MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Kien ta’
ċertu sodisfazzjoni dak li qal dan l-aħħar Membru tal-Parlament
Malti, meta semma li l-Gvern spiss jitkellem dwar il-Miljuni ta’ Ewros jew
liri li ġejjin mill-Unjoni Ewropea, iżda qatt ma jsemmi l-miljuni li
qegħdin nibagħtu aħna lill-Unjoni Ewropea.
Dan id-Deputat semma Lm22 miljun li l-Gvern Malti qiegħed iħallas
lill-Unjoni Ewropea għall-baġit tagħha din is-sena.
Ma’ dawn
semma’ wkoll Lm7 miljun fis-sena, li l-Gvern qiegħed ikollu joħroġ
bħala sussidju lill-bdiewa u li qabel dħalna fl-Unjoni Ewropea ma
kienx joħroġ, għax il-bdiewa tagħna ma kellhomx
il-kompetizzjoni qalila ta’ prodotti tal-biedja li jiġu mill-Unjoni
Ewropea.
Issemmew ukoll il-Lm11-il miljun li qegħdin nitilfu mill-Protokol Taljan,
preċiżament għax issa dħalna fl-Unjoni Ewropea.
Kompla jgħid li seba’ snin oħra, aktarx nitilfu l-istatus ta’ “objective 1”, li llum qiegħed jagħmilha possibbli li Malta tirċievi l-għola ammont ta’ fondi strutturali.
Meta jispiċċalna l-’Objective One Status’, dawn il-fondi strutturali jonqsu ħafna.
Skond id-Deputat Parlamentari Malti Malta jibqalha bilanċ favur tagħha ta’ madwar Lm11-il miljun, meta tnaqqas Lm40 miljun (Lm22+Lm11+Lm7 miljuni) mill-Lm51 miljun li ġejjin mill-Unjoni Ewropea.
Iżda aħna nafu li dan id-Deputat Parlamentari kien ħanin ma’ l-Unjoni Ewropea.
Għax hemm aktar x’wieħed isemmi.
Per eżempju,
it-telf ta’ miljuni ta’ liri li se jkollu l-Bank Ċentrali ta’ Malta u
li sal-lum qegħdin indaħħlu fuq ir-riżervi barranin tal-Bank
Ċentrali ta’ Malta, għax meta ndaħħlu l-Ewro, ir-riżervi
ta’ Malta se jsiru riżervi barranin tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Hemm l-ispiża enormi – bosta miljuni oħrajn – li qiegħda
tiswielna s-sħubija fl-Unjoni Ewropea minħabba ’l ħafna
strutturi li kellna bilfors inwaqqfu, bħalma huma l-Awtoritajiet kollha li
waqqafna.
Min jaf kemm hemm “civil servants” li xogħolhom, tista’ tgħid,
sar kollu konness mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u li qegħdin jitħallsu
minn butna u mhux mill-Unjoni Ewropea?
U li kieku kellna ngħoddu x’qed tiswielna s-sovranità li tlifna, kieku
ara kemm irridu nżidu miljun ta’ liri oħrajn!
Aħna niftakru dak li l-mexxejja Laburisti kienu jgħidu qabel
ir-referendum.
Kienu jgħidu li kieku nikkalkolaw x’tiswa s-sovranità, “kemm nitilfu, Lm50 miljun? Lm100 miljun? Lm200 miljun fis-sena? Ma tistax tgħid għax is-sovranità hija imprezzabbli”.
Kieku kellu jsir awditjar serju u indipendenti ta’ x’qegħdin nirċievu mill-Unjoni Ewropea u x’qiegħda tiswielna s-sħubija, il-poplu Malti żgur jibqa’ mbellah u jifhem aktar x’daħka daħku bih dawk li ma stħawx jerġgħu jagħmlu lil pajjiżna kolonja tal-barrani, wara li tant kienu ftaħru li għamlu lil Malta indipendenti.
L-Unjoni
Ewropea tiddottrina lit-tfal ta’ l-iskola
Għalkemm
il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea ma tistax tidħol fis-seħħ
għax il-Franċiżi u l-Olandiżi vvotaw kontriha,
il-Kummissjoni Ewropea trid li t-tfal ta’ l-iskola tal-pajjiżi membri
ta’ l-Unjoni jingħataw x’jifhmu li l-Kostituzzjoni daħlet fis-seħħ.
Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ‘textbook’ dwar l-Unjoni Ewropea li
tqassam lil 120,000 tifel u tifla ta’ l-iskejjel primarji tal-pajjiżi
ta’ l-Unjoni.


F’dan il-ktieb, persuna twajba li ġġib l-isem ta’ Father Houpette jfisser lil żewġt itfal ta’ l-iskola, x’inhi u kif taħdem l-Unjoni.
Huwa jgħidilhom
li huma sejrin jifhmu kemm hemm il-ħtieġa għall-Unjoni Ewropea.
Fil-kapitlu tal-ktieb li jitkellem dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta’
l-Unjoni Ewropea, iż-żewġt itfal jidhru qegħdin jaqraw
ir-regoli u r-regolamenti mwaħħlin mal-ħitan ta’ l-isports hall
ta’ l-iskola.
Father Houpette jgħidilhom li ftit ta’ żmien ilu, l-Unjoni sarulha regolamenti ġodda bħal dawk li ż-żewġt itfal ikunu qegħdin jaraw mal-ħitan ta‘ l-isports hall.


Huwa jissokta jgħidilhom
li l-Unjoni, b’din il-Kostituzzjoni ġdida, se timxi ħarir, bħal
ma jimxi arloġġ, l-istess kif jiġri fil-club taż-żewġt
itfal.
Fil-ktieb li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea imkien ma jingħad li
l-popli ta’ Franza u ta’ l-Olanda ċaħdu dik il-Kostituzzjoni ta’
l-Unjoni.
Ħafna kkundannaw lill-Kummissjoni Ewropea għal dan il-ktieb li huwa maħsub
sabiex jiddottrina lit-tfal.
Huma xebbħuh mal-propaganda li l-Kommunisti kienu jagħmlu lit-tfal, jew bħall-ħasil ta’ l-imħuh tal- propaganda għaż-żgħażagħ li Doctor Goebbels kien jagħmel fi żmien Ħitler.
Liam Fox,
ix-shadow Minister ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Ingilterra, ikkritika
bl-aħrax dan il-ktieb tal-Kummissjoni Ewropea.
Huwa qal li jidher ċar li l-Kummissjoni Ewropea trid issammar fl-imħuh tat-tfal il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni, minkejja li jeżistu oġġezzjonijiet demokratiċi għaliha (fosthom, l-oġġezzjonijiet tal-Franċiżi u l-Olandiżi).
U biex tagħmel
dan, il-Kummissoni qiegħda tagħmel użu minn propaganda li tixraq
aktar lill-pajjiżi ta’ l-Ewropa tal- Lvant dominati mill-Unjoni
Sovjetika.
Fox żied jgħid li ħaġa ta’ min jistmerraha hija li din
il-propaganda lit-tfal ta’ l-iskola qiegħda ssir mill-fondi li ġejjin
mit-taxxi li jħallsu l-popli tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni.
Jisgħobbina ngħidu li anki f’Malta qiegħed isir il-ħasil ta’ l-imħuh u l-indottrinar tat-tfal ta’ l-iskola.
Taxxa
ġdida għas-sajjieda minħabba l-Unjoni Ewropea
Ħafna setturi tal-poplu Malti ġew imqarrqin bil-propaganda giddieba li saret qabel ir-referendum tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Fost dawn, hemm
is-sajjieda li issa se jsibu li se tiġi mposta fuqhom taxxa ġdida, minħabba
r-regolamenti ta‘ l-Unjoni.
Lis-sajjieda issa qegħdin jgħidulhom li jridu jibdew jgħajtu uffiċjal
tas-sajd biex jispezzjona u jiżen il-ħut qabel dan jitniżżel
l-art.
Dan huwa ordni ta’ l-Unjoni Ewropea ħalli tiżgura li s-sajjieda ma
qabdux ħut iżgħar milli r-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea
jippermettu, barra li tkun taf kemm inqabad ħut sabiex is-sajjieda ma jaqbżux
il-kwot allokata lill-Maltin.
Nafu li minn hawn u ftit ieħor, lis-sajjieda se jibdew jagħtuhom kwoti
ta’ kemm jistgħu jaqbdu ħut, u se jibdew jingħataw il-post minn
fejn kull sajjied ikun jista’ jmur jistad.
L-Unjoni Ewropea tordna wkoll spezzjonijiet tal-postijiet mogħtija
lis-sajjieda, sabiex tara jekk humiex jistadu f’postijiet li m’humiex liċenzjati
li jistadu fihom.
Mhux hekk biss.
Minn hawn u ftit ieħor, is-sajjieda Maltin u Għawdxin se jkollhom iħallsu liċenzji differenti biex ikunu jistgħu jistadu għal ħut differenti.
U jekk huma
jaqbdu ħut li ma jkunux liċenzjati għalih, ikollhom jarmuh jew
inkella jeħlu multi, kemm-il darba jipprovaw iniżżluh l-art.
Sabiex l-Unjoni tkun taf kull sajjied fejn ikun qiegħed jistad, hija trid
li jitwaħħal apparat tas-satellita li jimmarka l-post eżatt fejn
is-sajjied ikun.
Permezz ta’ l-apparat tas-satellita, l-Unjoni tara li s-sajjieda Maltin u Għawdxin ma jistadux f’postijiet li ma jkunux liċenzjati għalihom.
Tara wkoll li
jekk tkun intlaħqet il-kwota, is-sajjieda ma jkunux jistgħu joħorġu
jistadu aktar, għax permezz ta‘ l-apparat tas-satellita, ikun magħruf
li huma ċċaqilqu u fejn marru.
Dan kollu huwa ta’ saram għas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Bħas-setturi l-oħrajn tal-poplu li ġew ingannati bil-propaganda favur is-sħubija fl-Unjoni, għandhom mezz wieħed biex jeħilsu minn dan is-saram.
Jingħaqdu
mas-setturi l-oħrajn tal-poplu li jridu joħorġu mill-Unjoni.
Nerġgħu ntennu.
Nistgħu noħorġu mill-Unjoni, u jaqblilna noħorġu.
Min jgħid li ma nistgħux, jgħid hekk għax hu ma jaqbillux.
Iżda l-kotra kbira jaqblilha.
Nistaqsu lil Dr
Joanne Drake li tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea f’Malta, jekk
l-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma fil-25 ta’ Marzu, 1957, u li kien sar fuq
“gozz paġni vojta”, kif inkixef li kien sar fil-programm fuq il-BBC
World Service, Radio 4, lejlet il-50 Anniversarju, kellux allura bażi
legali?
Billi Joanna
Drake hija wkoll avukat, tista’ tirrispondina?
•Jekk kellu bażi legali, tista’ tgħidilna fuq liema bażi
legali?
•Jekk ma kellux bażi legali, tista’ tgħidilna jekk il-mexxejja
tas-sitt pajjiżi li kienu iffirmaw dokument vojt, qattx reġgħu
ltaqgħu u ffirmaw id-dokument proprju bl-artikli kollha tat- trattat?
Tista’ tgħidilna meta u fejn sar dan l-iffirmar?
•Dr Joanna Drake tista’ tirrispondina billi tikteb lil Eddy Privitera, CNI,
60A, Triq id-Dejqa, Valletta. Ir-risposta tagħha nippubblikawha f’din
il-paġna mill-ewwel.
B'dedika
lill-Unjoni Ewropea li ħbiet sigriet għal 50 sena!

1. Minn qatt
kien jobsor li dak l-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma li kien sar, kien l-aqwa reċta
tant li baqa’ ħadd ma nduna!
2. 50 sena ilu, wara ħafna xogħol iebes, iffirmaw dokument bla ma
ndunaw x’kien hemm nieqes! Id-dokument li ffirmaw il-mexxejja Ewropej kien
biss gozz paġni vojta li ma jiswew xejn!
3. Mur għidilhom lill-ġurnalisti u lil ħafna mistednin li l-farsa
li saret se tibqa’ moħbija s-snin! U kellu jkun eżatt fil-50
Anniversarju li fuq dak l-ingann niżel is-siparju!

4. Fid-9 ta’ Mejju – Jum l-Ewropa – nixtieq nipproponi biex il-Maltin u
l-Għawdxin jitgħallmu lezzjoni. Dak in-nhar fil-Belt Valletta Dr
Joanna Drake aħjar taqsam qassata flok li taqsam il-kejk!
Eddy Privitera
Il-Ħamis, 26 ta' April, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ