MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

It-Trattat ta’ Riforma huwa għajb għad-demokrazija

 

B’mod tassew sfaċċat, mexxejja ta‘ xi wħud mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea (fosthom il-Prim Ministru Malti), iddikjaraw li l-popli ta’ l-Unjoni se jifirħu li ntlaħaq ftehim dwar it-Trattat ġdid ta’ Riforma ta’ l-Unjoni, meta dawn il-mexxejja għamlu minn kollox biex il-popli ma jingħatawx l-opportunità jivvotaw dwaru f’referendum, għax kieku jivvotaw kontrih.

Dan l-aġir anti-demokratiku tal-mexxejja ta’ l-Unjoni mhux se jkabbar l-appoġġ popolari għall-Unjoni, iżda se jħarrax il-kritika tal-miljun ta’ Ewro-xettiċi fil-konfront tagħha. 

 

Għax qed jikxef aktar

* l-ipokrezija ta’ l-Unjoni 

* li xxandar id-demokrazija, 

* iżda ma twettaqhiex fil-prattika.

 

Agħar minn hekk, l-Unjoni qiegħda tmur

* kontra r-rieda tal-popli 

* li ma jridux li l-Unjoni tieħu aktar setgħat 

* mingħand il-gvernijiet nazzjonali eletti mill-popli biex huma jmexxuhom.

L-oġġezzjoni fundamentali tal-popli għall-Unjoni Ewropea hija proprju din – li l-Unjoni qiegħda twarrab aktar u aktar is-sistema tal-kunsens tal-pajjiżi membri kollha, għal waħda fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu b’sistema ta’ maġġoranza kontra r-rieda tal-minoranza. 

 

Għax deċiżjonijiet meħudin b’maġġoranza jfissru li l-popli tal-pajjiżi li ma jaqblux magħhom, ikollhom kontra r-rieda tagħhom, joqogħdu għalihom, bla ma jkollhom il-mezz li jbiddluhom, kif jiġri fil-każ ta’ deċiżjonijiet meħudin minn Gvern nazzjonali, li l-poplu jista’ jbiddel bil-mezz demokratiku tal-voti tiegħu f’Elezzjoni Ġenerali.

Politiċi li jaċċettaw li d-deċiżjonijiet jittieħdu bil-maġġoranza tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, ikunu qegħdin 

* jittradixxu l-fiduċja tal-poplu tagħhom li vvotalhom biex iwettqu r-rieda tiegħu, 

* mhux li jbaxxu rashom għar-rieda ta’ popli oħrajn. 

 

Din hija l-qofol ta’ l-oġġezzjoni għat-Trattat ġdid ta’ l-Unjoni Ewropea, li se jżid in-numru ta’ każi li fihom id-deċiżjonijiet jittieħdu bis-sistema tal-maġġoranza, mhux bil-kunsens ta’ kulħadd.

 

Dan it-Trattat 

* iżid 68 każ 

li fihom id-deċiżjonijiet jittieħdu bis-sistema tal-maġġoranza.

 

Dan ifisser li l-poplu Malti jista’ jispiċċa f’sitwazzjoni li jkollu jaċċetta deċiżjonijiet li l-Gvern Malti jkun ivvota kontrihom.

Skond l-esperti legali, it-Trattat il-ġdid 

* jagħti 105 setgħat ġodda lill-Unjoni Ewropea, l-istess kif kien jagħmel 
* it-Trattat il-qadim tal-Kostituzzjoni 

* li l-Franċiżi u l-Olandiżi ċaħdu. 

 

It-Trattat il-ġdid jorbot daqs kemm kien jorbot it-Trattat tal-Kostituzzjoni.

L-Unjoni Ewropea qiegħda tagħmilha diffiċli li l-poplu jifhem sewwa x’isarraf dan it-Trattat. 

 

Hija ċaħdet talba li saritilha li tippubblika ż-żewġ trattati li dan it-Trattat qiegħed jemenda, bl-emendi ġodda miżjudin fl-artikli rispettivi tagħhom. 

 

L-Unjoni qalet li se tippubblika l-verżjoni emendata taż-żewġ trattati,

* wara li t-Trattat ta’ Riforma jkun ratifikat mill-pajjiżi kollha, 

* mhux qabel.

It-Trattat il-ġdid se jżid ftit l-influwenza tal-Parlament Ewropew f’19-il qasam, iżda se jnaqqas ħafna aktar minn hekk, l-influwenza fuq l-Unjoni Ewropea tal-Parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri, f’mhux anqas minn 49 qasam. 

 

Għalhekk dak li huwa magħruf bħala d-“democratic deficit” (nuqqas ta‘ demokrazija) ta’ l-Unjoni Ewropea se jikber b’dan it-Trattat ta’ Riforma. 

 

Dan huwa għajb kbir għall-politiċi li jiftaħru li huma demokratiċi.

 

L-akbar tradiment tal-poplu Malti

 

L-akbar tort li l-Unjoni Ewropea għamlitilna huwa l-ħsara morali li qiegħda tnawwar il-fibra tal-poplu tagħna, partikolarment taż-żgħażagħ. 

 

Għax l-Unjoni Ewropea tqiegħed 

* il-flus u 

* l-gwadann personali flok 

* is-sewwa u 

* l-ġustizzja 

bħala l-kejl tas-suċċess ta’ ħajjitna u tal-ħidma personali tagħna. 

 

Għalhekk minflok li nfittxu li nagħmlu l-ħaqq u l-ġust, l-Unjoni tħeġġiġna biex naħsbu f’rasna u nagħmlu x’jaqblilna. 

 

Tappnetilna l-kuxjenza personali tagħna u mewtitilna r-rieda kollettiva tal-poplu tagħna bil-wegħdiet tal-flus u l-lixka ta’ mpjiegi aħjar.

It-tattika li l-Unjoni timxi biha 

* mhix li terfa’ l-kotra tal-poplu, iżda 

* li tħaxxen lil ftit li jmexxuh u 

* li għandhom is-setgħa li jinfluwenzawh u 

* jżommuh kwiet. 

 

U dawn il-magħżulin,

* għall-qligħ u l-avvanz personali tagħhom, 

* ibiegħu lill-Unjoni kemm b’ruħhom u b’ġieħhom, 

* kif ukoll il-poplu tagħhom.

Dan l-għajb qegħdin inġarrbuh f’pajjiżna bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Il-miljuni li l-Unjoni tagħtina

* ma jaslux għand il-kotra tal-poplu, 

* iżda jħaxxnu l-bwiet tal-ftit u tal-magħżulin.

 

Dawn lill-kotra mhux jagħtuha l-miljuni ta’ l-Unjoni, iżda jistorduha bil-ftaħir dwar il-miljuni, filwaqt li jtaqqluha b’piżijiet akbar tal-prezzijiet ogħla tal-ħwejjeġ tal-ħajja u tal-proprjetà.

* Il-familji tas-settur tal-ħaddiema, 

* kif ukoll tas-settur medju tas-soċjetà, 

* qegħdin jitgħaffġu b’dawn il-piżijiet li kibru ħafna bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni. 

 

Iżda l-ftit u l-magħżulin ta’ l-Unjoni joħonqu bil-ftaħir u l-propaganda favuriha, il-krib u l-protesti tal-familji tal-kotra u jtaffulhom il-piżijiet ta’ l-għoli tal-ħajja u tat-taxxi, bil-kunċerti, bil-kant u ż-żfin.

 

L-Unjoni Ewropea mermret is-sinsla tan-nazzjon Malti u għamlet minn pajjiżna prostituta għatxana għall-fondi tagħha. 

 

Liż-żgħażagħ tagħna l-Unjoni telfithom il-ħeġġa li jissagrifikaw ruħhom għal pajjiżhom u li jistinkaw għall-ġustizzja soċjali għall-poplu tagħna. 

 

Għalhekk il-ħsara tas-sħubija fl-Unjoni mhix tal-lum biss, iżda wkoll għall-ġejjieni ta’ pajjiżna li jiddependi miż-żgħażagħ.

Bis-sħubija fl-Unjoni qiegħed jinfirex aktar fostna l-
ġdim morali tal-korruzzjoni kbira li hija d-DNA ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Il-poplu qegħdin iderruh jaċċetta l-pjaga tal-korruzzjoni bħala parti mill-progress li jseħħ f’pajjiż imsieħeb fl-Unjoni.

Forsi l-akbar telfien li l-poplu tagħna ġarrab bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, huwa fil-moral tal-poplu.

Lill-poplu Malti qatgħulu qalbu li għandu l-ħila kollu rajh f’idejh u ġabuh jaħseb li jkun aħjar li jħalli f’idejn ta’ l-Ewropa biex imexxuh. 

 

Dan hu l-akbar tradiment tal-poplu Malti.

 

Il-ħsara kbira tas-sħubija fl-UE

 

Il-poplu xeba’ jisma’ tingħad il-ħrafa li l-Unjoni Ewropea se tagħtina 855 miljun Ewro f’seba’ snin, meta hija se toħdilna minnhom 358 miljun. 

 

Jibqgħalna 497 miljun Ewro, li lanqas huma biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż li jkollna nagħmlu u t-telf ta’ dħul ta‘ flus li se nbatu, kaġun tas-sħubija fl-Unjoni. 

 

Il-miljuni li se nagħtu lura, se nagħmlu tajjeb għalihom mit-taxxi li jkollna nħallsu.

Mhux għal xejn ma jridux li jsiru sewwa u jixxandru l-kontijiet kollha ta’ kemm kull sena fil-fatt indaħħlu bis-saħħa tas-sħubija fl-Unjoni. 

 

Għax kieku l-kontijiet jixxandru, jinkixef kemm huwa falz u qarrieq dak li jingħad, li l-poplu jaqbillu bis-sħubija fl-Unjoni.

Il-poplu tagħna ma jaqbillux bis-sħubija fl-Unjoni, mhux biss minħabba t-telf finanzjarju li qegħdin inġarrbu, iżda wkoll għal għadd ta’ raġunijiet oħrajn. 

 

Għax is-sħubija fl-Unjoni 

* żżid l-għoli tal-ħajja, 

* tkabbar l-ispejjeż u 

* tonfoħ il-prezz tal-proprjetà, 

 

waqt li għall-kotra tal-poplu,

* il-pagi u 

* s-salarji u 

* d-dħul ma jikbrux daqs kemm togħla l-ħajja, 

* jikbru l-ispejjeż u 

* jiżdiedu l-prezzijiet tal-proprjetà.

Dan ma jgħoddx għall-ftit mijiet li sejrin tajjeb minn fuq is-sħubja fl-Unjoni, filwaqt li 

* l-kotra kbira tal-poplu 

* ttaqqlet bil-piżijiet ġodda u 

* tgħafset bl-ispejjeż akbar, 

* kaġun tas-sħubija fl-Unjoni.

 

Il-ħsara kbira tas-sħubija fl-Unjoni 

* ġarrbuha l-eluf ta’ ħaddiema u impjegati li 

* laqqtu s-sensja u 

* oħrajn li ġarrbu tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. 

 

Ġarrbuha wkoll l-imprendituri li s-sħubija fl-Unjoni kissritilhom jew ċekknitilhom l-impriżi tagħhom u ħarbtitilhom l-investimenti li kellhom. 

 

Laqtithom ħażin is-sħubija fl-UE 

* l-bdiewa, 

* ir-raħħala u 

* l-produtturi tal-laħam, 

* tal-majjal u 

* tat-tiġieġ, 

ħlief il-ftit li ħatfu l-għajnuniet, waqt li ħafna marru l-baħar.

Fuq kulħadd marru ħażin bis-sħubija fl-Unjoni 

* n-nisa tad-dar u 

* l-anzjani 

li qegħdin iħabbtu wiċċhom ta’ kuljum 

* mal-ħajja li għoliet infern, 

* speċjalment il-mediċini, 

* ma’ l-ispejjeż li kollha kibru ħafna. 

 

Kif l-istess marru ħażin ħafna 

* żgħażagħ għarajjes 

li ma jistgħux ilaħħqu mal-prezzijiet li splodew tad-djar.

Pajjiżna kollu għandu għaliex jilmenta li qiegħed jinbiegħ biċċa biċċa lill-barranin, issa li tneħħew il-kontrolli fuq ix-xiri tal-proprjetà minn persuni u kumpaniji tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni. 

 

L-aqwa impriżi f’Malta qegħdin jgħaddu f’idejn il-barranin, bl-iskuża tal-moviment ħieles tal-kapital u tal-persuni li l-Unjoni imponitielna. 

 

Bis-sħubija fl-UE erġajna ġejna 

* f’idejn il-barranin, 

* ikkmandati mill-barranin, 

* li jiġbdu l-ispaga lill-politiċi tagħna, 

* bħalma jsir mal-marjonetti.

 

Aktar tagħrif dwar l-Unjoni Ewropea

 

Parlament Ewropew

 

Il-hlasijiet li l-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jirċievu wara l-elezzjonijiet parlamentari ta’ l-2009, se jkunu differenti minn dawk li għandhom illum. 

 

Il-membri parlamentari kollha se jkollhom l-istess salarju ta’ 

* 7,000 Ewro fix-xahar. 

 

Illum is-salarju tagħhom huwa differenti għal kull pajjiż membru.

Huma se jingħataw lura l-ispejjeż kollha tat-trasport li jagħmlu, skond l-irċevuti li jkollhom. 

 

Illum huma jitħallsu ammont fiss. 

 

Huma se jkomplu jingħataw ‘allowance’ ta’ 

* 268 Ewro kuljum, kif ukoll l-ammont ta’ 

* 14,865 Ewro fix-xahar 

għall-ispejjeż ta’ l-uffiċċji tagħhom.
 

Dan l-aħħar l-Ombudsman ta’ l-Unjoni Ewropea, P. Nikoforos Diamandorros, irrakkomanda li l-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jagħtu tagħrif lill-pubbliku ta’ xi jdaħħlu mill-Unjoni. 

 

L-uffiċjali tal-Parlament Ewropew sostnew li l-għoti ta’ dan it-tagħrif imur kontra l-ħarsien ta’ l-informazzjoni personali (‘protection of personal data’), u kien il-Kumitat tal-Parlament li kellu jikkontrolla l-Baġit, kif ukoll l-Awdituri ta’ l-Unjoni li kellhom jimmoniterjaw il-flejjes imħallsin mill-Unjoni lill-Membri Parlamentari.

Mill-2009 ‘l quddiem, il-Parlament Ewropew se jkollu 751 membru, minflok is-785 li għandu llum. 

 

L-aktar li pajjiż membru jista’ jkollu huwa 96 membru u l-inqas ikun sitt membri.

 

Is-sistema hija li aktar ma tkun kbira l-popolazzjoni ta’ pajjiż, akbar tkun il-kwota tal-voti ta’ membru elett, waqt li iżgħar ma tkun il-popolazzjoni, iżgħar tkun il-kwota tal-membru elett (‘digressively proportional’).

 

FIFA

 

Il-President tal-FIFA (l-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Football), Sepp Blatter, qal li bi ħsiebu jeħodha kontra l-UE li ma tħallhiex li jkun hemm limitu fuq in-numru tal-plejers minn pajjiżi ta’ l-Unjoni li jitħallew jilagħbu ma’ klabb.

Huwa jsostni li tim ta’ klabb li jkun magħmul kollu minn plejers barranin, jinbarra t-triq għal plejers żgħażagħ tal-pajjiż. 

 

Huwa jrid li tim jitħalla jkollu mhux aktar minn ħames plejers barranin.

 

Iżda l-UE tqis lill-plejers bħala ħaddiema u għalhekk tapplika għalihom il-prinċipju tal-moviment ħieles tal-ħaddiema, li jfisser li l-plejers ta’ pajjiż membru ta’ l-Unjoni għandhom dritt imorru bla xkiel jilagħbu f’pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni.

Sepp Blatter ma jaqbilx li l-plejers fl-isport jitqiesu l-istess bħall-ħaddiema fl-impjieg.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ