MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GHID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGHEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGHEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Il-Kostituzzjoni ta’ l-UE ikkritikata bl-aħrax

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Araw kif tassew nistgħu nitilqu mill-Unjoni Ewropea

Dan huwa video tal-Parlament Ewropew

 Video Parlament Ewropew

 

Fl-4 ta’ Ottubru l-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea se jiltaqgħu f’Ruma ħalli jiddiskutu l-abbozz tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni li tħejjiet mill-Konvenzjoni li kienet immexxija mill-ex President Franċiż Valerie Giscard d’Estaing. 

 

Mhux mistenni li jsiru tibdiliet kbar fl-abbozz, u ħafna difetti li l-Kostituzzjoni fiha se jibqgħu hemm.

Meta l-Unjoni Ewropea kienet iddeċidiet li wasal iż-żmien ħalli l-Unjoni jkollha Kostituzzjoni waħda f’dokument wieħed minflok il-ħafna trattati li llum jifformaw l-Unjoni, intqal li l-Kostituzzjoni ġdida għandha tinkiteb f’mod li tista’ tiftiehem minn kulħadd, mhux bħal ma hemm illum li ħafna ma jistgħux ikunu jafu x’tifsira għandha tingħata lit-trattati ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Iżda l-kritiċi ta’ l-abbozz tal-Kostituzzjoni ġdida kollha jaqblu li din xorta waħda nkitbet b’mod li ħafna minnha diffiċli li jiftiehem ħlief minn l-esperti legali, u xi partijiet minnha jistgħu jingħataw aktar minn tifsira waħda.

 

Meta kien deċiż li tinkiteb Kostituzzjoni ġdida għall-Unjoni Ewropea, intqal li din għandha tagħti lura lill-pajjiżi membri ta’ l-UE ħafna mis-setgħat li l-Unjoni kienet ħadet f’idejha maż-żmien, u li jistgħu jitwettqu b’mod aħjar mill-gvernijiet tal-pajjiżi membri. 

 

Dan ma ġarax fil-Kostituzzjoni ġdida għalkemm din tgħid li dak li jista’ jsir aħjar mill-gvernijiet tal-pajjiżi membri milli mill-Unjoni għandu jitħalla f’idejn il-pajjiżi membri. 

 

Il-kritiċi kollha jaqblu li bil-Kostituzzjoni ġdida l-Unjoni se jkollha aktar setgħat u mhux anqas setgħat milli għandha llum, u li dan ifisser li l-Unjoni kisbet mingħand il-pajjiżi membri setgħat ġodda li sal-lum għadhom f’idejn il-gvernijiet tal-pajjiżi membri.

Hemm xi oqsma fejn kemm l-Unjoni kif ukoll il-pajjiżi membri għandhom setgħat li jagħmlu liġijiet. 

 

Iżda l-pajjiżi membri jistgħu jezerċitaw is-setgħat tagħhom kemm-il darba l-Unjoni ma tiddeċidix li hija tagħmel il-liġijiet f’dawk l-oqsma. 

 

Dan juri kemm l-Unjoni hija aqwa u tiġi qabel il-pajjiżi membri.

 

Xi pajjiżi, bħall-Ingilterra, kienu aċċettaw li tinkiteb Kostituzzjoni ġdida għall-Unjoni Ewropea bit-tama li b’hekk jitwaqqaf il-proċess li dejjem sejjer biex l-Unjoni ssir stat wieħed kbir. 

 

Il-kritiċi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea jaqblu li l-Kostituzzjoni ġdida ssaħħaħ u mhux iddgħajjef il-proċess tal-ħolqien ta’ stat wieħed kbir billi tintegra aktar il-pajjiżi membri. 

 

Wara kollox il-ħolqien ta’ stat wieħed kbir kien mill-bidu l-għan ta’ min ħolom bl-Unjoni Ewropea, il-Franċiż Jean Monet.

Jean Monet huwa meqjus bħala l-fundatur ta’ l-Unjoni Ewropea avolja din ma kinetx tissejjaħ hekk qabel.

 

Huwa kien jisħaq li n-nazzjonijiet ta’ l-Ewropa għandhom jitressqu lejn il-ħolqien ta’ stat wieħed kbir mingħajr iżda ma l-popli tal-pajjiżi ta’ l-Ewropa jintebħu x’ikun qiegħed jiġri. 

 

Skond Monet, dan il-proċess tal-ħolqien ta’ stat wieħed kbir flok ħafna stati Ewropej kellu jitwettaq pass wara pass u mhux f’daqqa. 

 

Kull pass li jittieħed lejn l-integrazzjoni tal-pajjiżi ta’ l-Ewropa kellu jinħeba wara għan ekonomiku u ma jidhirx l-iskop politiku tiegħu. 

 

B’dan il-mod Monet kien isostni li titwaqqaf federazzjoni waħda, jew stat federali ta’ l-istati ta’ l-Ewropa li ma tkunx tista’ tmur lura biex tħalli l-istati membri ħielsa bħal ma kienu qabel.

 

Fil-bidu tal-ħajja ta’ l-Unjoni Ewropea (jew Suq Komuni kif kienet tissejjaħ) il-ftehim bejn il-pajjiżi membri kien li kollox ikun deċiż bil-kunsens ta’ kull pajjiż. 

 

B’dan il-mod il-pajjiżi kellhom l-istess vuċi minkejja li m’għandhomx l-istess daqs u l-istess popolazzjoni.

 

Fiż-żmien, dan il-prinċipju beda jixxellef sakemm illum fl-Unjoni hemm ħafna ħwejjeġ li jiġu deċiżi bil-maġġoranza u l-pajjiż li ma jaqbilx, xorta jkollu jaċċetta dak li jiġi deċiż. 

 

Issa l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni qiegħda żżid l-oqsma fejn l-affarijiet jiġu deċiżi mhux bil-kunsens ta’ kulħadd, iżda bil-maġġoranza kkwalifikata, mhux b’maġġoranza sempliċi.

Il-Kummissjoni Ewropea, u l-aktar il-President tagħha Romano Prodi, qiegħda tinsisti li kollox ikun deċiż b’maġġoranza. 

 

Iżda dan għalissa mhux se jkun aċċettat. 

 

Xorta waħda lejn dak sejrin, u ’l quddiem ftit jew xejn jibqa’ li jkun deċiż bil-kunsens ta’ kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni. 

 

Għalhekk il-kritiċi ta’ l-UE jgħidu li l-pajjiżi membri jista’ jkun li jkollhom vuċi biex isemmgħu leħenhom, iżda ma jkollhomx saħħa biex iżommu ma jitwettaqx dak li ma jkunux jaqblu miegħu.

Il-kritiċi ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Kostituzzjoni ġdida jsostnu li hemm anomalija kbira fl-Unjoni li l-Kostituzzjoni ġdida minflok sewwiet, aktar għarrqitha.

 

Il-ħatra tal-membri għall-Parlament Ewropew issir permezz ta’ elezzjonijiet f’kull pajjiż membru. 

 

Dik li jmiss, se ssir f’Ġunju tas-sena d-dieħla. 

 

Iżda f’kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni, isiru l-elezzjoni għall-ħatra tal-membri għall-Parlament tiegħu, membri li jibgħat fil-Parlament Ewropew.

Il-kritiċi jisħqu li dan l-arrangament ifisser li l-membri tal-Parlament ta’ pajjiż jiddeċiedu dwar dawk il-ħwejjeġ li ma tiddeċidihomx l-Unjoni Ewropea, u l-membri tal-Parlament Ewropew m’għandhomx jitkellmu dwar ħwejjeġ li jiġu deċiżi mill-Parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri. 

 

Mela hemm żewġ Parlamenti li jiddeċiedu l-ħwejjeġ ta’ l-istess poplu, u l-membri taż-żewġ Parlamenti jistgħu jkunu jirrappreżentaw maġġoranza differenti. 

 

Per eżempju, il-maġġoranza tal-Parlament Ewropew ikunu tal-lemin u konservattivi, fil-waqt li l-maġġoranza ta’ Parlament ta’ pajjiż membru tkun tax-xellug jew soċjalisti. 

 

Dan iwassal biex dawk l-oqsma tal-ħajja ta’ pajjiż li jaqgħu taħt il-Parlament Ewropew ikunu deċiżi skond it-twemmin konservattiv u lemini, fil-waqt dawk l-oqsma tal-ħajja ta’ l-istess poplu li jaqgħu taħt is-setgħa tal-Parlament nazzjonali jiġu deċiżi skond it-twemmin xellugi jew soċjalista.

Din it-taħwida hija fil-qalba ta’ l-istruttura li l-Unjoni Ewropea għandha, u l-Kostituzzjoni ġdida tagħha ma tirranġax, anzi aktar tkabbarha.

 

Is-CNI ma żvintatx


Fil-ħarġa tat-18 ta’ Settembru ta’ l-Orizzont dehret kitba skorretta dwar is-CNI u ċ-Chairman tas-CNI, minn sors li huwa mistenni li jkun aktar serju u korrett. 

 

Inkiteb li fl-aqwa tat-tempesta qabel ir-Referendum u l-Elezzjoni, iċ-Chairman tas-CNI abbandunaha u li s-CNI żvintat.

Dawn iż-żewġ allegazzjonijiet huma foloz. 

 

Iċ-Chairman tas-CNI, għalkemm ma baqax jokkupa dik il-kariga, baqa’ dejjem attiv sa l-aħħar ġurnata tal-kampanja tar-Referendum. 

 

Is-CNI baqgħet sa l-aħħar tal-kampanja tar-Referendum tikkontribwixxi kitba fil-ġurnali, torganizza meetings pubbliċi, ittella’ programmi televiżivi fuq is-Smash TV, tieħu sehem fi programmi televiżivi popolari (li ħaddiehor kien ibbojkottja), nidiet kampanja ta’ “cartoons” kontra s-sħubija fl-UE fit-Times (li ħaddieħor l-anqas ħolom li jagħmel), ħadet sehem f’kull programm ta’ diskussjoni li għalih ġiet mistiedna fuq it-televizjoni, fuq ir-radju u fil-pubbliku. 

 

Dan kollu sar barra l-għadd kbir ta’ personalitajiet distinti barranin li nġiebu Malta ħalli jagħmlu konferenzi pubbliċi.

Ta’ dan ix-xogħol kollu, ħadd minn tas-
CNI ma tħallas, u ħafna ħarġu l-flus mill-but ħalli jitħallsu l-ispejjeż.

Wara r-Referendum, is-
CNI ma setgħetx bħala organizzazzjoni tieħu sehem fil-kampanja elettorali għax is-CNI tħaddan fiha kemm Laburisti kif ukoll Nazzjonalisti li jridu li Malta tibqa’ indipendenti u ħielsa.

B’danakollu, persuni msieħba fis-
CNI sabu mezz kif, mhux bħala membri tas-CNI, jieħdu sehem attiv fil-kampanja ta’ l-Elezzjoni. 

 

Mhux anqas minn erbgħa ħarġu kandidati għall-elezzjoni u ieħor, mhux f’isem is-CNI, tkellem f’mhux anqas minn 38 meeting pubbliku qabel ir-Referendum u l-elezzjoni.

 

Ta’ min ifakkar li waqt li l-Moviment IVA ngħata appoġġ sħiħ mill-Partit Nazzjonalista, is-CNI ma ngħatatx appoġġ simili. 

 

Anzi, spiss l-attivitajiet tas-CNI ġew ibbojkottjati mill-media u s-CNI kellu jħallas għall-ispejjeż ta’ promozzjoni.

Wara l-elezzjoni, s-
CNI uriet li ma kinetx żvintat. 

 

Hija baqgħet konsistenti u serja fil-linja tagħha u l-għanijiet li għalihom twaqqfet, anke meta ħaddieħor qiegħed jagħmel minn kollox biex jikkonvinċi li għandu jbiddel il-linja tal-politika tiegħu.

Barra milli tieħu ħsieb din il-paġna kull ħmistax fuq l-Orizzont, is-
CNI qiegħda xxandar programm kull ħmistax fuq is-Smash TV u talbet sabiex tingħata l-istess faċilitajiet tal-programm ġdid tal-propaganda favur l-UE fuq il-PBS ħalli s-CNI ixxandar il-verità dwar l-Unjoni u mhux biss propaganda.

 

It-telfa ta’ l-Indipendenza


Minn mindu s-
CNI twaqqfet, qatt ma falliet milli tfakkar iż-żewġ ġrajjiet, jum l-Indipendenza u jum il-Ħelsien.

 

Din is-sena wkoll l-uffiċjali tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali marru jqiegħdu kuruna f’riglejn il-monument ta’ l-Indipendenza fil-Floriana fl-20 ta’ Settembru.

F’dik l-okkażjoni, is-
CNI ħarġet stqarrija li tgħid: 

 

“Bħal ma għamlet kull sena mit-twaqqif tagħha, il-Kampanja Ħelsien Nazzjonali qiegħda tfakkar l-iżvilupp politiku u kostituzzjonali li l-pajjiż kellu fil-21 ta’ Settembru, 1964.

L-Indipendenza li l-poplu Malti ngħata fil-1964, għalkemm kienet defiċjenti u b’nuqqasijiet kbar, kienet pass ’il quddiem lejn il-kisba tal-Helsien sħiħ għall-poplu tagħna li nfakkru fil-jum tal-31 ta’ Marzu.

 

Din is-sena hija d-39 sena mill-Indipendenza tal-1964. 

 

Jisgħobbina ngħidu li hija l-aħħar darba li se jkollna l-opportunità li nfakkru l-Indipendenza tal-1964 fl-istat tagħha li għandha llum, għax bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea l-Indipendenza tal-lum mhux se tibqa’. 

 

Dan għax il-poplu Malti mhux se jibqa’ kmand sovran li jiddeċiedi huwa indipendentement mill-barrani ħafna oqsma tal-ħajja li għaddew fis-setgħa, (jew kif hija aktar magħrufa) fil-kompetenza, ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għalhekk Malta reġgħet lura għaż-żmien meta ħafna ħwejjeġ huma “reserved matters” li l-Parlament Malti m’għandux setgħa fuqhom, u li jistgħu jiġu deċiżi għalina mill-maġġoranza fl-Unjoni Ewropea, anki kontra r-rieda tal-poplu kollu tagħna.


Minħabba dan it-telf ta’ l-Indipendenza politika u kostituzzjonali tagħna, is-
CNI qiegħda, kontra dak li għamlet fis-snin preċedenti meta qegħdna bukkett tal-fjuri, tqiegħed din is-sena kuruna flok bukkett f’riġlejn il-Monument ta’ l-Indipendenza, ħalli nimmarkaw it-telfa li ġarrabna ta’ l-Indipendenza fl-għeluq id-39 sena tagħha”.

 

Il-Ħamis, 25 ta’ Settembru, 2003

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ