MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
L-Unjoni
Ewropea trid tibdil għall-agħar fil-pensjonijiet
Id-daqqa li jmiss minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea, ġejja fil-qasam tal-pensjonijiet.
Fl-aħħar mawra li l-Prim Ministru għamel fi
Brussels il-ġimgħa l-oħra, huwa aċċetta dak li l-Unjoni
tridu jbiddel fis-sistema tal-pensjonijet f’pajjiżna.
Huwa qabel li lill-poplu jpinġi t-tibdiliet bħala riforma
tal-pensjonijiet, jew biex isaħħaħhom u jiżgura l-ħlas
tagħhom fis-snin li ġejjin.
Din iżda hija kollha propaganda qarrieqa għax
il-pensjonijiet mhux se jitjiebu u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom
se jinbidlu għall-agħar.
Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tat-tibdil fil-pensjonijiet huwa biex jitħaffef
il-piż tagħhom minn fuq il-Gvern billi kull sena l-piż qiegħed
ikompli jiżdied għax qiegħed jikber l-għadd tal-pensjonanti.
Sabiex inaqqas il-piż minn fuqu, il-Gvern sejjer jitfa’ piż akbar fuq il-ħaddiema, l-impjegati u l-kontributuri l-oħra tas-Sigurtà Soċjali.
Huwa se jagħmel dan billi jwettaq dak li trid
l-Unjoni Ewropea li ssostni li fil-pajjiżi tagħha l-pensjonijiet ukoll
għandhom ikunu ħwejjeġ ta’ negozju u kummerċ privat.
Hija l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li minn fuq il-pensjonijiet isir qliegħ
mill-kumpaniji kummerċjali, banek u istituzzjonijiet finanzjarji privati li
jirċievu ħlasijiet regolari direttament mingħand il-ħaddiema,
l-impjegati u kontributuri oħrajn, bħal ma jitħallsu
l-kontribuzzjonijiet lis-Sigurtà Soċjali.
Dawn il-ħlasijiet isiru barra l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tal-Gvern.
Fi ftit kliem, l-Unjoni Ewropea ordnat, u l-Gvern obda, li
bħala bidu, parti mill-pensjonijiet ikunu privatizzati.
Kif ġie lura mill-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru, meta mar jiftaħ
ċentru gdid ta’ wieħed mill-banek kummerċjali, qal ċar u
tond li l-banek se jkunu jistgħu jkabbru l-profitti kbar tagħhom billi
jidħlu fin-negozju tal-pensjonijiet.
Il-Prim Ministru ma skruplax jiftaħar bil-qliegħ esaġerati li
l-banek f’pajjiżna qegħdin jagħmlu avolja jaf li dawn qegħdin
iħallsu imgħaxijiet zgħar fuq il-flejjes li l-pubbliku jiddepożita
u qegħdin jieħdu “charges” għoljin għas-servizzi li jagħtu
lill-pubbliku.
Lanqas ma ddejjaq il-Prim Ministru li l-banek ħatfu ħafna proprjetà
bl-irħis mingħand min ma wasalx biex ħallas lura dak li kellu jagħti
lill-banek u minn fuq dik il-prorpjetà l-banek għamlu profitti kbar.
U ftaħar li l-banek privatizzati marru tajjeb ħafna u nesa li b’hekk kien qiegħed ikkundanna lilu nnifsu li ma kienx kapaċi fil-gvern imexxi tajjeb daqstant il-banek li kienu tal-poplu.
L-aqwa għalih li obda lill-Unjoni Ewropea u ta lill-barranin ħwejjeġ il-poplu Malti.
L-istess
se jiġri bin-negozju tal-pensjonijiet li l-Gvern aċċetta li jsir.
L-Unjoni
Ewropea qiegħda ċċappasna man-NATO
Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea rabtitna man-NATO minkejja li l-Kostituzzjoni
tagħna tgħamar li nirruftaw li nieħdu sehem f’alleanzi
militari.
’L quddiem, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea sejra ddaħħalna fi gwerra, minkejja li pajjiżna kien ħalef li qatt aktar ma nieħdu sehem fi gwerer.
Il-Parlament Malti ma rribellax kontra d-dħul fil-Port tagħna tal-bastimenti armati tan-NATO bi ksur sfaċċat tal-Kostituzzjoni Maltija minkejja l-fatt li l-Membri Parlamentari kollha kienu ħalfu li jħarsu l-Kostituzzjoni Maltija.
Bil-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni
Ewropea li l-Parlament Malti approva meta fis-6 ta’ Lulju tas-sena l-oħra
vvota favur il-Kostituzzjoni gdida ta’ l-Unjoni, Malta tista’ titqies li reġgħet
saret pont tan-NATO u ċaħdet l-istatus tan-newtralità li 64 minn 65
deputati Parlamentari vvutaw favurieh fi Frar tas-sena 1987.
It-tifsira taż-żjara fil-Port tagħna tal-bastimenti armati
tan-NATO hija li f’għajnejn id-dinja aħna l-Maltin nagħmlu
parti minn NATO.
Il-popli li huma kontra n-NATO, issa
huma kontrina wkoll, għax aħna qegħdin nagħtu l-appoġġ
lin-NATO.
Fiż-żminijiet tal-lum, in-NATO titqies li hija l-forza militari li
biha l-pajjiżi tal-Punent u l-aktar ta’ l-Unjoni Ewropea, iridu jrażżnu
l-popli Musulmani u Għarab.
Anki jekk il-gvernijiet Musulmani u Għarab iżommu relazzjoni tajba mal-pajjiżi Ewropej, il-poplu Musulman u l-poplu Għarbi huwa kontra l-pajjiżi Ewropej.
L-irvellijiet u l-protesti popolari
f’ħafna pajjiżi f’dawn l-aħħar gimgħat huma xiehda
ta’ kif il-massa tal-poplu taħsibha dwar l-Ewropej u dwar id-drawwiet u
l-kultura tal-pajjiżi Ewropej.
Issa li Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea f’għajnejn il-massa
tal-Musulmani u l-Għarab, il-Maltin morna fl-istess keffa ta’ l-Ewropej u
sirna għedewwa tagħhom.
Iċċappasna bl-istess
dnubiet tal-popli Ewropej l-oħra u tlifna l-istima li kellna bħala
poplu nisrani, iżda ħabib tal-poplu Musulman u tal-poplu Għarbi.
Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea irmejna l-għarfien li konna ngawdu bħala
poplu li l-Musulmani u l-Għarab kienu jistgħu jafdawna li ma
nixtiequlhomx deni u li ridnilhom il-ġid.
Tlifna r-rispett ta’ poplu newtrali u sirna f’għajnejhom ħbieb ta’ l-għedewwa tagħhom.
Ma rbaħna xejn u tlifna ħafna
għax it-taqtiegħa bejn il-poplu Musulman u l-poplu Għarbi fuq naħa
u l-pajjiżi ta‘ l-Ewropa fuq in-naħa l-oħra, se tikber u tiħrax.
Biex inkunu ta’ ġid u nnaqqsu l-inkwiet u nqarrbu liż-żewġ naħat lejn xulxin, jeħtieġilna li ninfatmu mill-Unjoni Ewropea.
B’hekk biss nistgħu nerġgħu
niksbu l-fiduċja tal-Musulmani u l-Għarab u b’hekk biss nistgħu
neħilsu li ma ninqabdux fi gwerra li minnha ma nieħdu xejn ħlief
qerda u ħerba.
L-importanti
huwa li nohorgu mill-Unjoni
Derek Bennett huwa attivist tal-UK Independence Party u ilu s-snin jieħu
interess fil-ġlieda f’Malta għall-Ħelsien.
Jikteb spiss f’gazzetti bl-Ingliż li joħorġu f’pajjiżna.
Il-ġimgħa l-oħra dehret ittra tiegħu interessanti li tajjeb nwassluha lill-qarrejja ta’ din il-paġna.
L-ittra tgħid hekk:
“Fil-ġimgħat imgħoddija segwejt id-diskussjoni dwar kif għandha
tinkiteb l-Euro fuq il-flus Maltin. Stħajjilt din id-diskussjoni bħala
waħda bejn priġunieri li qegħdin jistennew jingħataw
il-forka li jiddiskutu kif l-aħjar jinqatlu u mhux kif jistgħu jeħilsu
mill-mewt.
“Għax kif tinkiteb l-Euro mhix importanti xejn. Importanti huwa li l-Lira
Maltija qiegħda taħt sentenza tal-mewt u magħha se jintilef il-ħelsien
tal-qasam fiskali Malti.
“Id-dħul ta’ l-Euro ifisser
li l-ekonomija Maltija ma tibqgħax aktar ħielsa, li Malta ma jkollhiex
kontroll fuq kemm ikunu r-rati ta’ l-imgħax u li l-ġid ta’ Malta,
id-deheb, id-dollari u l-flejjes barranin kollha ta’ Malta, isiru tal-Bank
Ċentrali ta’ l-Unjoni Ewropea fi Frankfurt.
“Ma jiswix x’ikun hemm miktub fuq il-flus. Jiswa x’isarrfu l-flus u li
huma flus tal-pajjiż li hija l-Unjoni Ewropea li tagħha Malta tkun
rokna zgħira ta‘ ebda importanza.
“Kieku kont Malti, ma kontx noqgħod niddiskuti ħwejjeġ mhux
importanti bħal ma hija kif tinkiteb l-Euro, meta naf li l-bojja qed iħejji
l-forka.
Kont nwaqqaf kumitat biex jaħdem kif neħilsu mill-forka.
Kont naħdem ħalli l-Partit
Laburista jerġa’ jħaddan il-valuri ta’ qabel ir-Referendum, billi
jwiegħed mhux biss li jwarrab il-pjani kollha ħalli tidħol
l-Euro, iżda jwiegħed li jibda n-negozjati halli joħroġ lil
Malta mill-Unjoni Ewropea.”
Derek Bennett joqgħod f’Walsall, fl-Ingilterra u huwa ħabib ġenwin
ta’ Malta.
Appoġġ
liż-żgħażagħ tal-Graffitti
Nappoġġjaw liż-żgħażagħ tal-Graffitti li
pprotestaw kontra l-bastimenti tan-NATO u favur il-Paċi.
Nikkundannaw lill-Pulizija li waqqfu liż-żgħażagħ,
minflok ħarrku lil min qed jikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta
Is-Sibt, 25 ta’ Frar, 2006.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ