MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID
LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET
TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA
LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
Il-President ta’ Malta jgħaxxaqha fi Praga

Il-PRESIDENT ta’ Malta, fiż-żjara
uffiċjali li għadu kif għamel fir-Repubblika Ċeka, mar jagħmilha
tal-bravu u rrepeta l-propaganda qarrieqa dwar l-Unjoni Ewropea li kien jagħmel
f’Malta meta kien Prim Ministru.
Il-President tar-Repubblika Ceka
Vaclav Klaus huwa kritiku ħafna ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-kostituzzjoni
ġdida tagħha.
Huwa ma jemminx fil-politika ekonomika li l-Unjoni mxiet biha, u jixli lill-Unjoni li qiegħda tiċċentralizza f’idejha t-tmexxija tal-popli tal-pajjiżi membri tagħha, u b’hekk qiegħda tnaqqsilhom il-libertà tagħhom.
Il-maġġoranza
tal-membri Ċeki tal-Parlament Ewropew, l-istess bħal ma għamlu
d-Deputati Maltin, ma vvutawx favur il-kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE meta
tressqet għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fit-12 ta’ Jannar fi
Strasbourg.
Mhux ċar x’se jiġri
dwar ir-ratifika tal-kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE fir-Repubblika Ċeka.
Huwa magħruf li hemm oppożizzjoni qawwija kontriha, u fost dawk kontriha, hemm il-President stess tar-Repubblika.
Il-kliem tal-President Malti fi Praga favur l-Unjoni u l-kostituzzjoni ġdida tagħha kien meqjus barrra minn loku u żball diplomatiku.
Huwa veru li għadu mibrum
mill-propaganda qarrieqa li huwa temgħa lill-poplu Malti favur l-Unjoni.
Il-President Ċek ma qagħdx
jogħmodha meta qal li wħud min-nies qegħdin joħolmu dwar
is-saħħa ekonomika ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-President ta’ Malta kien imprudenti u irresponsabbli li fir-Repubblika Ċeka tkellem pubblikament kif tkellem dwar l-UE u l-kostituzzjoni ġdida tagħha, meta huwa jaf li kemm il-President tal-pajjiż li kien qiegħed jospitah, kif ukoll il-maġġoranza tad-Deputati Ċeki fil-Parlament Ewropew huma tal-fehma kontra l-Unjoni u l-kostituzzjoni ġdida tagħha.
Il-fehma li l-President Vaclav Klaus u l-maġġoranza tad-Deputati Ċeki, fil-Parlament Ewropew għandhom kontra l-kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ il-fehma tal-maġġoranza tal-Maltin kontriha wkoll.
Ir-Repubblika Ċeka hija
fil-qalba ta’ l-Ewropa, u l-poplu Ċek huwa Ewropew mija fil-mija.
Il-kritika tiegħu għall-Unjoni
Ewropea u l-oppożizzjoni tiegħu għall-kostituzzjoni ġdida
tagħha m’humiex ġejjin minn xi fanatiżmu jew xi sentiment
anti-Ewropew.
Huma msejsa fuq raġunijiet sodi, l-istess raġunijiet li għandna aħna
li jġagħluna nikkritikaw l-Unjoni Ewropea u nopponu l-kostituzzzjoni
ġdida tagħha.
Aħna nemmnu li l-politika ta’ l-Unjoni hija ħażina u li
l-kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni tkompli tnaqqsilna l-ħelsien tagħna.
Ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni ta' l-UE
IL-PROPAGANDISTI f'Malta ta'
l-Unjoni Ewropea jgħajjru lil dawk fostna li jikkritikaw il-Kostituzzjoni
ġdida ta' l-UE.
Iżda huma jaħbu
mill-poplu Malti l-fatt li 32 membru parlamentari mal-Partit Popolari Ewropew,
li fih huwa msieħeb il-Partit Nazzjonalista Malti, ivvotaw kontra
l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE fis-seduta tat-12 ta' Jannar tal-Parlament
Ewropew ġewwa Strasbourg.
20 membru Parlamentari oħrajn ta' l-istess Partit Popolari Ewropew astjenew milli jivvotaw.

Simon
Busuttil u
David Casa kkritikaw lit-tliet
membri parlamentari Laburisti li astjenew jew ma ħadux sehem fil-votazzjoni
tat-12 ta' Jannar.
Iżda Busuttil u Casa ma ħaduhiex kontra t-32 membru sħabhom li vvotaw kontra l-Kostituzzjoni ġdida u ma kkritikawx l-20 l-oħra sħabhom li astjenew milli jivvotaw.
Bil-vot tagħhom favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, Busuttil u Casa qablu li l-liġijiet li l-Unjoni tagħmel li jkunu ma jaqblux mal-Kostituzzjoni Maltija, jegħlbu l-Kostituzzjoni tagħna.
Imisshom jistħu li rmew
il-Kostituzzjoni ta' pajjiżhom u ttradewha.
M'għandhomx biex jiftaħru ħlief bis-serviliżmu tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea.
Fost il-membri parlamentari Soċjalisti tal-Parlament Ewropew, kien hemm 13 li astjenew milli jivvotaw (fosthom żewġ Maltin) u deputata oħra vvotat kontra l-Kostituzzjoni ġdida.
Dan juri li d-deputati Maltin ma kinux waħedhom fost is-Soċjalisti li ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.
Il-Membri Parlamentari Laburisti fil-Parlament Malti m'għandhomx jinsew li hemm Soċjalisti oħra Ewropej li ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE u meta il-Kostituzzjoni tersaq fil-Parlament Malti għar-ratifika, m'għandhomx isibuha bi tqila li jagħmlu bħalhom.
Kien hemm ukoll seba' membri parlamentari tal-Ħodor (Greens) li vvotaw kontra l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE fit-12 ta' Jannar fi Strasbourg u ieħor astjena li jivvota.


Is-Segretarju tal-Ħodor, Dr Cassola, ma xandarx dawn il-fatti lill-poplu Malti, ħalli ż-żgħażagħ Maltin li jissimpatizzaw mal-Ħodor ma jintebħux li hemm ħwejjeġ fil-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE li huma oġġezzjonabbli ħafna għal ħafna votanti favur il-Ħodor Ewropej.
Fost il-membri Parlamentari
Ħodor li vvotaw kontra l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, kien
hemm Caroline Lucas, deputata Ingliża.
Hija tikkritika bl-aħrax lill-Unjoni Ewropea dwar il-politika ta' militarizzazzjoni li adottat, dwar il-politika ambjentali li hija defiċjenti u dwar il-politika tagħha favur il-globalizzazzjoni tal-kummerċ, li Lucas issostni qiegħda tnaqqas ix-xogħol u l-impjiegi fil-pajjiżi membri ta' l-Unjoni.
Il-gwaj tas-sħubija fl-UE
ISSA nafu xi tfisser għall-poplu
Malti s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Tfisser ħafna sensji u impriżi
li jagħlqu u oħrajn li jnaqqsu n-numru tan-nies li jħaddmu.
Tfisser theddida għax-xogħol
tal-ħaddiema f’ħafna setturi, bħal tax-Xatt, għall-bdiewa,
raħħala u għas-sajjieda.
Tfisser anqas investiment barrani produttiv f’pajjiżna u konsegwentement,
nuqqas ta’ ħolqien ta’ impjiegi ġodda.
Tfisser 98,000 turisti tal-cruise liners anqas fis-sena li għaddiet, minħabba t-telfien ta’ l-iffrankar tat-taxxa kkaġunat mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni.
Tfisser żieda fit-taxxi u d-dħul ta’ ħafna taxxi ġodda u ħlas ta’ rati ogħla għas-servizzi essenzjali.
Tfisser splużjoni
fil-prezzijiet ta’ l-art u tal-bini u fil-kera tad-djar.
Tfisser żieda fl-għoli tal-ħajja ħafna aktar miż-żidiet
fil-pagi.
Tfisser spejjeż aktar fil-qasam tal-produzzjoni u fil-qasam tas-servizzi u tat-turiżmu u konsegwentement, pajjiżna jsir anqas kompetittiv.
Imma dan mhux kollox.
Għandna konsegwenzi oħra
ħżiena ħafna.
Qegħdin naraw li l-Gvern
irid inaqqas il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u l-impjegati
mhux biss ta’ dawk fis-settur pubbliku, iżda anki ta‘ dawk fis-settur
privat.
Ftiehem li jagħmel hekk
ma’ l-Unjoni Ewropea.
L-Unjoni Ewropea trid li l-Gvern inaqqas in-numru ta’ l-impjegati u ħaddiema
fis-settur pubbliku, mingħajr ma l-Unjoni tgħid biex jinħolqu
impjiegi ġodda fis-settur privat.
Trid ukoll li l-Gvern ma jkompliex jiggarantixxi l-impjieg sa kemm tintlaħaq l-età ta’ l-irtirar mis-servizz u tgħid li din tkun parti mir-riforma tas-servizz pubbliku.
Is-sħubija fl-Unjoni
ġġiegħel lill-Gvern inaqqas il-kundizzjonijiet tal-pensjonijiet u
jdaħħal il-pensjonijiet privati li jitħallsu
mill-kontribuzzjonijiet ġodda li l-ħaddiema u l-impjegati jkollhom jagħmlu,
barra l-kontribuzzjoni li jħallsu tas-Sigurtà Nazzjonali.
Is-sħubija fl-Unjoni ma tħallix lill-Gvern ikompli jipprovdi mingħajr
ħlas il-kura tas-saħħa lill-poplu u ġġagħlu
jnaqqas is-servizzi soċjali li huwa jagħti lill-komunità.
Anki l-edukazzjoni tintlaqat mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni.
Mhux biss il-Gvern mhux se jitħalla jħallas l-istipendji li qiegħed iħallas lill-istudenti, iżda jkollu jdaħħal ħlasijiet fl-għoti tat-tagħlim ta’ ċertu livell għoli li llum huwa bla ħlas.
Din mhix il-lista sħiħa
tal-konsegwenzi ħżiena tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni
Ewropea.
Iżda naħsbu hija biżżejjed kerha li ma tħalliniex nieqfu fil-ħidma tagħna biex neħilsu lill-poplu Malti mill-gwaj kbir li ġab b’idejh.
Aktar taxxi minhabba l-Unjoni Ewropea
WAQT li l-maġġoranza
tal-poplu Malti oġġezzjonat għal ħafna mill-miżuri li
l-Gvern daħħal fl-aħħar budget, l-Unjoni Ewropea faħħret
lill-Gvern Malti għal dawk il-miżuri.
Din l-istorja se tirripeti ruħha
kull sena.
Il-Gvern Malti jkollu bil-fors jogħġob u jissodisfa lill-Unjoni
Ewropea u mhux lill-maġġoranza tal-Maltin.
Minn meta beda jseħħ
il-ftehim tas-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea, twarrab f’pajjiżna
l-prinċipju tad-demokrazija li sseħħ ir-rieda tal-maġġoranza.
Minfloku, daħal il-prinċipju f’pajjiżna li sseħħ ir-rieda ta’ l-Unjoni Ewropea, mhux ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu Malti.
Għax bil-ftehim ta’ sħubija
li l-Gvern għamel ma’ l-Unjoni, il-Gvern Malti jkollu bil-fors jimxi
skond il-politika finanzjarja tagħha.
Kellu jagħmel Pjan ta’
Konverġenza, jiġifieri, li jdaħħal il-miżuri li jaqblu
mal-politika ta’ l-Unjoni.
Ikollu jwettaq il-miżuri li kellu jaċċetta fil-Pjan ta’ Konverġenza, anki jekk b’dawk il-miżuri l-poplu jintgħafas ħafna.
Issa, barra l-ftehim ta’ sħubija
u l-Pjan ta’ Konverġenza, il-Gvern Malti bi ħsiebu jintrabat aktar
bil-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni.
Meta din tidħol fis-seħħ, il-Gvern Malti jkun marbut biha li jimxi skond il-politika finanzjarja ta’ l-Unjoni li hija msammra fil-Kostituzzjoni ġdida, bħala Kmandament li jrid bil-fors jitħares minn kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni.
Għalkemm wara disa’ xhur li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju tas-sena l-oħra l-ftehim ta’ sħubija li l-Gvern għamel ma’ l-Unjoni, il-maġġoranza tal-poplu Malti diġà fehmet li l-politika finanzjarja ta’ l-Unjoni tagħmlilna akar deni milli ġid, il-Gvern xorta waħda se jisfida r-rieda tal-maġġoranza tal-poplu.
Se jisfidha billi jivvota
fil-Parlament Malti l-approvazzjoni tal-politika finanzjarja ta’ l-Unjoni kif
inhi mfissra fil-Kostituzzjoni ġdida li l-Gvern irid li tegħleb
il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Qabel ma sar ir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni, kienu jiżguraw
lill-poplu li l-Unjoni ma tindaħalx fit-taxxi li jsiru f’pajjiżna.
Illum il-poplu jaf li din kienet gidba qarrieqa.
It-taxxi li l-Gvern Malti għamel
huma kollha ordnati mill-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern jipprova jġib xi
skuża jew oħra għal kull taxxa li jagħmel u qatt ma jammetti
l-verità li l-Unjoni ordnatlu jagħmilha.
Iżda llum il-poplu nduna
bil-qerq tal-Gvern li daħak bih.
Issa l-Gvern se jerġa’ jinganna lill-poplu Malti bl-istorja
tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE.
Il-Gvern u l-propagandisti tiegħu
diġà bdew kampanja favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta’
l-UE.
Mhux qegħdin jgħidu lill-poplu li din il-Kostituzzjoni ġdida
torbotna aktar li nagħmlu dak li trid l-Unjoni dwar taxxi ġodda
f’pajjiżna.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
L-Erbgħa, 26 ta' Jannar, 2005.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-
Segretarju
Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ