MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHILFU LI NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000

 

L-Unjoni Ewropea ċċaqċqilna l-frosta

 

Fl-aħħar sebat ijiem assistejna għal purċissjoni ta' personalitajiet barranin li ġew Malta b'mod jew ieħor minħabba s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. 

 

Ġew 

* il-President tal-Latvja, Vike-Freiberga, 

* il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Kinnock, 

* il-Prim Ministru Taljan, Berlusconi, 

* il-Kummissarju tas-Suq Intern ta' l-Unjoni Ewropea, Bolkenstein,

*  il-Kanċillier Ġermaniż, Schroeder, 

* is-Senatur Taljan, Dini, u 

* l-Viċi President tal-Parlament Taljan, Biondi.

Dawn kollha kemm huma faħħru l-pass li Malta għamlet li ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. 

 

Donnhom ġew ifarrġuna min-niket li għandna hekk kif qegħdin inġarrbu l-effetti ħżiena tal-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni. 

 

Ħadd minnhom ma qalilna li se igħinna negħlbu l-kriżi finanzjarja u ekonomika li għandna. 

 

Bil-kliem ta' ftaħir ma nagħmlu xejn. 

 

Anzi, jagħmlilna ħsara għax jaljenana u inessina mill-ħtieġa kbira li għandna li niflu sewwa l-kawżi tal-kriżi u x'għandna nagħmlu biex noħorġu minnha.

 

Waħda mill-kawżi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li qiegħda tifnina hija s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u l-ftehim diżastruż ta' sħubija li l-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea għamlulna. 

 

Biex noħorġu mill-kriżi, irridu naqtgħu l-ktajjen li l-ftehim tas-sħubija rabatna bihom. 

 

Jekk ma nagħmlux dan malajr, se nintagħfsu aktar hekk kif ir-regoli ta' l-Unjoni Ewropea jissikkawna aktar milli għamlu s'issa.

Diġà rajna kif l-Unjoni Ewropea ġagħlet lill-Gvern Malti inaqqas in-numru tal-ħaddiema fit-tarzni tagħna għal 1,600 biss. 

 

Rajna fabbriki jissensjaw mijiet ta' ħaddiema minħabba ż-żieda ordnata mill-Unjoni Ewropea fid-dazji fuq il-materja prima miġjuba minn barra l-Unjoni Ewropea. 

 

Rajna fabbriki jitilqu minn Malta għax l-Unjoni Ewropea ma tħalliniex nagħtuhom l-għajnuniet u l-inċentivi li konna nagħtuhom. 

 

Rajna imprendituri Maltin iżarmaw l-azjendi tagħhom wara li l-Unjoni Ewropea ċaħditilna d-dritt li nkomplu nagħtuhom il-protezzjoni li konna nagħtuhom. 

 

Issa rajna l-‘cruise liners’ iħassru ż-żjarat bit-turisti li kienu regolarment jagħmlu fil-Port tagħna, għax l-Unjoni Ewropea tridna neqirdu d-‘duty free’.

 

Dawn huma xi wħud mill-fatti li diġà rajna jseħħu minħabba l-ftehim magħmul mill-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni li l-Prim Ministru Malti ffirma b'tant daqq ta' trombi fis-16 ta' April tas-sena l-oħra ġewwa Atene. 

 

Ġraw aktar fatti barra dawk li semmejna li għamlu ħsara l-ekonomija u l-qasam tax-xogħol f'pajjiżna. 

 

Iżda l-agħar għadu ġej hekk kif l-Unjoni Ewrpea tissikka aktar lill-Gvern Malti ħalli jobdi r-regoli kollha ta' l-Unjoni fl-oqsma tal-kummerċ, tal-provvista tas-servizzi, tat-tassazzjoni u ta' l-għoti tal-kuntratti.

Ħjiel ta' xi swat hemm lest għalina tahulna Frits Bolkenstein, il-Kummissarju tas-Suq Intern ta' l-Unjoni Ewropea. 

 

Dan ġie biex iċaqċqilna l-frosta. 

 

Huwa nsista li għandna nneħħu l-benefiċċji tal-ħelsien mill-ħlas tat-taxxa li nagħtu lill-investituri barranin biex jinvestu f'pajjiżna ħalli joħolqulna l-impjiegi għall-ħaddiema tagħna. 

 

Huwa saħaq li għandna niftħu l-bibien beraħ ħalli operaturi barranin mill-Unjoni Ewropea li jipprovdu s-servizzi jkunu jistgħu bla xkiel ta' xejn jaħdmu f'pajjiżna b'kompetizzjoni ma' l-operaturi Maltin. 

 

Qalilna li għandna nħaffu l-proċeduri ħalli nagħtu l-liċenzji lill-barranin ta' l-Unjoni Ewropea li jridu jiftħu negozju f'pajjiżna b'kompetizzjoni man-negozjanti Maltin. 

 

L-istess ħaġa għandna nagħmlu biex professjonisti bil-lawrja mill-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom b'kompetizzjoni mal-professjonisti Maltin.

 

Fil-waqt li l-Unjoni Ewropea qiegħda ġġagħlna nadottaw il-politika ekonomika tagħha, il-Kummissarju Ewropew Frits Bolkenstein stess jammetti li l-ekonomija ta' l-Unjoni Ewropea hija marida u teħtiġilha riforma strutturali. 

 

Huwa jridna nieħdu l-istess mediċina li ma fejqitx lill-ekonomija ta' l-Unjoni u li wasslet fil-miljuni ta' ħaddiema qegħda fil-pajjiżi ta' l-Unjoni u fl-industriji jaħarbu mill-pajjiżi ta' l-Unjoni biex jarmaw f'pajjiżi fejn m'humiex imxekkla bir-regoli u d-direttivi ta' l-Unjoni.

Hemm bżonn li niflu sewwa x'inhu jiġri fl-Unjoni Ewropea. 

 

Il-Kancillier Schroeder kien ikun ta' għajnuna għalina kieku minflok li qalilna li l-Prim Ministru Malti qabel miegħu f'kollox, fissrilna għax il-Ġermanja ntlaqtet bi kriżi ekonomika kbira u għandha miljuni ta' ħaddiema bla xogħol u fetħilna għajnejna biex ma jiġrilnix l-istess f'Malta jekk inħaddmu l-istess politika ekonomika ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Neil Kinnock, kien ikun ta' siwi għalina li kieku minflok ma ftaħar kemm l-Unjoni Ewropea hija tajba, qalilna kemm hija kbira l-korruzzjoni fl-istrutturi kollha ta' l-Unjoni Ewropea u x'għandna nagħmlu ħalli Malta fl-Unjoni Ewropea ma tmissnix l-istess xorti li npestat l-Unjoni.

B'hekk biss dawn iż-żjarat tal-barranin jistgħu jkunu ta' ġid u mhux ħela taż-żmien.

 

Kif l-UE tixtri lill-politiċi!

 

L-Unjoni Ewropea ilha li għarfet li biex tibni mperu ġdid Ewropew kien neċessarju li "tixtri" l-appoġġ tal-politiċi Ewropej. 

 

Biex jirnexxilha tagħmel dan fasslet numru kbir ta' "inċentivi" li ma setgħux ma jagħmux lill-maġġoranza kbira tal-politiċi u uffiċjali tal-partiti politiċi fl-Ewropea.

Illum se nsemmulkom "inċentiv" wieħed biss minn ħemel ta' "inċentivi" oħra li nisperaw li ninfurmawkom bihom aktar ’il quddiem. 

 

L-“inċentiv” li se nsemmilkom illum fakkritulna ittra li dehret f'The Times (tad-19 ta' Frar 2004), miktuba minn Derek Bennett, minn Walsall, fl-Ingilterra. 

 

F'din l-ittra Derek Bennett kiteb hekk:-

"Mill-1 ta' Mejju, meta Malta uffiċjalment tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, id-duty free għall-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea jsir ħaġa tal-passat. 

 

Aħna li ninsabu mwaħħlin fl-Unjoni Ewropea tlifna d-duty free żmien ilu, bħala parti mill-pjan ta' l-Unjoni Ewropea li ssir pajjiż wieħed. 

 

Iżda hemm klikka żgħira ta' nies li għadhom jistgħu jixtru oġġetti duty free meta jivvjaġġaw ġewwa l-Unjoni Ewropea – il-membri tal-Parlament Ewropew, il-Kummissarji Ewropej u l-uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea!"

Kos, kif m'għadna nisimgħu xejn dwar din l-imbierka duty free mill-politiċi Maltin, hux?

 

Iżda ġurnal ta' Londra, nhar is-Sibt li għadda, ta prominenza l-istorja dwar kemm Malta sejra titlef 'cruise liners' kull sena minħabba li l-Unjoni Ewropea ġagħlitna nneħħu d-duty free. 

 

Il-ġurnal Ingliż semma l-każ ta' aġenzija ta' l-ivvjaġġar f'Malta li qalet li x-xogħol tagħha se jonqos b'95% għax il-vapuri tat-turisti li kienu jidħlu Malta kull ġimgħa, issa sejrin imorru Tuneż, minn fejn jistgħu jixtru li jridu mingħajr ma jħallsu t-taxxa tal-VAT u taxxi oħra fuq l-oġġetti.

L-istess ġurnal Ingliż qal li vapur tat-turisti li kien jiġi regolarment kull ġimgħa f'Malta, kien jixtri b'madwar £80,000 fi fjuri minn Malta. 

 

Dan l-eżempju ngħata biex il-qarrejja tal-ġurnal ta' Londra jkollhom ħjiel kemm Malta se titlef negozju bit-telf tad-dħul tal-‘cruise liners’ minħabba t-tneħħija tad-duty free fuq l-ordnijiet ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Il-Konvenzjoni toriġina minn konvenzjoni mhux demokratika

 

Il-kwistjoni li l-popli tal-pajjiżi differenti ta' l-Ewropa għandhom hija jekk humiex lesti li jabbandunaw id-demokrazija nazzjonali u l-indipendenza tagħhom favur it-tmexxija minn gvern u stat li jkun fuq il-gvernijiet u l-istati tal-pajjiżi membri (sopranazzjonali) u li jkun profondament mhux demokratiku, bħal ma hija l-Unjoni Ewropea.

Din il-kwistjoni l-popli sabuha fuqhom bil-ħabi matul għexieren ta' snin u bis-saħħa ta' sensiela ta' trattati li għaddew it-tmexxija ta' ħafna oqsma f'idejn l-Unjoni Ewropea. 

 

Il-mexxejja politiċi tal-pajjiżi membri ma spjegawx lill-poplu tagħhom l-implikazzjonijiet tat-trattati li saru u huwa biss issa li ċ-ċittadini tal-pajjiżi membri bdew jifhmu x'ifissru sewwa dawk it-trattati.

Hekk kif wieħed jista' japprezza l-valur ta' ħajja b'saħħitha, meta jimrad, hekk ukoll wieħed jibda jirrealizza kemm jiswa l-valur tad-demokrazija meta jitlifha u jsib ruħu ggvernat minn politiċi, l-aktar barranin, li ma jkollu ebda kontroll fuqhom.

Il-popli ta' l-Ewropa huma lesti li jpoġġu lilhom infushom, lil uliedhom u lil ulied uliedhom taħt ir-regoli tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li tkun superjuri għall-Kostituzzjoni nazzjonali tagħhom? 

 

Huma lesti li jpoġġu ruħhom taħt Kostituzzjoni li tfasslet minn Konvenzjoni (jiġifieri, il-grupp ta' 105 rappreżentanti, fosthom tlieta minn kull pajjiż, inkluża Malta) li ma kinux eletti, iżda magħżula mill-partiti politiċi (fil-każ ta' Malta, per eżempju, il-Gvern bagħat saċerdot politikant biex jirrappreżentah)?

 

Il-Konvenzjoni li fasslet il-Kostituzzjoni kienet fondamentalment mhux demokratika. 

 

Il-membri tagħha – b'kollox 105 persuni – kienu magħmula minn żewġ rappreżentanti minn kull parlament nazzjonali ta' kull stat membru u ta' kull stat li kien applika biex isir membru ta' l-Unjoni. 

 

U magħhom kien hemm rappreżentant ta' kull gvern nazzjonali u rappreżentanti mill-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea.

L-abbozz tat-Trattat tal-Kostituzzjoni jgħid li l-Kostituzzjoni ġiet addottata "b'kunsens" fil-Konvenzjoni. 

 

Iżda l-“kunsens” kien l-aktar f'moħħ il-President tal-Konvenzjoni, l-ex-President Franċiż Giscard d'Estaing u t-12-il persuna li kienu jiffurmaw il-Presidium (il-Kumitat tal-Presidenza) tal-Konvenzjoni.

L-ebda vot ma ttieħed fuq aktar minn 1,000 emendi li tressqu u l-opinjonijiet tal-minoranzi u ta' dawk li ma kinux qegħdin jaqblu, ġew injorati. 

 

Hekk per eżempju ġara dwar ir-Rapport Alternattiv: 

"L-Ewropa tad-Demokraziji" (The Europe of Democracies) li ssuġġerixxa Unjoni Ewropea aktar deċentralizzata u trattat aktar fil-qosor għal "Unjoni ta' Demokraziji". 

 

Dan ir-rapport kien iffirmat minn tmin membri tal-Konvenzjoni.

 

Konvenzjoni oħra bħal dik tal-Kostituzzjoni kienet intużat biex tfassal iċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem ta' l-Unjoni Ewropea, li l-kontenut tiegħu qatt ma ġie diskuss f'xi parlament nazzjonali.

 

Il-Konvenzjoni dwar il-Kostituzzjoni pproponiet li dak iċ-Charter għandu jkun it-tieni parti tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea u għandu jkollu s-saħħa ta' rabta legali għall-pajjiżi ta' l-Unjoni.

Għal dawk li jridu jibnu stat Ewropew (kif iridu li l-Unjoni ssir), dak li huma jsejħu bħal "il-metodu tal-Konvenzjoni" għandu l-vantaġġ li jagħmilha possibbli li jittieħdu inizjattivi maġġuri ġodda biex isseħħ aktar l-integrazzjoni ta' l-istati membri, mingħajr ma tkun qiegħda tiġi kkunsidrata x-xewqa tal-popli ta' l-istati membri u tar-rappreżentanti tagħhom fil-parlamenti nazzjonali.

Il-kompozizzjoni tal-Konvenzjoni magħmula minn rappreżentanti nominati mill-parlamenti u mill-gvernijiet kienet maħsuba biex tagħti dehra ta' leġittimità demokratika għal proġett li riduh biss ftit għoljin (elitisti). 

 

Huma ħolqu bil-forza Kostituzzjoni għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, li ċ-ċittadini iżda la qatt riedu u lanqas qatt staqsew għaliha.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

 Il-Ħamis, 26 ta’ Frar, 2004.

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ