MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

It-Tarzna ‘for sale’, flok inkjesta

 

It-Tarzna ta’ Malta hija ‘for sale’. 

 

Hekk trid l-Unjoni Ewropea. 

 

Meta l-għajta popolari kibret sew ħalli ssir inkjesta pubblika u imparzjali dwar it-tmexxija diżastruża tat-Tarzna f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern fittex li jmewwitha billi ħabbar li se tinbiegħ.

Fix-xahar ta’ qabel il-Gvern irċieva mingħand il-GWU pjan dwar kif it-Tarzna tista’ titmexxa b’mod effiċjenti.

 

Minflok iddiskutih, il-Gvern għaġġel iħabbar x’iddeċieda li jsir mit-Tarzna u l-ħaddiema tagħha.

Intqal li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Kabinett fid-9 ta’ Ġunju, iżda tħabbret f’konferenza ta’ l-aħbarijiet imsejħa ta’ malajr, fit-18 ta’ Ġunju.

M’hemmx dubju li l-Gvern mexa skond ma qaltlu jagħmel l-Unjoni Ewropea. 

 

Il-Prim Ministru stess stqarr li l-fatt li l-Gvern ma jitħallix mill-Unjoni jgħin lit-Tarzna wara l-1 ta’ Jannar li ġej, kienet raġuni fundamentali għad-deċiżjoni li t-Tarzna tinbiegħ lill-barranin.

 

Mistoqsijiet u suspetti

 

Il-Gvern qal li kollox fit-Tarzna huwa għall-bejgħ. 

 

Jiġifieri, 

* il-baċiri, 

* il-mollijiet, 

* il-faċilitajiet kollha, 

* il-Marsa Dock, 

* il-Manoel Island Yard, 

* il-ħwienet tax-xogħol, 

* l-għodda u 

* l-impjant. 

 

Qal iżda li tista’ tinbiegħ parti biss.

Fl-istess ħin il-Prim Ministru qal li fl-aħħar snin investituri barranin riedu jieħdu f’idejhom it-tmexxija tat-Tarzna.

 

Għaliex il-Ministri għaġġlu li jgħaddu l-proprjetà tal-poplu Malti lill-barranin, meta setgħu għaġġlu aktar li jgħaddu t-tmexxija biss tat-Tarzna lill-barranin?

U għaliex 

* il-baċiri, 

* il-mollijiet u 

* l-faċilitajiet kollha tat-Tarzna se jinbiegħu u 

* mhux jinkrew jew 

* jingħataw b’ċens għal numru ta’ snin?

Jekk, kif intqal mill-Gvern, f’dawn l-aħħar erba’ jew ħames snin kien hemm ħafna investituri barranin li riedu jinvestu fit-Tarzna, għaliex il-Gvern ħalla li jintilfu l-miljuni kull sena mit-Tarzna, minflok ħataf l-aħjar offerta ta’ l-aktar investitur serju?

 

In-numru ta’ ħaddiema

 

Il-Prim Ministru u l-Ministru Gatt sostnew li hemm ħaddiema żejda fit-Tarzna u n-numru jrid jonqos drastikament biex tkun aktar attraenti għax-xerrejja. 

 

Għalhekk in-numru ta’ ħaddiema se jitnaqqas bi skemi ta’ rtirar volontarju.

Dan ma jagħmilx sens jekk tassew għad mhux magħruf min se jixtri t-Tarzna jew parti minnha, u xi pjani għandu kif se jħaddimha.

Lanqas jagħmel sens li jirtiraw ħaddiema ta’ dawk is-snajja li hemm bżonn aktar tagħhom, u ma jirtirawx oħrajn li s-snajja tagħhom huma inqas meħtieġa. 

 

U jekk in-numru ta’ ħaddiema jrid jonqos drastikament, kif se jiġi żgurat li dan iseħħ volontarjament?

Biex iħajjru l-ħaddiema jirtiraw, iridu joffrulhom skemi attraenti. 

 

Dawn l-iskemi jiswew ħafna flus li se jitħallsu mit-taxxi tal-poplu. 

 

U se jitħallsu mhux biex ikompui jidħlu fil-pajjiż flus mill-barranin għax-xogħol li l-ħaddiema jagħmlu, iżda biex il-ħaddiema ma jibqgħux jaħdmu aktar għall-ġid tal-pajjiż.

 

Kollox diġà miftiehem

 

Ħafna huma tal-fehma li kollox dwar il-ġejjieni tat-Tarzna huwa diġà magħruf u miftiehem mill-Gvern u l-UE, iżda huwa mistur mill-pubbliku u mir-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Fit-12 ta’ Mejju l-Ministru Gatt kien qal pubblikament li “minn hawn u ftit xhur oħra rridu noħorġu b’soluzzjoni bħala Gvern dwar it-triq ‘il quddiem għat-Tarzna”. 

 

Qal ukoll li kien hemm bżonn ta’ ħsieb radikali ġdid kif titħaddem it-Tarzna, għax bil-metodi tal-lum u bil-pagi tal-lum, it-Tarzna ma setgħetx tagħmlu flus anke jekk ikun qiegħed isir xogħol fil-baċiri kollha kuljum matul is-sena.

Minn meta tkellem il-Ministru Gatt fit-12 ta’ Mejju għad-9 ta’ Ġunju, meta ntqal li l-Ministri ħadu d-deċiżjoni dwar it-Tarzna, m’għaddewx “ftit xhur” iżda inqas minn xahar.

Dak in-nhar il-Ministru Gatt kien qal ukoll li t-Tarzna għandha futur assigurat u kien hemm ħafna investituri interessati fiha, iżda huwa kien jiddubita ħafna fil-forma li t-Tarzna għandha llum.

 

Inkjesta pubblika indipendenti

 

Magħfus mill-isfida tal-ħaddiema għal inkjesta pubblika indipendenti li tikxef it-tmexxija mill-agħar tat-Tarzna f’dawn l-aħħar snin, il-Prim Ministru qal li mhux iż-żmien li jipponta subajgħ lejn min kellu tort għat-telf tat-Tarzna. 

 

Iżda fl-istess ħin issoktat il-kampanja qarrieqa dwar kemm tħallsu sussidji matul is-snin lit-Tarzna, u jgħoddu l-miljuni tal-Marsa Shipbuilding ma’ dawk tal-Malta Drydocks. 

 

L-għan tagħha hu li jikkundizzjonaw lill-poplu jaċċetta li t-Tarzna tinbiegħ lill-barranin. 

 

U fl-istess ħin it-tort jingħata lill-ħaddiema, minflok lill-Gvern u lit-tmexxija tat-Tarzna.

Għax il-Gvern jaf li fl-aħħar snin il-miljuni li ntilfu mit-Tarzna (jissemmew anki 20 miljun fuq il-kuntratt tal-Fairmount), ma ntilfux tort tal-ħaddiema. 

 

B’danakollu, se jkunu l-ħaddiema li jħallsu għalih billi jkollhom jirtiraw mix-xogħol, u se jitlef aktar il-pajjiż kollu li se jisparpalja tant snajja’ u tant sors tad-dħul mix-xogħol li jsir mill-ħaddiema għas-sidien tal-vapuri barranin.

 

L-Irlandiżi ma jinxtrawx mill-Unjoni Ewropea

 

F’gunal lokali bl-Ingliż, il-ġimgħa l-oħra nkitbet ittra minn barrani, Robert G. Coenen, li joqgħod San Ġiljan.

 

It-titlu tagħha kien jgħid li l-Irlandiżi ma jinxtrawx – “The Irish are not for sale”.

Jixraq li l-qarrejja ta’ din il-paġna jixtarru din l-ittra ta’ dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

L-ittra bejn wieħed u ieħor tgħid hekk: 

 

L-Unjoni Ewropea tat tort lill-Irlanda għall-vot “LE” għat-Trattat ta’ Lisbona, u saħqet li l-Irlanda għandha dmir lejn l-Unjoni li ssib soluzzjoni għall-kwistjoni. 

 

Iżda l-Irlandiżi wrew li huma nies ta’ fibra u li ma jinxtrawx.

Il-kittieb fakkar li l-Irlandiżi kienu l-uniku poplu fl-Unjoni li tħalla jivvota fuq dak li kien it-Trattat tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni, li ngħata s-satra tat-Trattat ta’ Lisbona. 

 

Il-vot ta’ l-Irlandiżi għandu jiġi stmat. 

 

Lill-Irlandiżi ma daħkux bihom. 

 

Huma tkellmu għan-nom tal-popli kollha ta’ l-Ewropa li l-Unjoni ċaħditilhom id-dritt li jivvotaw u juru fehemthom dwar it-Trattat.

Ma tridx tkun tbassar biex tgħid li l-maġġoranza tal-popli kienu jagħmlu bħal l-Irlandiżi, kieku ngħataw l-opportunità li jivvotaw dwar it-Trattat.

 

Fl-ittra tiegħu Coenen jgħid li ma għandekx tbiddel ir-regoli waqt il-logħba. 

 

Il-mexxejja politiċi tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni l-ewwel fasslu t-Trattat tal-Kostituzzjoni, u meta l-Franċiżi u l-Olandiżi vvotaw kontrih, il-mexxejja politiċi fasslu fuqu t-Trattat ta’ Lisbona. 

 

Iżda dawn ma kellhomx il-kuraġġ li jħallu li jsiru referenda dwaru. 

 

Beżgħu li l-popli jerġgħu jgħidulhom LE.

La l-mexxejja politiċi ġabu ruħhom b’dan il-mod, il-kittieb isostni li wasal iż-żmien li niċħdu l-għanijiet ta’ unjoni politika għall-Ewropa, u mmorru lura għall-għanijiet tal-bidu ekonomiċi, li għalihom twaqqfet l-Unjoni. 

 

Huwa jissokta jgħid li l-popli ta’ l-Ewropa ma jridux li jkollhom ‘super’ President li ma jinħatarx minnhom.

Lanqas iridu l-ħafna uffiċjali ta’ l-Unjoni mhux maħturin mill-poplu, li jikkmandaw il-ħajja ta’ kuljum tal-popli.

 

Ma jridux li l-gvernijiet tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni joħolqu “jobs” żejda għall-membri tagħhom u dawn isiru l-burokratiċi li jmexxu l-Unjoni minn Brussels. 

 

Lanqas iridu aktar ritratti tal-laqgħat tal-mexxejja, aktar safar ’l hawn u ’l hinn, u aktar ċerimonji solenni, bħal ta’ żmien l-imperaturi ta’ l-imgħoddi.

 

Robert G. Coenen jgħid li l-gvernijiet tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni nsew li l-qofol tad-demokrazija huwa li tara x’jgħid il-poplu. 

 

L-unika triq għall-ġejjieni hija li l-gvernijiet iqisu l-ħtiġijiet u jagħtu kas ta’ x’jixtiequ l-popli tagħhom.

Huwa jagħlaq l-ittra tiegħu billi jgħid li aħna ċ-ċittadini ta’ l-Ewropa ma jixirqilniex nitmexxew minn politiċi għatxana għall-poter, bħaż-żmien il-Medju Evu. 

 

Ma għandniex għalfejn inkunu iżolati politikament, iżda lanqas ma għandna bżonn li nitmexxew mill-burokratiċi ta’ l-Unjoni fi Brussels. 

 

Aħna jixirqilna aktar vera demokrazija, u nistennewha llum, mhux xi darba li ma nafux meta.

Aħna tas-
CNI nemmnu li l-fehma ta’ Robrt G. Coenen hija wkoll il-fehma ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin, u ta’ miljuni ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Bħalu, għandna jkollna l-kuraġġ li nuru l-fehma tagħna dwar l-Unjoni Ewropea pubblikament, mingħajr biża’.

 

Il-Ħamis, 26 ta’ Ġunju, 2008

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ