MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Bis-sħubija
fl-UE morna lura
Jidher ċar li l-maġġoranza tal-Maltin mhix kuntenta bil-konsegwenzi ħżiena li qegħdin inġarrbu minħabba s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Wara s-sħubija, ix-xogħol u l-impjiegi naqsu f’pajjiżna.
Ħafna ħaddiema, fosthom ta’ l-Air Malta, kellhom tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Żdiedu t-taxxi u s-soprataxxi.
Il-prezzijiet għolew immens, anki ta’ ħwejjeġ essenzjali, fosthom il-mediċini.
Il-bini għola infern u l-kirjiet ġodda saru mas-smewiet.
Xogħol tal-Maltin qegħdin
jieħduh il-barranin, kif rajna jiġri fil-każ tax-xogħol
tal-144 ħaddiem Malti tas-Sea Malta li xogħlhom ingħata lill-ħaddiema
barranin u l-għadd kbir ta’ ħaddiema barranin li qegħdin jinġiebu
jaħdmu fid-dockyard u fil-lukandi.
Issa l-UE trid li jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-pensjonijiet u li ħafna
mill-benefiċċji soċjali jibdew jingħataw bi ħlas.
L-akbar impriżi qegħdin jaqgħu f’idejn il-barranin, għax hekk trid il-politika ta’ l-UE:
* l-akbar bank li l-poplu kellu,
* l-Air Terminal Internazzjonali,
* il-Freeport,
* saħansitra anki l-lottu
* u dalwaqt il-Maltacom,
kollha jinsabu f’idejn il-barranin,
f’inqas minn sentejn wara li Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.
L-esportazzjoni naqset u l-importazzjoni żdiedet.
It-turiżmu mhux sejjer tajjeb.
Dawn kollha huma effetti ħżiena tas-sħubija fl-Unjoni.
B’danakollu, il-propagandisti
f’Malta ta’ l-UE mhux biss jagħlqu għajnejhom għal dan l-għawg
kollu, iżda jitqanżħu kemm jifilħu ħalli jbellgħu
lill-poplu li pajjiżna sejjer tajjeb bis-sħubija.
Fil-laqgħa li saret fil-Lukanda Phoenicia organizzata bil-flus ta’ l-UE,
bl-għajta “Qegħdin nagħmlu suċċess mis-Sħubija”.
Xejn ma ssemma mill-effetti ħżiena li l-poplu qed iġarrab u minflok issemmew ħwejjeġ tad-daħk.
Il-Prim Ministru ftaħar kemm iħossu
kbir u ferħan li joqgħod madwar il-mejda mal-mexxejja tal-pajjiżi
kbar ta’ l-UE u kemm jieħu gost jgħaddi mill-ajruporti mingħajr
ma joqgħod fil-fillieri tal-passiġġieri li mhumiex minn pajjiżi
ta’ l-Unjoni.
Fil-laqgħa ta’ nhar is-Sibt li għadda, ftaħru li bis-saħħa
tas-sħubija fl-Unjoni, ġej l-investiment ta’ l-IT fir-Rikasli u
investiment barrani fl-industrija tal-manifattura.
Kemm dan mhux minnu, nistgħu naraw mill-fatt li investiment ta’ l-IT bħalu qed isir f’pajjiżi oħrajn mhux fl-Unjoni, fosthom l-Indja, u investimenti kbar ħafna fl-industrija tal-manifattura qegħdin isiru barra mill-UE, inkluż iċ-Ċina.
Nistgħu niżguraw li barra
l-UE, Malta tiġbed ħafna aktar investiment barrani, u li l-industrija
turistika ma tibqax sejra lura kif qed tagħmel minħabba l-ispejjeż
u l-prezzijiet għoljin effett tas-sħubija fl-UE.
Għandhom raġun il-maġġoranza tan-negozjati li jgħidu li
marru lura bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Tpaċpiċ
fil-vojt dwar l-UE
Meta l-Franċiżi u l-Olandiżi s-sena l-oħra vvotaw “LE” għall-Kostituzzjoni
mfassla mill-Unjoni Ewropea, il-mexxejja ta’ l-Unjoni ħejjew pjan biex
jipprovaw jegħlbu l-oġġezzjonijiet popolari kbar li hawn għall-Unjoni.
Huma allokaw ħafna miljuni
ħalli jintefqu f’kampanja sħiħa ta’ propaganda favur
l-Unjoni, bl-għajta “L-Ewropa tisimgħek”, li hija ppreżentata
bħala eżerċizzju ta’ smigħ ta’ l-opinjonijiet tal-poplu
dwar il-politika u t-tmexxija ta’ l-Unjoni, iżda huwa eżerċizzju
bil-maqlub, ghax fil-fatt il-poplu se jisma’ x’tgħid u xi trid l-Unjoni
Ewropea.
Din il-kampanja propagandista hija mmexxija mill-Viċi-President
tal-Kummizzjoni Ewropea, il-Kummissarju Margot Wallstrom, li f’Ottubru
tas-sena l-oħra kienet ħabbret il-pjan, magħruf bħala
“Plan-D”, għax jingħad li fih tliet ħwejjeġ li jibdew
bl-ittra D, jiġifieri, dibattitu, djalogu u demokrazija.
Dan il-pjan huwa maħsub biex l-Unjoni Ewropea ssir taf mill-qrib x’irid u
kif jaħsibha l-poplu, u għandu jwassal biex tiġi aċċettata
mill-poplu l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li ġiet miċħuda
mill-Franċiżi u l-Olandiżi.
Ħafna osservaturi politiċi ta’ l-affari tagħhom diġà
stqarrew li l-laqgħat ta’ dibattiti u djalogi se jsiru għalxejn għax
l-Unjoni Ewropea ma trid tibdel xejn mill-Kostituzzjoni li fasslet sentejn ilu u
li xxandret b’pompa kbira ġewwa Ruma u li xi pajjiżi membri laħqu
rrattifikaw.
L-Unjoni Ewropea għandha problema mħabbla ħafna, għax dawk il-pajjiżi li diġà rrattifikaw il-Kostituzzjoni, issa ma jridu li jinbidel xejn minnha.
Fil-waqt li pajjiżi oħrajn
li qalu “le għaliha, ma jridux li l-Kostituzzjoni tibqa’ kif tfasslet
la darba l-poplu ċaħadha.
Infakkru li f’Malta l-Parlament irrattifika l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni
Ewropea fis-6 ta’ Lulju tas-sena l-oħra.
Għalhekk wieħed għandu jaħseb li Malta ma tridx li l-Kostituzzjoni tinbidel.
Jekk tinbidel, wara li jsiru l-laqgħat ta’ dibattiti u djalogi,
ir-ratifika li saret is-sena l-oħra ma tkun tiswa xejn u l-Parlament ikun
irid jerġa’ jirrattifika l-Kostituzzjoni kif tinbidel.
Għalkemm pajjiżna aċċetta l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni
Ewropea kif saret, xorta waħda se jkollna l-kummiedja ta’ numru ta’
laqgħat għall-organizzazzjonijiet u għall-pubbliku dwar il-bżonnijiet
tal-poplu u dwar x’seħħ u ma seħħx fis-sentejn li pajjiżna
ilu msieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Mhux biżżejjed li għandna ħames rappreżentanti tal-poplu Malti fil-Parlament Ewropew li jistgħu jgħidu x’inhuma l-bżonnijiet tal-poplu Malti u x’seħħ u ma seħħx fl-aħħar sentejn.
Mhux biżżejjed li għandna Gvern maħtur demokratikament li jmissu jaf sew x’irid il-poplu Malti u li jmissu jwassal dan fil-laqgħat ta’ kull ġimgħa li l-Prim Ministru jew xi Ministru jkollhom fi Brussels u fi Strasbourg.
Issa għandna l-aġenta
f’Malta ta’ l-Unjoni Ewropea li se torganizza ġimgħa ta’ laqghat
ta’ tpaċpiċ fil-vojt biex tnessi l-ħerba li qegħdin inġarrbu
minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Inkwiet
soċjali fl-UE
Il-qgħad kbir fil-pajjiżi kbar ta’ l-UE, bħalma huma
l-Germanja, Franza u l-Italja, huwa l-aqwa prova tal-falliment tal-politika
ekonomika u soċjali ta’ l-UE.
Iż-żieda kbira
fl-importazzjoni fl-UE ta’ prodotti minn pajjiżi barra l-UE qiegħda
tikkaġuna tnaqqis fil-produzzjoni fil-pajjiżi ta’ l-UE u sensji
lill-eluf ta’ ħaddiema.
Pajjiżna, wara li ssieħeb fl-Unjoni u ħaddanna l-politika
ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni, qed iħallas qares billi kibret
l-importazzjoni, naqset l-esportazzjoni u żdied il-qgħad.
Il-propagandisti tal-Gvern u ta’
l-UE jitqanżħu jgħidu li dawn il-fatti li jagħmlulna ħsara
m’humiex tort tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni, għax huma
ma jridux jammettu li l-politika ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni falliet
fil-qasam tax-xogħol u l-impjiegi.
L-aktar prova tal-falliment tal-politika ekonomika u soċjali ta’ l-UE
qiegħda jagħtuhilna l-istudenti u l-ħaddiema ta‘ Franza li qamu
jipprotestaw anki vjolentement fit-toroq ta’ l-ibliet ewlenin ta’ Franza
kontra liġi li tgħid li fl-ewwel sentejn ta’ l-impjieg, is-sidien
ikollhom id-dritt itemmu l-impjieg tal-ħaddiema mingħajr il-ħtieġa
li jkollhom raġuni valida fil-liġi.
Fil-Ġermanja hemm ferment kbir għax qegħdin jitnaqqsu l-benefiċċji
soċjali biex jonqsu l-ispejjeż tal-Gvern u qegħdin isiru
‘strikes’ ta’ protesta u manifestazzjonijiet fit-toroq li bħalhom
ilhom snin twal ma jkun ma jsiru.
U hemm ’l fuq minn ħames
miljuni ħaddiema bla xogħol.
Minkejja din il-qagħda soċjali diżastruża ta’ Franza u l-Ġermanja,
ftit impriżi kbar fiż-żewġ pajjiżi qegħdin jissaħħu,
jikbru u jibilgħu oħrajn żgħar u jaħkmu s-swieq.
Għax il-politika ta’ l-UE tiffavorixxi l-impriżi ż-żgħar qajla jifilħu jġorru.
Dan il-proċess qed iġib alternattivi.
Għalhekk l-UE tinsab fil-qagħda
ta’ għajb u mistħija li għandha madwar 20 miljun ħaddiema
qegħda u ma tafx x’tagħmel biex toħloq ix-xogħol għalikom.
Il-politika ta’ l-Unjoni hija li s-suq ħieles irid jiehu ħsieb huwa
ħalli joħloq ix-xoghol għall-ħaddiema qegħda.
Iżda fil-fatt qegħdin naraw li s-suq ħieles qed inaqqas ix-xogħol u l-impjiegi fl-UE u x-xogħol qed jittieħed fil-pajjiż barra l-Unjoni fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema huma mill-agħar.
Din il-politika ta’ l-Unjoni qiegħda toħloq problemi soċjali gravi, kif qegħdin naraw fi Franza u fil-Ġermanja.
L-istess probelmi soċjali se jinħolqu
f’Malta jekk nkomplu mixjin bil-politika ekonomika ta’ l-Unjoni Ewropea.
Is-Sibt, 25 ta’ Marzu, 2006.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ