eżempju ħaj
li kulħadd jista’ jifhmu.
Bis-saħħa tal-politika barranija li Malta newtrali kienet tħaddan,
anke kabbarna ħbiberija kbira mal-poplu Libjan.
Fost ħwejjeġ oħra,
dik il-ħbiberija sarrafniha fi ftehim li bis-saħħa tiegħu
Malta kienet tixtri ż-żejt mil-Libja bi prezz orħos milli setgħet
tixtrih minn swieq oħra taż-żejt.
Dan kien ta’ għajnuna kbira għalina għax stajna nrażżnu
l-ispiża tal-produzzjoni u b’hekk stajna nkunu aktar kompetittivi.
Stajna nikkontrollaw il-prezz tal-petrol u tad-diesel u nbaxxu n-nefqa tal-Power Station fil-ġenerazzjoni tad-dawl elettriku u jnaqqsu l-ispiża tat-tisfija ta’ l-ilma bir-reverse osmosis.
Imma issa l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea ma tħalliniex nagħmlu ftehim ta’ dik ix-xorta mal-Libja biex nixtru ż-żejt bi prezz orħos minn tas-suq.
Dan huwa żvantagg kbir li
qegħdin inġarrbuh illum aktar u aktar meta l-prezz taż-żejt
tela’ m’ogħla s-smewwiet.
L-Unjoni Ewropea ma tatina xejn biex jagħmel tajjeb għat-telf li qegħdin
inġarrbu billi l-politika tagħha ma tħalliniex inkomplu nagħmlu
ftehim speċjali mal-Libja dwar ħafna ħwejjeġ, speċjalment
dwar ix-xiri taż-żejt.
Eżempju ieħor ta’ żvantaġġ li ġarrabna billi
kellna nsegwu l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea la darba sseħibna fiha,
huwa dak tal-ħruġ tal-visa biex il-Maltin imorru f’ċerti pajjiżi
u biex iċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi jiġu Malta.
Xi gwadan għamilna billi daħħalna l-visa fir-rigward ta’ pajjiżi
li konna ħassejna li jaqblilna li ma jkollniex bżonn tal-visa?
Gwadan m’għamilniex, iżda
ġarrabna żvantaġġi, għax il-proċedura tal-ħruġ
tal-visa xxekkel mhux tgħin it-traffiku tan-nies bejn pajjiż u ieħor,
barra li daħħlitna f’ħafna spejjeż li x-xogħol tal-ħruġ
tal-visas ifisser.
Il-bżonn tal-visa ma jgħinx lanqas it-turiżmu u għalhekk
il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-visa fir-rigward ta’ ċerti
pajjiżi għamlitilna aktar ħsara milli ġid.
In-nazzjon jiddgħajjef
MHUX biss fil-politika
tar-relazzjonijiet ta’ pajjiżna ma’ pajjiżi barranin is-sħubija
fl-Unjoni Ewropea hija ta’ żvantaġġ għal Malta, iżda
anki l-qagħda ta’ pajjiżna bħala nazzjon qiegħda tiddgħajjef
b’effett tal-politika li l-Unjoni Ewropea torbotna li nsegwu fil-qasam kummerċjali
u ekonomiku.
Ħafna mill-ħwejjeg li għenu biex pajjiżna jikber
f’nazzjon,
* spiċċaw minn idejna u
* oħrajn mhux se jdumu wisq aktar f’idejna,
minħabba l-politika kummerċjali u ekonomika ta’
l-Unjoni Ewropea.
Bis-saħħa tal-politika li pajjiżna mexa biha fl-imgħoddi,
* bnejna linja ta’ l-ajru
bl-ewwel għan li sservi l-interessi tal-poplu tagħna
anki qabel l-għan li tagħmel l-akbar profitt.
Waqqafna
* linja tal-baħar
bl-għan ewlieni li taqdi l-bżonnijiet tal-ġarr tal-merkanzija u tal-kummerċ ta’ pajjiżna, anki qabel l-għan li tagħmel l-akbar profitt.
Il-banek saru
* tal-poplu kollu u
* mhux tal-barranin jew
* tal-ftit
u l-ewwel għan tagħhom kien li jaqdu
l-bżonnijiet tal-poplu anki qabel dak li jagħmlu l-akbar profitt.
*
Is-servizzi essenzjali tad-dawl,
* l-ilma,
* tal-posta u
* tas-saħħa
tmexxew mill-Istat fl-interess l-ewwel tal-poplu, anki qabel l-għan li jagħmlu qligħ.
Dawn l-impriżi u oħrajn bħalhom għenu fil-bini tan-nazzjon u twaqqfu fl-interess nazzjonali u soċjali ta’ pajjiżna.
Imma issa l-politika ta’
l-Unjoni Ewropea li bis-sħubija fl-Unjoni ntrabatna li nsegwu, ma
tippermettilniex li dawn l-impriżi jitmexxew mill-Maltin u fl-interess
nazzjonali u soċjali tal-poplu Malti.
Ir-regoli tas-suq wieħed u tal-kompetizzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea huma
msejjsa fuq il-profitt u fuq il-privatizzazzjoni u ma jħallux li l-Maltin
jingħataw xi dritt aktar minn oħrajn li ġejjin minn xi pajjiż
ieħor imsieħeb fl-Unjoni, biex imexxu dawn l-impriżi u servizzi.
Il-poplu tagħna, minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, jitlef
minn taħt idejh il-linja ta’ l-ajru nazzjonali, il-linja tal-baħar
nazzjonali, il-banek f’Malta, il-posta u l-impriżi u s-servizzi l-oħra
kollha li flimkien sawwru n-nazzjon Malti.
* Ħafna mit-tmexxija ta’ pajjiżna tgħaddi f’idejn
il-barrani.
* Il-Kap Eżekuttiv tat-Tarzna huwa barrani.
* Il-Kap Eżekuttiv ta’ l-Air Terminal huwa barrani.
*
Il-Kap Eżekuttiv tal-Posta
huwa barrani.
*
It-tmexxija tal-logħob tal-Lotto hija f’idejn il-barranin.
* L-aqwa bank Malti jingħata lill-barranin.
* U bil-mod il-mod l-istituzzjonijiet l-aktar importanti f’pajjiżna ma jibqgħux f’idejna.
*
Ħafna mill-artijiet u l-bini
jinxtraw mill-barranin.
* Il-biċċa l-kbira tal-kummerċ jiġi f’idejn
il-barranin.
* In-nazzjon li bnejna, jinħatt u jibqgħalna biss l-isem tan-nazzjon Malti.
* Ikunu sirna reġjun ta’ l-Unjoni Ewropea.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Il-Ħamis, 26 ta' Awissu, 2004.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ..................................................
ID Numru...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ