MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

   

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

  NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

L-elezzjoni ġenerali qabel id-dħul ta’ l-Ewro?

 

Ħafna huma ta’ l-opinjoni li din il-propaganda kollha tal-kumitat responsabbli għall-bidla tal-lira Maltija fl-Ewro fl-1 ta’ Jannar 2008 għandha skop preċiż. 

 

Iridu jaħslu moħħ il-poplu Malti li bid-dħul ta’ l-Ewro m’hu se jinbidel xejn ħlief il-munita. 

 

Il-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi se jibqgħu l-istess u Malta u l-poplu Malti se jakkwistaw ġid kbir bid-dħul ta’ l-Ewro u r-rimi tal-munita taghna, il-lira Maltija.


Ħafna jissuspettaw bil-kbir li għax il-Gvern jaf li bid-dħul ta’ l-Ewro l-prezzijiet, it-tariffi, eċċ., se jitilgħu ‘l fuq u mhux jinżlu ‘l isfel, l-elezzjoni ġenerali jgħajjatha eżatt wara d-diskors tal-baġit ta’ din is-sena. 

 

U l-elezzjoni ġenerali ssir lejn l-aħħar ta’ Novembru jew il-bidu ta’ Diċembru, 2007.


Dan ikun ifisser li l-Ewro ma jkunx daħal fiċ-ċirkolazzjoni minflok il-lira Maltija. 

 

U allura l-poplu jkun għadu ma ndunax li reġgħu daħku bih meta qalulu li “se tinbidel biss il-munita u mhux il-prezzijiet”.


Dak li ġara fis-Slovenja, pajjiż li ssieħeb fl-Unjoni flimien ma’ Malta iżda li diġà daħħal l-Ewro flok il-munita Slovena fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena stess. 

 

Fis-Slovenja mill-ewwel għolew sewwa l-prezzijiet, kif irrapporta l-korrispondent Malti Ivan Camilleri fis-7 ta’ Jannar. 

 

Għalhekk il-Gvern Malti għandu prova oħra, l-aktar waħda riċenti, li minkejja l-kampanja kollha ta’ propaganda u ta’ edukazzjoni tal-konsumatur kif sar fis-Slovenja, bħalma qiegħed isir f’Malta, xorta waħda kien hemm żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti u servizzi, mat-tokki ta’ nofs il-lejl tal-31 ta’ Diċembru 2006 u l-bidu ta’ l-1 ta’ Jannar, 2007.


Minkejja dan kollu, il-Gvern Sloven organizza ċelebrazzjoni dwar id-dħul ta’ l-Ewro. 

 

Jiġifieri l-poplu Sloven qalulu biex jiċċelebra l-għoli tal-prezzijiet. 

 

L-istess qegħdin jgħidulna nagħmlu tal-kumitat tan-NECC fl-1 ta’ Jannar, 2008.


Dak li ġara fis-Slovenja, li wara kollox hu l-istess kif ġara fil-pajjiżi l-oħrajn kollha fejn daħal l-Ewro, ħafna jaħsbu li l-Gvern Malti ma jazzardax jarah jiġri f’Malta ftit ġimgħat jew xhur qabel l-elezzjoni ġenerali.


Għalhekk jaħsbu li l-elezzjoni ġenerali l-Gvern jagħmilha qabel tidħol l-Ewro, meta l-poplu jkun għadu stordut bil-propaganda kollha li l-Ewro “hu fl-interess tagħna lkoll” u li “se tinbidel biss il-munita u mhux il-prezzijiet”.


Dawn kapaċi jgħaddu minn għajn il-labra anki lix-xitan, aħseb u ara lin-nies komuni li ma jafux x’ġara f’pajjiżi oħrajn bid-dħul ta’ l-Ewro.

 

X’daħħalna mill-Unjoni Ewropea?

 

Il-Gvern kull sena jagħti rendikont tal-flus li jkun daħħal mit-taxxi, liċenzji, multi, eċċ. 

 

Jagħti wkoll rendikont ta’ kif u fejn nefaq il-flus li daħħal, għax dawk huma flus il-poplu Malti.


Kull sena pajjiżna qiegħed jgħaddi flus lill-Unjoni Ewropea. 

 

Din hija somma sostanzjali mill-flus imħallsin mill-poplu lill-Gvern. 

 

Il-membri parlamentari Maltin, kemm dawk li daħku bina dwar kemm se jkollna benefiċċji mill-Unjoni, kif ukoll dawk li telgħu bil-134,000 vot li ma qablux li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni, għandhom id-dmir li lill-poplu jagħtuh rendikont tal-flus li nħallsu lill-Unjoni u ta’ dawk li fil-fatt indaħħlu mill-Unjoni.


Skond rapport f’l-orizzont ta’ l-20 ta’ Frar, 2003, fit-tliet snin 2004/2006 aħna kellna nħallsu lill-Unjoni 73.75 miljun lira Maltin. 

 

Dawn tħallsu ‘cash’. 

 

Skond l-istess rapport, suppost li mill-Unjoni f’dawk it-tliet snin ħadna benefiċċji li jammontaw għal 154.71 miljun lira Maltin.


Jidhirli li kmieni s-sena l-oħra l-Prim Ministru ġabar l-ammonti kollha li fil-fatt konna se nieħdu u ġabhom jammontaw għal xi 44 miljun lira Maltin biss, mis-somma ta’ 154.71 miljuni mwegħda.


Fil-ħafna pubblikazzjonijiet ta’ propaganda li l-Unjoni Ewropea toħroġ, qatt ma sibt rendikont tal-ħruġ u d-dħul ta’ l-Unjoni mal-pajjiżi membri tagħha. 

 

Dan in-nuqqas jista’ jkun għax l-Unjoni jew ma tippubblikax dan ir-rendikont, jew għax ma jiġix ippubblikat hawn Malta. 

 

Jista’ jkun għax l-awdituri ta’ l-Unjoni għall-aħħar 12-il sena konsekuttivi rrifjutaw li jiffirmaw il-kontijiet ta’ l-Unjoni minħabba l-irregolaritajiet u t-taħwid li sabu fihom.

 

Sabiex inkun preċiż inżid ngħid li l-kontijiet tal-Kummissjoni Ewropea nfisha li jammontaw għal sebgħa fil-mija tal-kontijiet kollha ta’ l-Unjoni, l-awdituri ffirmawhom għax ftit sabu żbalji fihom. 

 

Iżda l-bqija (jiġifieri, 93 fil-mija tal-kontijiet) l-awdituri m’aċċettawhomx bħala korretti. 

 

Ta’ min jistaqsi għaliex dan?


L-Ingliżi jħallsu madwar erba’ biljun lira sterlina fis-sena lill-Unjoni Ewropea. 

 

Jekk tqassam din is-somma mas-sittin miljun ċittadini Ingliżi, jiġi li kull wieħed iħallas 66 sterlina u 67 pence kull sena (jew Lm43.18ċ fi flus Maltin).


Aħna l-Maltin ħallasna lill-Unjoni Lm73.75 miljuni fit-tliet snin 2004/2006. 

 

Jekk tqassam din is-somma bejn l-400,000 ċittadin ta’ pajjiżna, jirriżulta li kull wieħed u waħda minnha ħallasna Lm61.46c kull sena lill-Unjoni. 

 

Jiġifieri, kull Malti jiġi ħallas Lm18.28ċ aktar kull sena minn kull Ingliż.


Nitlob lill-Kummissarju Malti Dr Joe Borg u lill-ħames membri Maltin li suppost jissalvagwardjaw l-interessi tagħna fil-Parlament Ewropew, u lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni, biex jaraw li dan ir-rendikont ta’ kemm tajna lill-Unjoni u kemm fil-fatt ingħatajna minnha fit-tliet snin 2004/2006, jiġi ppubblikat mill-aktar fis.


Jiġi ppubblikat mingħajr żbalji, bla logħob ta’ ċifri u bla reviżjonijiet. 

 

Wara kollox, jekk student jagħmel żball meta jkun taħt tensjoni ta’ eżami, ma jingħatax ċans li “jirrevedi” l-iżball. 

 

Għaliex allura l-esperti li fil-kumdità ta’ l-uffiċini bl-arja kundizzjonata, bla għaġġla, jagħmlu l-iżbalji u nagħtuhom ċans jikkorreġuhom jew jirreveduhom, qisu ma ġara xejn?


Dalwaqt issa se nibda nirċievi karti, ritratti u kitba ta’ propaganda jitolbuni l-vot. 

 

Nista’ ngħid minn issa li jekk ma jingħatax dan ir-rendikont li qed nitlob, dawn il-karti li nirċievi qabel l-elezzjoni, imorru dritt fil-basket ta’ l-iskart.

 

Se jerġgħu jinqdew bil-Papa?

 

Bħalma kienu għamlu meta nqdew biż-żjara tal-Papa Gwanni Pawlu II qabel ir-referendum u l-elezzjoni ġenerali ta’ l-2003 biex il-poplu jivvota favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, billi kkwotaw xi kliem li kien qal fil-passat dwar l-Unjoni, issa jidher li l-istess se jipprova jagħmel il-Gvern tal-lum.


Ġie rrapportat li l-Prim Ministru Gonzi, fiż-żjara li għamel fil-Vatikan il-ġimgħa l-oħra, qal lill-Papa Benedittu XVI biex “jiġi jiġri” jżurna ħalli jikkanonizza qaddis lill-Beatu Dun Ġorg Preca f’Malta.

 

Waqt li l-poplu Malti kollu żgur jilqa’ bil-ferħ il-miġja tal-Qdusija Tiegħu l-Papa, ħafna osservaturi jħossu li ż-żjara għandha ssir wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss, ħalli l-politiċi ma jinqdewx biha għal skopijiet partiġġjani.

 

Fil-Vatikan imisshom jafu sewa bil-manuvri li jsiru meta tkun waslet elezzjoni ġenerali f’Malta.


L-osservaturi qalu li jemmnu li l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Pawlu Cremona jaf tajjeb l-istorja ta’ Malta u li huwa jagħti l-fehma tiegħu rigward żjara tal-Qdusija Tiegħu fi żmien hekk politikament sensittiv.

 

 

Qed iberraq dwar l-Ewro anki fi Franza?

 

Il-Prim Ministru Franċiż, Dominique de Villpin dan l-aħħar ikkritika bl-aħrax lill-Bank Ċentrali Ewropew fuq l-Ewro, u sejjaħ biex l-istati membri jerġgħu jieħdu kontroll fuq il-munita Ewro u jitolbu lura s-sovranità ekonomika tagħhom.


Din il-kritika tal-Prim Ministru Franċiż saret wara li l-kandidat Gaullista, Nicolas Depont-Aignan, li se jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali fi Franza ftit xhur oħra, għamel sejħa biex il-Franc Franċiż jerġa’ jidħol fi Franza flok l-Ewro, li l-Franċiżi jgħidu li aktar għamlitilhom ħsara ekonomika milli ġid.


U hawn Malta l-politiċi Maltin ma jissugrawx jgħidu kelma waħda biss dwar l-effetti negattivi ta’ l-Ewro.

 

Kontu tafu li...?

 

Fi stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika fl-Ingilterra li sar mill-UE, 34 fil-mija biss ta’ l-Ingliżi jaħsbu li s-sħubija fl-UE “hija ħaġa tajba”, waqt li 25 fil-mija biss għandhom fiduċja fil-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

 

Il-Ħamis, 25 ta’ Jannar, 2007.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ