MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Libertà u demokrazija

 

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea naqqsitilna bil-goff il-libertà u d-demokrazija f’pajjiżna, żewġ valuri li l-poplu Malti tqabad biex jiksibhom wara li l-barranin ċaħħduh minnhom għal sekli sħaħ.

 

Ftit voti aktar min-nofs dawk li vvotaw tliet snin ilu, ċaħħdulna l-Indipendenza u l-ħelsien tagħna u xejnu s-sovranità ta' pajjiżna, biex erġajna ġejna poplu taħt madmad barrani.

 

Ftit oħrajn fostna ċedew bl-iskuża li jirrispettaw ir-rieda tal-maġġoranza, iżda ħafna oħrajn ma ċedejniex u nibqgħu nissaraw sakemm niksbu lura l-libertà sħiħa u d-demokrazija effettiva.

Fl-oqsma kollha li l-UE tikkontrolla, pajjiżna mhux liberu li jiddeċiedi x’jagħmel u jkollu joqgħod għal dak li l-Unjoni tgħidlu, anke jekk ikun ta’ ħsara għall-poplu tagħna.

 

Il-poplu Malti m’għadux liberu li jġegħel lill-Gvern ibiddel dawk il-liġijiet li jħoss li ma jgħoddux aktar għalih, jekk dawn il-liġijiet huma skond id-direttivi ta’ l-Unjoni jew skond l-Acquis Communitaire li l-UE rabtitna li nħarsu u nobdu.

Biż-żmien, l-UE tagħmel aktar liġijiet u tagħti aktar direttivi li jkollna nobdu u nħarsu anke jekk ma jogħġbuniex u hija tikseb kontroll fuq numru akbar ta’ oqsma li l-Parlament Malti jitlef id-dritt fuqhom.

 

B’hekk l-Unjoni naqqsitilna l-libertà u xedditilna kullar li bih tmexxina… bil-kuntentizza ta’ dawk fostna li nbiegħu lilha b’ruħhom u b’ġieħhom.

 

Il-volpi u l-kelb tad-dar

 

Tant huwa dnub antik li l-bnedmin jitilfu l-libertà basta jiksbu ġid materjali, li hawn ħrafa ta’ Esopu fuq volpi u kelb tad-dar li tgħid hekk:

 

“Kelb kbir b’żaqqu mimlija ltaqa’ ma’ volpi.

Il-volpi staqsa lill-kelb minn fejn kien isib daqshekk ikel biex ikollu żaqqu mimlija.

Il-kelb wieġeb li kien sidu li jagħtih ħafna ikel u jara li ma jonqsu xejn.

Imbagħad il-volpi staqsa lill-kelb għaliex dan kellu għonqu misluħ.

Il-kelb wieġbu li dan kien bil-kullar li sidu jlibbsu madwar għonqu.

Meta ra hekk il-volpi qal lill-kelb:

‘Żomm il-lussu kollu għalik! Jiena ma rridx li jkolli x’naqsam miegħek. Aħjar xi ftit bil-ġuħ milli għonqi mibrux u mjassar bil-kullar’.”

Li npartu l-libertà tagħna mal-fondi ta’ l-UE huwa prezz għoli żżejjed li m’għandniex inħallsu.

 

Telfien tad-demokrazija

 

Minbarra t-telfien tal-libertà, is-sħubija fl-UE naqqsitilna d-demokrazija f’pajjiżna.

Fis-snin li għaddew tħabatna biex inwaqqfu sistema li tiżgura li meta tirrizulta maġġoranza ċara f’elezzjoni ħielsa, il-maġġoranza tmexxi u twettaq ir-rieda tagħha, sakemm issir elezzjoni oħra.

 

Iżda bis-sħubija, mhux ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu tagħna titwettaq f’pajjiżna… ir-rieda tal-maġġoranza ta’ l-UE, anke meta ma tkunx taqbel magħha r-rieda tal-poplu Malti.

B’hekk jitfarrak il-prinċipju ewlieni tad-demokrazija f’pajjiżna.

 

B’hekk jitfarrak il-prinċipju ewlieni tad-demokrazija f’pajjiżna, għax ma sseħħx dejjem ir-rieda tal-maġġoranza tal-Maltin, iżda spiss isseħħ ir-rieda kontra ta’ l-Unjoni Ewropea.

In-nuqqasijiet demokratiċi tas-sħubija fl-Unjoni jidhru ċari mill-fatt anomalu li filwaqt li fil-Parlament Malti għandna maġġoranza ta’ rappreżentanti ta’ twemmin politiku, fil-Parlament Ewropew għandna maġġoranza ta’ rappreżentanti ta’ twemmin politiku oppost.

Aktar minn hekk għandna l-fatt stramb li t-twemmin politiku tal-maġġoranza fil-Parlament Malti mhux bħat-twemmin politiku tal-maġġoranza tal-Parlament Ewropew.

 

Dawn il-fatti jġibu fix-xejn is-sistema demokratika, mhux isaħħuha.

 

Huwa ta’ għajb li l-politiċi tagħna jgħożżu aktar il-fondi ta’ l-UE milli l-libertà tal-poplu tagħna u d-demokrazija f’pajjiżna.

 

Jibqgħu jagħmlu dan sakemm l-għajta tal-Maltin għal-libertà u d-demokrazija ssir tant qawwija li ma jkunux jistgħu jirreżistuha aktar.

 

Il-vizzju tal-qerq fl-Unjoni Ewropea

 

Il-vizzju tal-qerq huwa endemiku fl-UE (jiġiferi, li tqarraq bil-popli hi karatteristika partikolari ta’ l-Unjoni).

 

L-aħħar prova tal-vizzju tal-qerq l-Unjoni tagħtulna bid-deċiżjoni li ħadet li tagħmel Trattat ta’ Riformi (‘Reform Treaty’) minflok it-Trattat tal-Kostituzzjoni li l-UE ffirmat f’Ruma fl-2004, u li l-popli ta’ Franza u ta’ l-Olanda m’aċċettawx.

Il-qerq ta’ l-Unjoni Ewropea ammettih il-Professur Guliano Amato, Ministru ta’ l-Intern Taljan, u li kien wieħed mill-Viċi-Presidenti tal-Konvenzjoni li taħt l-eks-President Franċiż, Valery Giscard d’Estaing, kienet fasslet il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Meta aktar kmieni dan ix-xahar kien qed jitkellem f’laqgħa organizzata miċ-Ċentru għar-Riformi fl-Ewropa, f’Londra, Amato qal li l-mexxejja ta’ l-UE qatgħuha li jagħmlu apposta trattat li ma jkunx jista’ jinftiehem mill-pubbliku, għax huma rraġunaw li ladarba l-pubbliku ma jifhmux, ma jgħoddux li huwa ta’ natura ta’ kostituzzjoni.

Il-Ministru ta’ l-Intern Taljan irrimarka li la l-pubbliku ma jkunx jista’ jifhem it-trattat il-ġdid, jaħseb li m’hemmx ħwejjeġ ġodda fih, u għalhekk ma jitlobx li jsir referendum dwaru.

 

Huwa qal ukoll li issa s-Segretarjat tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Unjoni jħejji d-dokument bl-emendi għat-trattati li l-UE għandha llum, skond ma l-mexxejja tal-pajjiżi membri ftehmu fl-aħħar laqgħa għolja tagħhom taħt il-presidenza Ġermaniża.

 

Id-diskussjonijiet dwar id-dokument finali tat-trattat ġdid bdew fil-laqgħa intergovernattiva tat-23 ta’ Lulju u għandhom jintemmu sa Ottubru li ġej.

Amato osserva li mhux se jkunu l-mexxejja tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni li jiftehmu dwar it-test tad-dokument tat-trattat il-ġdid.

 

B’ċertu ammont ta’ ċiniżmu, hu kompla jgħid li l-mexxejja jħossuhom komdi aktar li jsir dokument li ma jinftiehemx mill-pubbliku, għax b’hekk jevitaw il-periklu li jintalab referendum.

Dan il-fatt qanqal kritika ħarxa ta’ ħafna, fosthom minn Neil O'Brien, direttur ta’ l-organizzazzjoni magħrufa bħala Open Europe, li xela lill-Unjoni bi stmerrija sħiħa tal-pubbliku.

Anke Giscard d’Estaing stess iddeplora dak li għamlu l-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-UE (fosthom il-Prim Ministru Malti), għax qal li dak li kien diġà diffiċli biex jinftiehem, il-mexxejja issa għamluh kompletament ma jinftiehemx.

 

Hu sostna li saru tibdiliet kosmetiċi għal dak li kien hemm fit-Trattat tal-Kostituzzjoni mfassal mill-Konvenzjoni ppreseduta minnu, biex ikunu jistgħu aktar ibellgħuh lill-poplu.

Iżda ma jistax jifhem kif, meta l-Unjoni tinsisti li trid tkun viċin aktar taċ-ċittadini, iddeċidiet li mit-Trattat ta’ Riformi taqta’ barra ċ-Charter tad-Drittijiet Umani, li huma d-drittijiet taċ-ċittadini.

 

Ħlas kuljum ta’ €139,000 lill-Ewropa


Bis-shubija fl-Unjoni Ewropea l-poplu Malti qed iħallas €139,000 (Lm60,000) ta’ kuljum lill-blokk.

 

Dan jirriżulta mill-estimi ppubblikati mill-Gvern li juru li f’din is-sena t-Teżor ta’ Malta jrid iħallas lill-UE ’il fuq minn €51 miljun.

 

Biex din is-somma titħallas, il-Gvern irid jiddejjen, għax fl-aħħar tas-sena hu jistma li se jispiċċa b’madwar Lm50 miljun minn taħt.

La l-Gvern u l-ebda wieħed u waħda mill-propagandisti li hawn ta’ l-UE qatt ma jsemmu dan il-fatt – kemm mit-taxxi li l-poplu Malti qed iħallas, imorru dritt għall-UE.

 

Kif lanqas ħadd ma juri lill-poplu kemm, barra dan il-ħlas dirett li jsir lill-UE, din is-sħubija tiswielna kull sena fi ħlasijiet u spejjeż u f’telf ta’ profitti fuq ir-riservi barranin u telf ta’ għajnuniet minn pajjiżi li waqfu minħabba s-sħubija fl-UE.

Waqt li jiftaħru li fis-seba’ snin li ġejjin se nirċievu mill-Unjoni €855 miljun, ma jgħidux lill-poplu li f’dawn is-seba’ snin se noħorġu mit-taxxi tal-poplu

* ammont akbar minn €855 miljun,

* fi ħlasijiet lill-istess UE,

* fi spejjeż minħabba s-sħubija, u

* f’telf konsegwenzjali li se nġarrbu.

 

Jiġifieri, li kieku ma kellniex is-sħubija fl-UE, mit-taxxi tagħna konna stajna nonfqu aktar minn €855 miljun f’seba’ snin fuq il-proġetti kollha, li l-Gvern qed jgħid se jsiru bil-€1 miljun li ġejjin dirett mill-Unjoni.

Għalhekk meta jistaqsuna x’konna nagħmlu mingħajr it-€855 miljun ta’ l-UE, inwieġbuhom li konna nagħmlu l-proġetti kollha, u kien jibqgħalna bilanċ ta’ aktar miljuni ta’ Ewros x’nonfqu fi proġetti oħrajn barra dawk li qegħdin jgħidu li se jsiru mill-fondi Ewropej.

Dan jagħtina raġun ngħidu li l-Gvern, l-UE u l-propagandisti mitmugħin minnha, qegħdin iqarrqu bil-poplu Malti meta jdoqqu t-trombi tat-€855 miljun ta’ l-UE, mingħajr ma jsemmu l-ammont akbar minn €855 miljun li l-poplu Malti se jkollu jbati minħabba s-sħubija.

 

Il-verità hija li finanzjarjament il-poplu Malti jmur ħafna aħjar barra mill-UE milli msieħeb fiha.

Mhux mil-lat finanzjarju biss pajjiżna ma jaqbillux li jkun fl-UE.

 

Ma jaqbillux ukoll mil-lat ta’ l-impjiegi u tax-xogħol, għax is-sħubija fl-Unjoni gerrxet fabbriki li kellna u għamlet lil pajjiżna inqas kompetittiv billi

* żdiedu l-ispejjeż,

* ikkaġunat għoli tal-ħajja u

* ġabitilna tnaqqis fit-turiżmu.

 

Is-sħubija fl-UE naffret investiment barrani billi din ma ħallitniex nagħtu inċentivi u benefiċċji li bihom konna nattiraw investimenti barranin qabel is-sħubija.

Is-sħubija fl-UE taħti wkoll

* għall-klandestini li daħlu f’pajjiżna u

* għall-kriżi ta’ l-immigranti illegali li jkollna nżommuhom,

* wara ftit ta’ żmien ma nħalluhomx fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, u

* naċċettaw li jġibu ukoll lil tal-familja tagħhom f’pajjiżna.

Il-prezz li qegħdin inħallsu għas-sħubija fl-UE huwa għoli ħafna.

 

Il-Ħamis, 26 ta' Lulju, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ